L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Estonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Iva. Il-Kapitolu 49 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik) jirregola proċedura mħaffa fil-każ ta' ordnijiet ta' ħlas.

1.1 L-ambitu tal-proċedura

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Din il-proċedura tapplika għal talbiet li jiġu minn relazzjonijiet tad-dritt privat u hija intenzjonata li tkopri l-ħlas ta' ċerti ammonti ta' flus.

Proċedura mħaffa fil-każ ta' ordnijiet ta' ħlas ma tapplikax għal talbiet mhux kuntrattwali, ħlief għal:

  • talbiet li jiġu mill-Att dwar l-Assikurazzjoni tal-Vetturi kontra r-Responsabilità lejn Terzi (liikluskindlustuse seadus);
  • talbiet fejn id-debitur ikun ħareġ konferma ta' obbligu jew fejn ikun sar ftehim ieħor li jobbliga prestazzjoni.

Proċedura mħaffa għall-ordnijiet ta’ ħlas ma tapplikax jekk:

  • il-pretensjoni tkun għadha mhix dovuta fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba, ħlief għall-pretensjonijiet għal penali għal ħlas tardiv bħala pretensjoni kollaterali, jew il-preżentazzjoni tat-talba tkun tiddependi mill-prestazzjoni ta’ obbligu reċiproku u dak l-obbligu għadu ma twettaqx;
  • l-oġġett tal-pretensjoni jkun kumpens għal dannu mhux proprjetarju;
  • il-pretensjoni tkun kontra fallut;
  • il-pretensjoni tkun kontra bosta debituri imma ma tkunx ġejja mill-istess bażi jew obbligu.

Il-proċedura mħaffa fil-każ ta' ordnijiet ta' ħlas ma tapplikax għal talbiet kollaterali, jekk ikunu jeċċedu t-talba ewlenija.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Iva. Il-proċedura mħaffa fil-każ ta' ordnijiet ta' ħlas ma tapplikax għal talbiet li jaqbżu EUR 6 400. Dan l-ammont ikopri kemm it-talbiet prinċipali kif ukoll dawk kollaterali.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Ir-rikors għal proċedura mħaffa f'każ ta' ordnijiet ta' ħlas isir volontarjament. Il-kreditur jista' jiddeċiedi jixtieqx iressaq rikors għal proċedura mħaffa f'dan il-każ jew jiftaħx proċedimenti ordinarji.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Iva. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma fiha l-ebda limitu rigward l-applikabilità tal-proċedura mħaffa fil-każ ta' ordnijiet ta' ħlas lill-konvenuti li jkunu residenti f'pajjiż ieħor. Fl-UE, il-ġuriżdizzjoni tal-konvenut tkun iddeterminata skont ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

1.2 Il-qorti kompetenti

Ir-rikorsi għal proċedura mħaffa fil-każ ta' ordnijiet ta' ħlas jiġu ttrattati mid-dipartiment tal-ordnijiet ta' ħlas fl-awla ta' Haapsalu fil-Qorti tal-Kontea ta' Pärnu (Pärnu Maakohtu Haapsalu kohtumaja).

1.3 Ir-rekwiżiti formali

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Il-proċedura mħaffa fil-każ ta' ordnijiet ta' ħlas issir elettronikament u, ir-rikors jista' jiġi ppreżentat lil qorti biss permezz tal-portal Public E-file jew permezz tal-parti tas-sistemi tal-informazzjoni għal skambju ta' dejta X-tee (X-road).

Permezz ta' E-toimik, ir-rikorsi jistgħu jitressqu mill-paġna fuq l-internet: https://www.e-toimik.ee/

Skont is-subartikolu 485(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, eċċezzjoni tista' tintbagħat mal-formola mehmuża mal-proposta għall-ħlas jew fuq formola oħra. Il-formoli tista' ssibhom ukoll fil-paġna fuq l-internet tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Justiitsministeerium): http://www.just.ee/et/eesmargid-tegevused/maksekasumenetlus-ja-e-toimik.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Le, mhux obbligatorju li taħtar rappreżentant.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?xx

Rikors għal proċedura mħaffa fil-każ ta' ordnijiet ta' ħlas għandu jkun fih deskrizzjoni qasira taċ-ċirkostanzi li jikkostitwixxu l-bażi tat-talba u deskrizzjoni qasira tal-evidenza li r-rikorrent ikun jista' jibgħat biex isostni t-talba. Talba trid tkun ibbażata fuq il-fatti u tkun sostnuta minn evidenza dokumentata. Talba tkun manifestament mingħajr bażi jekk, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifikati fir-rikors bħala l-bażi tal-ordni ta' ħlas, it-talba ma tkunx tista' tiġi ssodisfata b'mod legali.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Ma hemmx għalfejn tiġi inkluża evidenza dokumentata sabiex ikun ikkonfermat li t-talba ġiet ippreżentata. Madankollu, ir-rikors għandu jkun fih deskrizzjoni qasira tal-evidenza li r-rikorrent ikun jista' jressaq biex isostni t-talba tiegħu.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Il-qorti tiċħad rikors biex tiġi applikata proċedura mħaffa fil-każ ta' ordni ta' ħlas jekk:

  1. ma jkunx permess li tiġi applikata proċedura mħaffa fil-każ ta' ordnijiet ta' ħlas skont il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili;
  2. ir-rikors ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili;
  3. il-proposta għal ħlas ma tkunx ġiet innotifikata lid-debitur fi żmien raġonevoli u ma tistax tiġi nnotifikata b'avviż pubbliku u r-rikorrent espliċitament talab l-għeluq tal-proċedimenti fil-każ fejn tkun tressqet eċċezzjoni;
  4. ir-rikorrent ikun naqas milli jinforma lill-qorti bir-riżultati tan-notifika tal-parteċipant fil-proċedimenti fit-terminu stabbilit għalih;
  5. kull bażi għas-sospensjoni tal-proċedimenti ssir evidenti.

1.5 Appell

Deċiżjoni dwar ċaħda ta' rikors biex tiġi applikata proċedura fil-każ ta' ordni ta' ħlas mhux suġġett għal appell. Ċaħda ta' rikors ma tirrestrinġix id-dritt tar-rikorrent biex iressaq talba f'azzjonijiet oħrajn jew bi proċedura mħaffa fil-każ ta' ordnijiet ta' ħlas.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Id-debitur għandu d-dritt li jressaq eċċezzjoni għal talba jew parti minnha mal-qorti li tkun għamlet il-proposta għal ħlas fi żmien 15-il jum, jew fi żmien 30 jum fil-każ ta' notifika tal-proposta għal ħlas barra l-pajjiż.

Eċċezzjoni tista' tintbagħat permezz tal-formola mehmuża mal-proposta għall-ħlas jew fuq formola oħra. Eċċezzjoni ma hemmx għalfejn tkun sostanzjata.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk id-debitur iressaq eċċezzjoni għall-proposta għal ħlas qabel l-iskadenza speċifikata, il-qorti li tkun ħejjiet il-proposta għal ħlas għandha tkompli tisma' l-kawża f'azzjoni jew tirrinvija l-kawża lill-qorti speċifikata fir-rikors għal proċeduri mħaffa fil-każ ta' ordnijiet ta' ħlas jew lill-qorti speċifikata fir-rikors konġunt tal-partijiet ikkonċernati. Fi kwistjonijiet ta' proprjetà ta' appartament jew koproprjetà, il-proċedimenti dwar rikors jitkomplew sakemm ir-rikorrent ma jitlobx li jibdew azzjonijiet jew li jintemmu l-proċedimenti. Għall-fini tal-azzjonijiet, azzjoni titqies li tressqet mill-mument li jitressaq rikors biex tiġi applikata proċedura mħaffa fil-każ ta' ordnijiet ta' ħlas.

Jekk ir-rikorrent talab espliċitament biex jintemmu l-proċedimenti f'kawża fejn tkun tressqet eċċezzjoni, il-proċedimenti jintemmu.

Jekk id-debitur jagħraf parzjalment it-talba tar-rikorrent fl-eċċezzjoni mressqa mal-proposta għal ħlas, il-qorti li tisma' l-kawża f'azzjoni toħroġ ordni ta' ħlas permezz ta' deċiżjoni biex jinġabar l-ammont li għaraf id-debitur u tkompli tisma' l-bqija tal-kawża f'azzjoni jew b'rikors.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Jekk id-debitur jonqos li jħallas l-ammont indikat fil-proposta għal ħlas u ma jressaqx eċċezzjoni għall-proposta għal ħlas fil-ħin, il-qorti toħroġ ordni ta' ħlas għal dak l-ammont b'deċiżjoni.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Ordni ta' ħlas għandha tinkludi spjegazzjoni għad-debitur li tikkonċerna d-dritt tad-debitur li jappella kontra d-deċiżjoni fi żmien 15-il jum, jew fi żmien 30 jum fil-każ ta' notifika tal-proposta għal ħlas barra l-pajjiż. Trid tingħata spjegazzjoni lid-debitur li appell kontra d-deċiżjoni jista' jitressaq biss fuq il-bażi ta' waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

  1. il-proposta għal ħlas kienet innotifikata lid-debitur f'kull mod ħlief b'konsenja personali bil-firma jew elettronikament u, mingħajr ebda tort tad-debitur, ma ġietx innotifikata fil-ħin u għalhekk id-debitur ma kienx jista' jressaq l-eċċezzjoni fil-ħin;
  2. id-debitur ma setax iressaq eċċezzjoni għall-proposta għal ħlas għal raġuni valida li mhix fil-kontroll tiegħu;
  3. il-prerekwiżiti għall-proċedura mħaffa fil-każ ta' ordnijiet ta' ħlas ma ġew issodisfati jew il-kundizzjonijiet għal proċedura mħaffa fil-każ ta' ordnijiet ta' ħlas inkisru materjalment jew it-talba li l-proċedura mħaffa ġejja minnha hija manifestament infondata.

Rappreżentant legali tad-debitur jew is-suċċessur universali tad-debitur jista' jressaq appell kontra l-ordni ta' ħlas fi żmien xahrejn minn meta jsir jaf bl-ordni ta' ħlas jekk isir evidenti li kien hemm bażijiet għal sospensjoni meta l-qorti ħadet id-deċiżjoni, imma l-qorti la kienet taf u lanqas ma setgħet tkun taf bihom. Il-persuna li tressaq appell kontra deċiżjoni għandu jagħmel dan fuq il-bażi ta' waħda miċ-ċirkostanzi speċifikati hawn fuq.

L-aħħar aġġornament: 24/08/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna