L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Greċja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Hemm possibbiltà li tinħareġ ordni ta’ ħlas. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 623 – 634 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jiġifieri d-Digriet Presidenzjali 503/1985, kif emendat u fis-seħħ, huma applikabbli.

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Materji ċivili u kummerċjali: tilwimiet regolati mid-dritt privat jekk il-liġi ma tagħmilhomx soġġetti għall-ġurisdizzjoni ta’ qrati oħra (Artikolu 1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Talbiet ta’ flus jew talbiet għal titoli, jiġifieri, talbiet minn ċekkijiet, minn kambjali, minn ċedoli, jekk it-talba u l-ammont dovut ikunu ċċertifikati minn dokument pubbliku jew privat, u jekk dawn it-talbiet ikunu espliċitament f'euro jew f’munita barranija oħra (Artikolu 623 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Le, ma hemmx limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Il-proċedura tal-ordni ta' ħlas hi fakultattiva peress li l-kreditur dejjem jista’ jiftaħ rikors ordinarju li għalih jibda proċess dikjaratorju tat-talba tiegħu li warajh tinqata’ sentenza fuq it-talba tiegħu, għall-kuntrarju tal-proċedura tal-ordni ta' ħlas, li fiha tinħareġ l-ordni ta’ ħlas, li mhix sentenza iżda strument li jista’ jkun infurzat (Artikolu 631 tas-CCP).

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Le, ordni ta’ pagament ma tistax tinħareġ (u jekk tinħareġ, tkun null u bla effett) jekk tkun se tiġi nnotifikata lil persuna li tirresjedi barra l-pajjiż jew li d-domiċilju tagħha ma jkunx magħruf, sakemm dik il-persuna ma tkunx ħatret rappreżentant ad litem fil-Greċja (Artikolu 624 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-post hu dak fejn id-debitur ikun stabbilit fiżikament (corpore) fiż-żmien tan-notifika.

1.2 Il-qorti kompetenti

Il-maġistrat hu responsabbli għat-talbiet fi flus b’valur li jasal sa għoxrin elf euro (EUR 20 000), u l-imħallef tal-Qorti tal-Prim’Istanza għat-talbiet fi flus l-oħra kollha. Il-ġurisdizzjoni territorjali, jiġifieri l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni ratione loci, tiġi ddeterminata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kompetenza lokali, jiġifieri, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 22 sa 41 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Pereżempju, fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-qorti (il-Qorti Ċivili Distrettwali jew il-Qorti tal-Prim’Istanza) għall-post tad-domiċilju tad-debitur jew għall-post tal-ħruġ tal-istrument ta’ dejn (pereż. ċekk) jew għall-post ta’ aċċettazzjoni jew ta’ ħlas tal-kambjala, jista’ jkollha ġurisdizzjoni ratione loci.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

L-applikazzjoni ssir:

(A) oralment quddiem il-maġistrat permezz tat-tħejjija ta’ rapport rilevanti (l-Artikolu 626(1), flimkien mal-Artikolu 215(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) mingħajr ma tkun eskluża l-għażla li tiġi ppreżentata applikazzjoni bil-miktub jew

(B) bilfors bil-miktub quddiem l-imħallef tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq talba bil-miktub lir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jrid ikun fiha:

  1. il-qorti li lilha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni (Qorti Ċivili Distrettwali jew Qorti tal-Prim’Istanza);
  2. it-tip ta’ strument legali, jiġifieri “Applikazzjoni għal Ordni ta’ Ħlas”;
  3. l-isem, il-kunjom, isem il-missier u l-post tad-domiċilju tal-partijiet kollha: il-kreditur u d-debitur – u / jew ir-rappreżentanti legali tagħhom, u, jekk huma persuni ġuridiċi, l-isem kummerċjali u l-uffiċċju reġistrat tagħhom;
  4. is-suġġett tal-istrument ġuridiku, b’mod ċar, iddefinit, fil-qosor u li jinftiehem, miktub bil-Grieg, u jekk fih dokumenti b’lingwa barranija, eż. fatturi b’lingwa barranija, trid tiġi pprovduta traduzzjoni statutorja tagħhom;
  5. id-data u l-firma tal-parti jew tar-rappreżentant legali jew tar-rappreżentant awtorizzat tagħha u, fejn il-preżenza ta’ avukat tkun obbligatorja, il-firma tal-avukat;
  6. l-indirizz u, b’mod partikolari, it-triq u n-numru tar-residenza jew tal-uffiċċju jew tal-ħanut tal-parti li tiftaħ il-kawża, tar-rappreżentant legali tagħha u tar-rappreżentant awtorizzat tagħha;
  7. talba għal ordni ta’ ħlas; u
  8. it-talba u l-ammont eżatt ta’ flus jew ta’ titoli, flimkien ma’ kwalunkwe mgħax dovut fuq il-ħlas mitlub (Artikolu 626(1) u (2) flimkien mal-Artikoli 118 u 119(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Le, l-użu ta’ formola standard mhuwiex obbligatorju.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Iva, jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u tikkonċerna talbiet ta’ aktar minn għoxrin elf euro (EUR 20 000), jew quddiem il-Qorti Ċivili Distrettwali għal talbiet ta’ tnax-il elf euro (EUR 12 000) sa għoxrin elf euro (EUR 20 000).

Jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata lill-Qorti Ċivili Distrettwali u tikkonċerna talba li tasal sa tnax-il elf euro (EUR 12 000), il-parti tista’ tiftaħ jew tiddefendi proċeduri tal-qorti mingħajr ma tkun irrappreżentata minn avukat awtorizzat (Artikolu 94 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

L-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas trid tispeċifika tal-anqas fil-qosor ħafna t-tip ta’ att legali li minnu rriżultat it-talba dovuta (= dejn), eż. talbiet skont kuntratti ta’ self jew kuntratti ta’ bejgħ, riċevibbli minn self jew ċekkijiet pendenti. It-tip ta’ kuntratt jew ta’ att legali b’mod ġenerali wkoll jikkostitwixxi l-motivazzjonijiet għall-ħlas u ż-żmien meta rriżulta, pereżempju, iż-żmien li fih id-debitur kellu jħallas l-ammont mitlub u naqas milli jagħmel dan irid jiġi speċifikat. Imbagħad l-applikazzjoni trid telenka d-dokumenti forniti li minnhom jirriżultaw it-tip u l-ammont tat-talba skont it-tali applikazzjoni.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

L-eżistenza tat-talba għal ordni ta’ ħlas tista’ tintwera bil-provi permezz ta’ dokumenti biss peress li ma jistgħux ikunu preżenti xhieda matul din il-proċedura. Dawn id-dokumenti għandhom jiġu ppreżentati mal-applikazzjoni u jinżammu fir-Reġistru tal-Qorti sakemm jiskadi t-terminu perentorju għall-kontestazzjoni, sabiex il-parti li kontrieha tinħareġ l-ordni ta' ħlas - id-debitur tat-talba - tiġi nnotifikata dwarha. Id-dokumenti (privati u pubbliċi) kollha li jkollhom valur probatorju skont l-Artikoli 432 – 465 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, inklużi t-titoli (eż. ċekkijiet, kambjali), huma aċċettati bħala evidenza. Dawn id-dokumenti jridu jiddikjaraw mingħajr ambigwitajiet il-kapaċità u d-dettalji (l-isem sħiħ) tal-kreditur - il-benefiċjarju, il-kapaċità u d-dettalji tad-debitur, kif ukoll ir-raġunijiet u l-ammont tat-talba.

B’mod partikolari, kwalunkwe dokument li ma jkunx pubbliku u li, skont l-Artikolu 443 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, irid ikollu fuqu l-firma bl-idejn tal-emittent biex ikollu valur probatorju jitqies bħala dokument privat u kwalunkwe persuna li tieħu impenn għal obbligi li jirriżultaw mid-dokument titqies li hi emittent.

Kwalunkwe dokument li jkun tfassal fil-forma xierqa minn uffiċjal pubbliku jew minn persuna li twettaq servizzi pubbliċi jitqies li hu dokument pubbliku (eż. atti ċċertifikati minn nutar).

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

L-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda:

(A) jekk ir-rekwiżiti legali għall-ħruġ tal-ordni ta' ħlas ma jkunux issodisfati u, b’hekk, jekk it-talba jew l-ammont ta’ din jew id-debitur jew il-benefiċjarju ma jkunux murija bil-provi immedjatament u mingħajr ambigwità mid-dokumenti ta’ akkumpanjament jew

(B) jekk l-applikant ma jipprovdix l-ispjegazzjonijiet mitluba mill-imħallef jew jirrifjuta milli jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet dwar il-preżentata jew il-korrezzjoni tal-applikazzjoni tiegħu jew dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-awtenċitià tal-firem fuq kwalunkwe dokument privat fornit (l-Artikoli 628 u 627 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Peress li l-imħallef kompetenti jista’ jitlob aktar dettalji, dokumenti u korrezzjonijiet mingħand l-applikant, jekk dan tal-aħħar ma jikkonformax, l-applikazzjoni tiġi miċħuda b’din il-motivazzjoni.

Iċ-ċaħda tiġi indikata fi tmiem l-applikazzjoni, u l-motivazzjoni għaċ-ċaħda tiġi ddikjarata fil-qosor. Dan ifisser li l-imħallef kompetenti ma jagħtix sentenza u, għalhekk, din in-nota li tikkonċerna ċ-ċaħda ma tistax tiġi kkontestata b’appell. Ovvjament, l-applikant - kreditur xorta waħda jista’ jippreżenta rikors ordinarju rigward it-talba tiegħu (ara aktar ’il fuq, 1.1.3) jew jippreżenta applikazzjoni ġdida għal ordni ta' ħlas (Artikolu 628(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

1.5 Appell

Ma jista’ jiġi eżerċitat ebda dritt ta’ appell jekk tiġi miċħuda l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas tiġi aċċettata u tinħareġ ordni ta’ ħlas, id-debitur li tinħareġ kontrieh jista’ jippreżenta kontestazzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas fi żmien ħmistax (15)-il jum ta’ xogħol mid-data ta’ notifika tal-ordni ta’ ħlas (Artikolu 632(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-kontestazzjoni tista’ tiġi ppreżentata qabel ma tiġi nnotifikata l-ordni ta’ ħlas ukoll

Il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni ratione loci u ratione materiae hi l-qorti, il-Qorti Ċivili Distrettwali jew Qorti tal-Prim’Istanza, li ħarġet l-ordni ta’ ħlas.

Il-kontestazzjoni għandha tinstema’ (l-Artikolu 632(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) f’konformità mad-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikoli 643, 649 u 650 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jaqgħu taħt il-proċeduri speċjali għal strumenti ta’ dejn u tilwimiet relatati mal-kirjiet, flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti ordinarji li ma jmorrux kontra d-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri speċjali msemmija aktar ’il fuq (l-Artikolu 591(1)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-kontestazzjoni, li n-notifika tagħha trid issir fi ħdan it-terminu perentorju msemmi hawn fuq ta’ ħmistax (15)-il jum ta’ xogħol u li fi kwalunkwe każ ieħor tkun inammissibbli, trid tiġi nnotifikata lill-avukat li ffirma l-applikazzjoni għall-ordni ta’ ħlas jew inkella fuq l-indirizz tal-persuna li kontrieha tinħareġ l-ordni ta’ ħlas, iddikjarat fl-ordni ta’ ħlas, sakemm ma jkunx ġie nnotifikat xi tibdil fl-indirizz permezz ta’ strument legali (l-Artikolu 632(1)(b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Il-preżentazzjoni ta’ kontestazzjoni m’għandhiex tissospendi l-infurzar tal-ordni ta’ ħlas, li hi strument direttament infurzabbli (Artikolu 631 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Madankollu, il-Qorti li ħarġet l-ordni ta’ ħlas tista’, billi tuża l-proċedura għal miżuri interim stabbilita fl-Artikolu 686 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u wara li tiġi ppreżentata applikazzjoni mill-parti li kontrieha tinħareġ l-ordni ta’ ħlas, tordna s-sospensjoni, b’garanzija jew mingħajr jew b’mod kundizzjonat, sa ma tinqata’ s-sentenza finali dwar il-kontestazzjoni li trid tkun ġiet ippreżentata.

Il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni għal sospensjoni tal-infurzar tal-ordni ta’ ħlas huma dawn li ġejjin: (a) preżentazzjoni tal-kontestazzjoni fi żmien debitu u (b) spekulazzjoni dwar is-suċċess ta’ mill-anqas motivazzjoni waħda tal-kontestazzjoni.

Is-sentenza li tordna s-sospensjoni ċċaħħadha min-natura eżegwibbli tagħha u ddgħajjef l-eżegwibilità tagħha bħala strument.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk kontestazzjoni ma tiġix ippreżentata fi żmien debitu (fi żmien ħmistax-il jum min-notifika tal-ordni ta’ ħlas), il-parti li favuriha tkun inħarġet l-ordni ta’ ħlas tista’ terġa’ tinnotifika l-ordni lid-debitur, li jkollu t-tieni opportunità biex jippreżenta kontestazzjoni. Jiġifieri, dan tal-aħħar jista’ jippreżenta kontestazzjoni fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mid-data tan-notifika l-ġdida. F’dan il-każ, m’għandhiex tiġi ordnata s-sospensjoni msemmija hawn fuq (ara n-nota 1.7).

Jekk dan it-terminu perentorju ta’ għaxart ijiem jinqabeż ukoll, l-ordni ta’ ħlas tikseb is-saħħa ta’ res judicata, li tfisser li mhux biss l-ordni ta’ ħlas iżda anki t-talba huma validi għalkollox, fuq il-bażi tal-motivazzjoni storika u legali ddikjarati fl-ordni ta’ ħlas.

Ir-res judicata tal-ordni ta’ ħlas li kontrieha ma ġietx ippreżentata kontestazzjoni fi żmien debitu tista’ titreġġa’ lura biss billi jintuża r-rimedju straordinarju ta’ ftuħ mill-ġdid tal-kawża. Dan jista’ jsir fuq il-bażi ta’ motivazzjonijiet ferm limitati u primarjament formali (Artikoli 633(2) u 544 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) u fi ħdan it-terminu perentorju stabbilit fl-Artikolu 544(3) u (4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili quddiem il-qorti li tkun ħarġet l-ordni ta’ ħlas.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

L-ordni ta’ ħlas hi strument li hu eżegwibbli mid-data tal-ħruġ tiegħu (l-Artikolu 631 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). B’hekk, ma hi meħtieġa ebda azzjoni oħra biex din issir eżegwibbli u, għalhekk, jekk is-sospensjoni tal-infurzar ma tiġix ordnata, il-proċeduri ta’ infurzar għandhom jitnedew, fil-qosor, kif ġej:

L-ordni ta’ infurzar tiżdied mal-ordni ta’ ħlas oriġinali, jiġifieri l-frażi “F’isem il-poplu Grieg” tiżdied fil-bidu tat-test tal-ordni ta’ ħlas u l-frażi “Kull uffiċjal ġudizzjarju hu ordnat jinfurza din id-deċiżjoni, eċċ.” tiżdied fl-aħħar, kopja uffiċjali (ċitazzjoni ta’ eżekuzzjoni) tagħha tinħareġ u mbagħad ordni (talba) ta’ ħlas tal-ammont tal-ordni ta’ ħlas tiġi nnotifikata lid-debitur.

Madankollu, jekk l-ordni ta’ ħlas ma tiġix innotifikata fi żmien xahrejn (2) mill-ħruġ tagħha, din ma tibqax fis-seħħ (Artikolu 630A tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Is-sentenza dwar il-kontestazzjoni mhix finali iżda hi soġġetta għad-drittijiet ta’ appell kollha.

L-aħħar aġġornament: 27/07/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.