L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Irlanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Ma hemm ebda proċedura tal-“ordni ta’ ħlas” speċifika fl-Irlanda iżda attur li għandu jitħallas ammont speċifiku ta’ flus jew li t-talba tiegħu tkun faċilment kwantifikabbli jista’ jirċievi sentenza f’kontumaċja.

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Jekk il-konvenut jonqos milli jidher jew milli jiddefendi ruħu kontra t-talba tal-attur, l-attur jista’ jikseb sentenza f’kontumaċja. Meta t-talba oriġinali tkun għal somma likwidata jew definita, is-sentenza finali tista’ tiġi rreġistrata fl-Uffiċċju Ċentrali tal-Qorti Superjuri jew fl-Uffiċċju tal-Qorti Ċirkwit, skont l-ammont tat-talba (ħlief f’numru żgħir ta’ każijiet, pereż. kwistjonijiet relatati ma’ self ta’ flus, f’liema każ l-attur jeħtieġlu jagħmel applikazzjoni għal sentenza f’kontumaċja jew jikseb il-permess mingħand il-qorti biex is-sentenza tiġi rreġistrata favurih). Fi kliem ieħor, f’ħafna każijiet ċari ta’ ġbir tad-dejn, l-attur/il-pretendent jista’ jikseb sentenza f’kontumaċja bla ma jkollu jitla' l-qorti u jista’ jikseb is-sentenza mingħand l-uffiċċju rilevanti tal-qorti permezz ta’ proċedura amministrattiva.

Jekk it-talba ma tkunx għal somma definita ta’ flus, l-attur jeħtieġlu jitlob lill-qorti għal sentenza u s-sentenza ma tkunx tista’ tinkiseb b’xi mod ieħor ħlief billi jitla' l-qorti.

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Sentenza tista’ tinkiseb f’kontumaċja kważi f’kull tip ta’ każ. Din il-proċedura mhix limitata għal talbiet kuntrattwali jew pekunarji, għad li s-sistema hi saħansitra aktar sempliċi għal dawn il-każijiet. L-eċċezzjonijiet ewlenin jinkludu kwistjonijiet relatati ma’ self ta’ flus.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Le.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

L-użu tal-proċedura hu fakultattiv, peress li l-attur jeħtieġlu jieħu ċerti passi qabel ma jkun jista’ jirċievi sentenza f’kontumaċja: pereżempju l-preżentazzjoni tal-karti neċessarji fl-uffiċċju tal-qorti rilevanti jew il-ħruġ jew in-notifika ta’ avviż ta’ mozzjoni u ta’ affidavit lill-konvenut. Meta konvenut jonqos jew jirrifjuta milli jwieġeb għal talba ta’ attur u jekk l-attur ma jfittixx is-sentenza fi proċedura ta’ kontumaċja, l-unika alternattiva għall-attur tkun li jirtira t-talba.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Soġġetta għal ftehimiet bejn pajjiżi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi bejn l-Irlanda u Stati Membri oħra (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali issa ssostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1215/2012), jew għal ftehimiet simili li jsiru ma’ pajjiżi terzi, il-proċedura hi disponibbli jekk il-konvenut ikun jgħix f’ġurisdizzjoni oħra. Meta l-konvenut ikun jirrisjedi barra mill-ġurisdizzjoni, l-attur jeħtieġlu jiżgura li l-konvenut jiġi nnotifikat kif xieraq f’konformità mar-regoli rilevanti tal-qorti li japplikaw għan-notifika barra mill-ġurisdizzjoni. Jekk konvenut li jirrisjedi f’ġurisdizzjoni oħra jonqos milli jidher jew milli jiddefendi kontra t-talba, l-attur jista’ japplika quddiem qorti għal sentenza f’kontumaċja bħalma jsir normalment.

1.2 Il-qorti kompetenti

Il-qorti kompetenti tiddependi min-natura jew mill-ammont tat-talba involuta. Jenħtieġ li l-attur japplika quddiem il-qorti fejn ikun nieda l-proċeduri u li l-qorti tkun f’pożizzjoni li tiżgura jekk il-konvenut deherx jew iddefendiex kontra t-talba u jekk skadiex iż-żmien biex jagħmel dan. Jekk l-ammont tat-talba jkun ta' anqas minn €75,000 (€60,000 għal rikorsi dwar danni personali), l-attur ikun jista’ jippreżenta t-talba tiegħu fil-Qorti Ċirkwit. Jekk l-ammont ikun akbar, it-talba trid tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti Superjuri. Jekk l-ammont tat-talba jkun anqas minn €15,000, it-talba trid tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti Distrettwali. Jekk it-talba jkollha valur ta’ anqas minn €2,000, it-talba tista’ tiġi ppreżentata fil-proċedura għal Talbiet Żgħar.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

L-attur jeħtieġlu jiżgura li jsegwi l-proċeduri t-tajba kif stabbiliti mir-regoli tal-qorti. Jeħtieġlu jinnotifika lill-konvenut bil-proċeduri. Jekk il-konvenut jonqos milli jidher jew milli jiddefendi kontra t-talba, l-attur ikun jista’ jitlob sentenza f’kontumaċja. Jekk it-talba tkun għal somma likwidata, kulma jkollu jagħmel l-attur hu li jkun għamel it-talba jew id-domanda għal ħlas u ladarba din issir, ġeneralment l-attur ikun intitolat għal sentenza mir-reġistru tal-qorti rilevanti mingħajr il-bżonn ta’ ordni tal-qorti jew ta’ rikors quddiem imħallef. Il-persunal rilevanti tal-uffiċċju tal-qorti involuta mbagħad jikkontrolla biex jara jekk il-konvenut irrikonoxxiex it-talba, jekk it-termini perentorji biex jagħmel hekk skadewx u li l-attur ikun ipprovda lill-uffiċċju bl-evidenza neċessarja bħal affidavit ta’ notifika u affidavit ta’ dejn li jispeċifika s-somma li fil-fatt tkun dovuta f’dak iż-żmien.

Jekk it-talba tkun għal ammont mhux speċifikat jew jekk it-talba ma tkunx kwantifikabbli minnufih, l-attur jeħtieġlu jagħmel applikazzjoni quddiem il-qorti għal sentenza f’kontumaċja.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Iva. Fil-Qorti Superjuri, ir-Regola rilevanti għas-sentenza f’nuqqas ta’ dehra hi l-Ordni 13 tar-Regoli tal-Qrati Superjuri 1986 kif emendati u għas-sentenza f’kontumaċja tad-difiża din hi l-Ordni 27. Fil-Qorti Ċirkwit, applikazzjoni għal sentenza f’kontumaċja trid tkun appoġġata minn ċerta dokumentazzjoni inklużi d-dokument tat-talba oriġinali u dikjarazzjoni tan-notifika tat-talba. Barra minn hekk, l-applikazzjoni għal sentenza trid tkun konformi mal-Formoli 9 u 10 tal-Iskeda tal-Formoli mehmuża mar-Regoli tal-2001 dwar il-Qorti Ċirkwit. Il-formoli jistgħu jinkisbu fi skeda mehmuża mar-Regoli.

B’mod simili, fil-każ tal-Qorti Distrettwali, il-formoli huma disponibbli bħala Skeda għar-Regoli tal-Qrati Distrettwali.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Le. Madankollu, jekk it-talba għandha valur ta' aktar minn €75,000 (€60,000 għal rikorsi għal danni personali), din tkun talba tal-Qorti Ċirkwit u jekk din tinvolvi materji kkumplikati, hu rakkomandat, iżda mhux bilfors, li wieħed ifittex pariri u rappreżentazzjoni legali.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

It-talba inizjali trid tispeċifika l-ismijiet, l-indirizzi u, jekk applikabbli, l-okkupazzjoni tal-partijiet. Trid tispeċifika wkoll l-ammont tat-talba, deskrizzjoni ta’ dak li wassal għat-talba/tal-kawża tar-rikors u d-dettalji ta’ kwalunkwe talba li saret għall-ħlas.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Fit-talba inizjali, l-attur/il-pretendent jispeċifika d-dettalji rilevanti kollha rigward it-talba bħall-ammont dovut/tat-talba, id-dettalji ta’ dak li wassal għat-talba, it-talbiet għall-ħlas u deskrizzjoni, jekk applikabbli u skont in-natura tat-talba, ta’ kwalunkwe fatt rilevanti ieħor bħad-dettalji ta’ kwalunkwe korriment jew dannu imġarrab, it-trattament riċevut jew kwalunkwe konsegwenza avvers aoħra li tirriżulta mill-kawża tar-rikors

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Il-qorti tiċħad talba jew applikazzjoni għal sentenza f’kontumaċja meta l-applikant ikun naqas milli jikkonforma mar-rekwiżiti tar-regoli tal-qorti. Pereżempju, jekk ir-regoli rigward in-notifika tad-dokumenti ma jkunux ġew irrispettati kif xieraq, it-talba għal sentenza f’kontumaċja tiġi miċħuda.

1.5 Appell

Jekk il-qorti tkun ċaħdet milli taqta’ sentenza f’kontumaċja, ir-raġuni ġeneralment tkun li l-attur ma kienx qed jirrispetta r-regoli tal-qorti u, b’hekk, jaf ikun hemm bżonn li l-attur jibda mill-ġdid billi jinnotifika talba ġdida kontra l-konvenut f’konformità mar-regoli applikabbli tal-qorti.

Konvenut jista’ japplika għall-annullament ta’ sentenza mogħtija f’kontumaċja. Biex jappella sentenza f’kontumaċja b’suċċess, konvenut ikollu jissodisfa l-qorti bir-raġuni tiegħu għaliex naqas milli jidher jew milli jiddefendi ruħu kontra t-talba u l-qorti jkollha tiġi ssodisfata li r-raġunijiet mogħtija jispjegaw jew jiġġustifikaw dak in-nuqqas. Jekk il-konvenut jirnexxilu jappella kontra s-sentenza, din tiġi annullata u l-konvenut ikollu l-opportunità li jiddefendi l-proċedimenti.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk il-qorti tkun tal-fehma li s-sentenza għandha tiġi annullata, il-konvenut jista’ jiddefendi l-proċeduri u jippreżenta difiża u l-każ jipproċedi bħas-soltu.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk konvenut jippreżenta difiża fi ħdan iż-żmien permess mir-regoli jew mill-qorti skont xi jkun il-każ, il-każ jipproċedi bħas-soltu. L-imħallef jiddetermina kif il-każ għandu jipproċedi f’każ li tkun meħtieġa xi gwida f’dan ir-rigward.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

In-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ difiża jista’ jirriżulta fil-qtugħ ta’ sentenza f’kontumaċja tad-difiża favur l-attur.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Sentenza f’kontumaċja hi sentenza li tista’ tkun infurzata. Ara t-tweġibiet għal 1.3.d) aktar ’il fuq.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Il-konvenut jista’ japplika quddiem il-qorti biex is-sentenza tiġi emendata jew annullata. Din l-applikazzjoni jkollha tinstema’ mill-istess qorti. Il-qorti tista’ tannulla s-sentenza jekk tkun tal-fehma li jkun ġust li tagħmel dan u jekk kien hemm xi aġir mhux xieraq involut fil-kisba tas-sentenza jew jekk tkun issodisfata li l-konvenut ikollu prospett reali li jiddefendi t-talba. Kwalunkwe waħda mill-partijiet tista’ tappella kontra ordni li tannulla s-sentenza jew li tiċħad milli tannulla sentenza.

L-aħħar aġġornament: 12/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.