L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Litwanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Rikorsi għal Ordni ta’ Ħlas Ewropew jiġu eżaminati skont ir-regoli stabbiliti fil-Kapitolu XXIII tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja (Lietuvos Respubklikos civilinio proceso kodeksas), soġġetti għall-eċċezzjonijiet previsti fih.

1.1 L-ambitu tal-proċedura

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Il-proċedura stabbilita fil-Kapitolu XXIII tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja tiġi applikata f’każijiet li jinvolvu rikors ta’ kreditur rigward talbiet ta’ flus (ġejjin minn kuntratt, tort, impjieg, l-għoti ta’ manteniment, eċċ).

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Le.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Kawżi li jinstemgħu skont il-Kapitolu XXIII tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jistgħu jinstemgħu wkoll fi proċedimenti kontenzjużi jew permezz ta’ proċedura bil-miktub skont l-għażla tal-kreditur.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Skont il-Kapitolu XXIII tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, ir-rikorsi ma jiġux ikkunsidrati jekk id-debitur jgħix jew għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu barra l-pajjiż.

Jekk tkun bdiet kawża fuq talba tal-kreditur u mbagħad jirriżulta li, wara li tkun ħarġet ordni tal-qorti, il-post ta’ residenza tad-debitur jew fejn jaħdem mhux magħruf, il-qorti tirrevoka l-ordni tagħha stess u r-rikors tal-kreditur jibqa’ mingħajr deċiżjoni. Din id-deċiżjoni tal-qorti ma tistax tiġi kkontestata permezz ta’ appell separat. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-qorti tista’ tirrevoka l-ordni tal-qorti u tħalli r-rikors tal-kreditur mingħajr deċiżjoni biss jekk qabel il-qorti kienet stabbiliet żmien għall-kreditur sabiex jidentifika l-post ta’ residenza jew xogħol tad-debitur jew biex jieħu passi sabiex il-qorti tkun tista’ tinnotifika d-dokumenti b’mezzi oħra.

1.2 Il-qorti kompetenti

Il-kawżi bbażati fuq rikorsi għal ordni tal-qorti jinstemgħu mill-qrati distrettwali skont il-post ta’ residenza.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

Minbarra r-rekwiżiti ġenerali stabbiliti għall-kontenut u l-forma tad-dokumenti proċedurali, rikors għal ordni tal-qorti jrid jispeċifika:

  1. l-isem, il-kunjom, il-kodiċi ta’ identifikazzjoni personali u l-indirizz tal-kreditur, jew, meta’ l-kreditur ikun entità ġuridika, l-isem sħiħ, l-uffiċċju rreġistrat, il-kodiċi ta’ identifikazzjoni u n-numru tal-kont kurrenti tal-kreditur, id-dettalji tal-istituzzjoni ta’ kreditu rilevanti u, jekk ir-rikors jiġi ppreżentat minn rappreżentant, l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-kreditur;
  2. l-isem, il-kunjom, in-numru ta’ identifikazzjoni personali (jekk magħruf), l-indirizz u l-post tax-xogħol (jekk magħruf) tad-debitur u, meta d-debitur ikun entità ġuridika, l-isem sħiħ, l-uffiċċju rreġistrat, il-kodiċi ta’ identifikazzjoni u n-numru tal-kont kurrenti (jekk magħruf) tad-debitur u d-dettalji tal-istituzzjoni ta’ kreditu rilevanti (jekk magħruf);
  3. l-ammont tat-talba;
  4. meta talba tikkonċerna l-għoti ta’ interess jew penali minħabba ħlas li jkun sar tard, ir-rata, l-ammont u l-perjodu ta’ kalkolazzjoni tal-interess jew il-penali tal-ħlas li jkun sar tard;
  5. it-talba, il-fatti li fuqhom hija bbażata u l-provi ta’ sostenn;
  6. Rikjesta raġonevoli għall-applikazzjoni ta’ miżuri provviżorji fuq id-debitur meta’ jkun hemm raġunijiet tajba għal dan il-għan u teżisti informazzjoni dwar l-assi tad-debitur;
  7. Konferma li ma hemmx raġuni kif speċifikat fl-Artikolu 431(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja (meta jinħareġ l-ordni tal-qorti, l-obbligu (jew parti mill-obbligu) fuq il-kreditur li għalih qed jintalab il-ħlas u li ma sarx u d-debitur jeħtieġ li jitwettaq; parti mill-obbligu ma tistax titwettaq u l-kreditur jeħtieġ li din titwettaq; id-debitur jgħix jew għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu barra l-pajjiż; il-post ta’ residenza tad-debitur u l-post tax-xogħol mhumiex magħrufa).
  8. Lista ta’ dokumenti annessi mar-rikors.

Rikors għal manteniment għandu jindika wkoll id-data u l-post ta’ twelid tad-debitur, id-data tat-twelid u l-post ta’ residenza tal-benefiċjarju (jekk ir-rikors isir minn persuna oħra u mhux mill-benefiċjarju nnifsu), l-ammont mitlub tal-manteniment fix-xahar u l-perjodu li għalih hu mitlub.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Huwa rakkomandat li tintuża l-formola standard approvata mill-Ministeru tal-Ġustizzja.

Fil-Portal tas-Servizzi Elettroniċi tal-Qrati Litwani huwa disponibbli mudell tal-formola ta’ applikazzjoni għal ordni tal-qorti https://e.teismas.lt/lt/public/documentstemplates/

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Le.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Dan mhux regolat.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Rikors għal ordni tal-qorti mhemmx għalfejn ikun akkumpanjat minn xi provi.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Il-qorti tiċħad rikors għal ordni tal-qorti fil-każijiet li ġejjin:

- fiċ-ċirkostanzi speċifikati fl-Artikolu 137(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja (it-tilwima ma għandhiex tkun soġġetta għal proċedimenti ċivili quddiem qorti) it-talba ma taqax taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qorti partikolari; Il-persuna li tkun deheret quddiem il-qorti naqqset milli tosserva l-proċedura ekstraġudizzjarja stabbilita mil-liġi għal dik il-kategorija partikolari ta’ kawżi; ingħatat sentenza eżekuttiva jew deċiżjoni arbitrali dwar tilwima bejn l-istess partijiet li tinvolvi l-istess suġġett u bbażata fuq l-istess raġunijiet jew hemm sentenza eżekuttiva tal-qorti li laqgħet ir-rinunzja tat-talba tar-rikorrent jew approvat il-ftehim ta’ rikonċiljazzjoni tal-partijiet; hemm kawża pendenti quddiem il-qorti li tirrigwarda tilwima bejn l-istess partijiet dwar l-istess suġġett u bbażata fuq l-istess raġunijiet; il-partijiet ikkonkludew ftehim li jirreferi t-tilwima lil bord tal-arbitraġġ; Ir-rikors ġie ppreżentat f’isem persuna mingħajr kapaċità legali; Ir-rikors ġie ppreżentat f’isem il-parti interessata minn persuna li mhux awtorizzata tmexxi l-kawża);

- ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 431(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja jew jidher biċ-ċar li mhux ġustifikat.

1.5 Appell

Sentenza li tirrifjuta rikors tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ appell separat.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Id-debitur jista’ jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni kontra r-rikors tal-kreditur jew parti minnu quddiem il-qorti li tkun ħarġet l-ordni tal-qorti. Jekk id-debitur ikun issodisfa parti mit-talba tal-kreditur jew jirrikonoxxi parti mit-talba iżda madakollu għadu ma ssodisfahiex, huwa jista’ jopponi l-validità tal-parti rimanenti tat-talba tal-kreditur.

Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tad-debitur kontra r-rikors tal-kreditur għandha tiġi ppreżentata bil-miktub fi żmien għoxrin jum min-notifika tal-ordni tal-qorti lid-debitur. Id-dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti għall-kontenut u l-forma tad-dokumenti proċedurali, ħlief għar-rekwiżit li jiġu indikati r-raġunijiet għall-oppożizzjoni. Jekk, għal raġunijiet serji, id-debitur ikun ippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni wara li jkun għadda ż-żmien speċifikat, il-qorti tista’ troddu lura dan iż-żmien fuq talba tiegħu stess. Sentenza li tirrifjuta dan ir-rikors mid-debitur tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ appell separat.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Meta l-qorti tirċievi d-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni tad-debitur, hija trid tinnotifika lill-kreditur mhux aktar tard minn tliet jiem tax-xogħol li huwa jista’ jippreżenta talba skont ir-regoli ġenerali dwar il-proċedimenti kontenzjużi (inkluż ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni) u jħallas it-tariffa addizzjonali tal-qorti mhux aktar tard minn erbatax-il jum minn meta jirċievi n-notifika tal-qorti. Kull miżura provviżorja applikata mill-qorti ma tistax titneħħa qabel ma jiskadi ż-żmien għall-preżentata tat-talba.

Jekk id-debitur jissodisfa parti mit-talbiet tal-kreditur kif ordnat mill-qorti jew jirrikonoxxi parti mit-talba iżda madankollu ma jissodisfahiex u jopponi biss il-parti rimanenti tat-talba tal-kreditur, il-qorti toħroġ ordni ġdid fejn tilqa’ t-talba sa fejn mhux ikkontestat mid-debitur skont ir-regoli tal-Kapitolu rilevanti. Jekk id-debitur jopponi l-ordni tal-qorti f’dak li għandu x’jaqsam biss mal-għoti tal-ispejjeż proċedurali, il-qorti tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ kumpens għal dawk l-ispejjeż permezz ta’ sentenza. Il-kreditur jista’ jiftaħ kawża għall-parti mhux sodisfatta tat-talbiet tiegħu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu rilevanti.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk il-kreditur jonqos milli jippreżenta talba mfassla kif suppost lill-qorti fi żmien erbatax-il jum, ir-rikors tal-kreditur jitqies li ma ġiex ippreżentat u jintbagħat lura lill-kreditur permezz ta’ sentenza, u l-ordni tal-qorti u kwalunkwe miżura provviżorja li jkunu ġew applikati jiġu annullati. Din is-sentenza tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ appell separat, għalkemm dan ma jżommx lill-kreditur milli jippreżenta talba skont il-proċedura ġenerali.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Ordni tal-qorti tidħol fis-seħħ jekk id-debitur ma jippreżentax oppożizzjoni kontra r-rikors tal-kreditur fi żmien għoxrin jum. Ordni tal-qorti ma tistax tiġi implimentata bħala kwistjoni urġenti.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Ordni tal-qorti ma tistax tiġi kkontestata permezz ta’ appell jew proċedimenti quddiem il-qorti tal-kassazzjoni.

L-aħħar aġġornament: 21/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.