L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Fil-Finlandja hemm proċedura speċjali għall-ħlas, li hija speċifikament imfassla għall-ġbir ta' djun mhux ikkontestati. F'dawn il-każijiet, l-intimat jista' jiġi ordnat iħallas id-dejn li jkollu lir-rikorrent permezz tal-hekk imsejħa sentenza f'kontumaċja.

Il-kawżi jistgħu jitressqu wkoll b'rikors elettroniku għal ċitazzjoni, li jiġi sottomess permezz ta' formola onlajn minn fuq il-websajt tal-amministrazzjoni ġudizzjarja Finlandiża (https://oikeus.fi/en/). Għal aktar informazzjoni, ara "L-ipproċessar awtomatiku – Il-Finlandja".

1.1 L-ambitu tal-proċedura

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Din il-proċedura hija applikabbli għal kull tip ta' pretensjoni monetarja li l-partijiet jistgħu jilħqu ftehim dwarha kuntrattwalment.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Le. Ma hemm l-ebda limitu minimu jew massimu għall-valur tal-pretensjoni.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Il-proċedura ssir fuq bażi volontarja.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Fil-prinċipju, ma hemm l-ebda regola li tistipula li l-intimat irid ikun jgħix fil-Finlandja. Madankollu, il-qorti Finlandiża jrid ikollha ġuriżdizzjoni biex tkun tista' tapplika l-proċedura. Pereżempju, skont ir-Regolament Brussell I, il-forum huwa determinat abbażi tar-regola ewlenija, b'tali mod li kawża li tkun tinvolvi talba għall-ħlas tiġi pproċessata fil-qorti tal-post tar-residenza tal-intimat.

1.2 Il-qorti kompetenti

Il-qorti kompetenti f'dawn il-kawżi hija l-Qorti Ġenerali tal-Prim'Istanza. Fil-Finlandja, din il-qorti hija magħrufa bħala l-Qorti Distrettwali (käräjäoikeus). Ir-regola ġenerali hija li l-qorti kompetenti tkun il-Qorti Distrettwali tal-lokalità fejn ikun jinsab il-post tar-residenza tal-intimat. Id-dispożizzjonijiet ordinarji li jikkonċernaw il-ġuriżdizzjoni japplikaw għal din il-proċedura speċjali għall-ħlas (Ara "Il-ġuriżdizzjoni – Il-Finlandja").

1.3 Ir-rekwiżiti formali

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Ir-rikors għal ċitazzjoni jrid isir bil-miktub u jrid jinkludi dawn id-dettalji: il-pretensjoni, ir-raġunijiet (fil-qosor), kwalunkwe talba eventwali għar-rimborż tal-ispejjeż involuti biex titressaq il-kawża u d-dettalji tal-kuntatt tar-rikorrent u tal-intimat. Ir-rikors għal ċitazzjoni jrid jiġi ffirmat.

Fil-livell nazzjonali ma jeżistu l-ebda formoli. Ċerti Qrati Distrettwali ħolqu xi formoli iżda ħadd mhu obbligat jużahom.

Il-pretensjonijiet mhux ikkontestati jistgħu jiġu ppreżentati wkoll b'rikors elettroniku għal ċitazzjoni, li jiġi sottomess permezz ta' formola onlajn minn fuq il-websajt tal-amministrazzjoni ġudizzjarja Finlandiża (https://oikeus.fi/en/).

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

L-ebda parti, la r-rikorrent u lanqas l-intimat ma għandu l-obbligu li jiġi rappreżentat minn avukat. Madankollu, ir-rappreżentanza minn avukat hija dejjem awtorizzata.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Ir-raġunijiet għall-pretensjoni jridu jiġu identifikati sabiex wieħed ikun jista' jiddistingwi bejnha u bejn pretensjonijiet oħrajn.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Ma għandha għalfejn tiġi ppreżentata l-ebda evidenza f'kawżi li jinvolvu l-ġbir ta' dejn mhux ikkontestat. Ir-rikorrent irid biss jippreżenta biżżejjed evidenza f'każ li l-intimat jikkontesta l-pretensjoni.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Fil-prattika, wieħed mill-ostakli għal sentenza f'kontumaċja huwa meta l-intimat ikollu raġuni valida biex jikkontesta l-pretensjoni mniżżla fir-rikors għal ċitazzjoni. B'hekk il-pretensjoni ma tibqax meqjusa bħala mhux ikkontestata. Sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jinqalgħu jinkludu ċ-ċaħda tar-rikors għal ċitazzjoni; dan normalment jiġri meta l-Qorti Distrettwali inkwistjoni ma jkollhiex ġuriżdizzjoni jew jekk ir-rikorrent ma jkunx irranġa n-nuqqasijiet fir-rikors tiegħu minkejja li jkun ġie mħeġġeġ biex jagħmel dan. Fil-prinċipju, huwa wkoll possibbli li kawża tiġi miċħuda immedjatament b'sentenza, jekk ikun jidher biċ-ċar li l-pretensjoni ma jkollhiex raġuni valida, jiġifieri li l-pretensjoni ma jkollha l-ebda bażi legali. Jekk mhux hekk, il-qorti ma teżaminax il-validità tal-pretensjoni.

1.5 Appell

Ir-rikorrent ma jistax jappella kontra l-fatt li l-kawża ma tkunx tista' tiġi pproċessata bħala pretensjoni mhux ikkontestata jekk l-intimat jiddeċiedi li jikkontestaha. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-kawża tiġi pproċessata mill-Qorti Distrettwali fi proċediment ċivili ordinarju. Madankollu, ir-rikorrent jista' jappella jekk il-pretensjoni tiegħu ma tintlaqax jew jekk din tiġi miċħuda.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Din il-mistoqsija ġiet ifformulata abbażi tas-sistema fejn l-ewwel u qabel kollox tiġi ppronunzjata "sentenza f'kontumaċja / ordni għall-ħlas" u fejn l-intimat jingħata biss l-opportunità joġġezzjona għall-pretensjoni wara li jiġri dan. Fil-Finlandja l-ewwel tintbagħat il-pretensjoni lill-intimat u, jekk dan ma jikkontestahiex, imbagħad tingħata sentenza f'kontumaċja.

Il-Qorti Distrettwali tħeġġeġ lill-intimat biex iwieġeb għall-pretensjoni bil-miktub fiż-żmien stipulat. L-iskadenza tiġi stabbilita mill-Qorti Distrettwali, u normalment ikun hemm bejn ġimagħtejn u tliet ġimgħat ċans. It-tweġiba tal-intimat trid tindika jekk hu jkunx se jikkontesta l-pretensjoni, u jekk iva, xi jkunu r-raġunijiet tiegħu biex jopponi. Fit-tweġiba l-intimat jista' jindika wkoll x'evidenza, jekk ikollu, ikun beħsiebu jippreżenta, kif ukoll jagħmel talba għar-rimborż tal-ispejjeż. Huwa jrid jinkludi wkoll id-dettalji ta' kuntatt tiegħu u jiffirma t-tweġiba.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk l-intimat jopponi fiż-żmien stipulat, il-pretensjoni ma tibqax titqies bħala mhux ikkontestata u għalhekk ma jkunx possibbli li tingħata sentenza f'kontumaċja. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-kawża awtomatikament tiġi ttrattata bħala proċediment ċivili ordinarju.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Jekk l-intimat ma jikkontestax il-pretensjoni fiż-żmien stipulat, tingħata sentenza f'kontumaċja li tikkonforma mal-ammont mitlub mir-rikorrent. Is-sentenza tkun immedjatament eżegwibbli.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

L-intimat ma jistax jappella kontra sentenza f'kontumaċja mal-Qorti tal-Appell (hovioikeus), iżda għandu l-possibbiltà li jitlob lill-Qorti Distrettwali dak li huwa magħruf bħala "rieżami". Talba għal rieżami tfisser li l-kawża tiġi rinvijata quddiem il-Qorti Distrettwali li tkun ħarġet is-sentenza f'kontumaċja biex din terġa' tikkunsidraha. It-talbiet għal rieżami jridu jiġu ppreżentati fi żmien 30 jum mid-data li fiha l-intimat ikun ġie nnotifikat bis-sentenza f'kontumaċja. Jekk ma tiġi ppreżentata l-ebda talba għal rieżami, is-sentenza f'kontumaċja ssir definittiva.

L-aħħar aġġornament: 15/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.