Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

L-Ingilterra u Wales
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

M’hemm l-ebda ordni speċifika għal proċedura ta’ ħlas għal każijiet li jinsabu għal kollox fl-Ingilterra u Wales; peress li hemm proċedura li permezz tagħha l-attur jista’ jikseb sentenza fil-kontumaċja. L-Ordni ta’ ħlas Ewropea hija disponibbli f’każijiet ta’ tilwim transfruntier fi ħdan l-UE.

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Il-proċedura tas-sentenza fil-kontumaċja hija parti mill-proċeduri normali tal-qorti ċivili fl-Ingilterra u Wales. Ladarba attur jippreżenta talba (ara “Kif nipproċedi - l-Ingilterra u Wales”) il-konvenut għandu jirrispondi fi żmien 14-il jum minn meta jirċievi n-notifika tal-formola tat-talba. Jekk il-konvenut ma jirrispondix għat-talba, l-attur jista’ jitlob lill-qorti biex tagħti sentenza “fil-kontumaċja” (jiġifieri, tordna lill-konvenut iħallas l-ammont iddikjarat minħabba li ma tkun waslet l-ebda risposta). Rikorrent għandu jagħmel dan mill-aktar fis possibbli wara li jkunu għaddew l-14-il jum. Sakemm il-qorti tirċievi t-talba biex tagħti s-sentenza, il-konvenut xorta jista’ jwieġeb għat-talba. Jekk il-qorti tirċievi r-risposta tal-konvenut qabel it-talba tal-attur, dik ir-risposta jkollha prijorità anke jekk tkun ġiet ippreżentata tard.

Jekk attur ma jitlobx sentenza fi żmien sitt xhur mit-tmiem tal-perjodu għall-preżentata ta' difiża, it-talba tiġi “sospiża” (imwaqqfa) u l-unika azzjoni li jista’ jieħu l-attur hija li jressaq rikors quddiem l-imħallef sabiex dan jordna li titneħħa s-sospensjoni.

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Is-sentenza fil-kontumaċja tista’ tingħata kważi f’kull tip ta’ kawża/azzjoni fil-qrati ċivili fl-Ingilterra u f’Wales. Dawn mhumiex limitati għal talbiet pekunjarji u kuntrattwali. Sakemm dan ma jkunx speċifikament eskluż mir-regoli tal-qorti (magħrufa bħala r-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili) (Civil Procedure Rules) attur jista’ jitlob sentenza fil-kontumaċja fi kwalunkwe azzjoni ċivili fl-Ingilterra u Wales ħlief għal talba għall-konsenja ta’ prodotti fejn il-ftehim ikun irregolat mill-Att dwar il-Kreditu lill-Konsumatur (Consumer Credit Act) tal-1974.

Sabiex jikseb sentenza fil-kontumaċja, l-attur irid jipprovdi evidenza li huwa kkonforma mar-rekwiżiti proċedurali kif ukoll li l-konvenut naqas milli jikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti proċedurali.

Eċċezzjonalment, il-parti 8 tar-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules) tippermetti li tiġi segwita proċedura alternattiva għal talba f’kawżi fejn attur jitlob id-deċiżjoni tal-qorti dwar kwistjoni li x’aktarx ma tinvolvix tilwima sostanzjali ta’ fatt jew meta din il-proċedura tkun permessa fi proċedimenti speċifiċi. F’dawn iċ-ċirkostanzi, ma tkunx disponibbli sentenza fil-kontumaċja.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Ma hemm l-ebda limitu massimu għall-valur tat-talba.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Kif imsemmi hawn fuq, il-proċedura għal sentenza fil-kontumaċja hija parti mill-proċedimenti ċivili normali. Mhijiex proċedura separata kif magħrufa f’ħafna Stati Membri oħra. L-użu tal-proċedura huwa fakultattiv fis-sens li s-sentenza fil-kontumaċja ma tingħatax awtomatikament meta l-konvenut jonqos milli jirrispondi għal talba fil-limitu taż-żmien rilevanti. Dan il-limitu ta’ żmien huwa mogħti b’mod ċar fuq il-formola tat-talba li tiġi nnotifikata lill-konvenut. Sabiex jikseb sentenza fil-kontumaċja, l-attur irid jagħmel talba jew iressaq rikors għal sentenza fil-kontumaċja. Inkella, l-attur jista’ jagħżel li ma jkomplix bit-talba.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

It-tilwim bejn in-negozji jew il-persuni fi Stat Membru differenti huwa rregolat minn diversi atti leġiżlattivi, bl-aktar wieħed rilevanti huwa r-Regolament tal-Kunsill tal-UE (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, magħruf bħala r-Regolament ta’ Brussell.

Hemm l-Ordni ta’ Ħlas Ewropea (EOP) li tagħmilha aktar faċli għall-kredituri biex jirkupraw djun monetarji mhux ikkontestati (jiġifieri ammessi) f’każijiet transfruntiera fl-Unjoni Ewropea; il-proċedura hija fakultattiva għall-proċeduri eżistenti.

1.2 Il-qorti kompetenti

Sentenza fil-kontumaċja hija disponibbli kemm mill-Qorti tal-Kontea (County Court) kif ukoll mill-Qorti Għolja (High Court). L-attur għandu jippreżenta rikors fil-qorti fejn huwa jkun ippreżenta t-talba tiegħu. Dik il-qorti mbagħad tkun tista’ tivverifika li l-konvenut ma jkun ippreżenta l-ebda rikonoxximent tan-notifika jew difiża u li jkun skada l-perjodu ta’ żmien biex jiġu ppreżentati dawn id-dokumenti.

Il-proċedura ssegwi r-regoli ġenerali tal-ġurisdizzjoni għall-qrati fl-Ingilterra u f’Wales (ara l-paġni dwar il-“Ġurisdizzjoni”). Fil-qosor, jekk talba tkun għal inqas minn £100 000 (f’każijiet ta’ offiża fuq il-persuna t-talba tkun inqas minn £50 000) din għandha tinħareġ fil-Qorti tal-Kontea (County Court) sakemm l-attur ma jiġix avżat mod ieħor. Talbiet għal inqas minn £10 000 jistgħu jiġu kkunsidrati fil-Qorti tal-Kontea (County Court) fil-perkors għal talbiet żgħar li jipprovdi mod sempliċi u informali għas-soluzzjoni ta' tilwim, spiss mingħajr il-ħtieġa ta’ avukat. Kull talba ta’ aktar minn £100 000 tista’ tiġi ppreżentata jew fil-Qorti Għolja (High Court) jew fil-Qorti tal-Kontea (County Court). In-natura u l-kumplessità tal-kawża jiddeterminaw liema hija l-qorti kompetenti.

Aktar informazzjoni dwar ir-regoli proċedurali għal sentenzi fil-kontumaċja segwiti f’dawn il-qrati tinsab fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice).

1.3 Ir-rekwiżiti formali

Minbarra r-rekwiżiti elenkati hawn fuq - jiġifieri li l-attur segwa l-proċeduri korretti fil-preżentata tat-talba u li l-konvenut ma rrispondiex fiż-żmien meħtieġ - ir-rekwiżiti formali biex tinkiseb sentenza fil-kontumaċja jiddependu fuq it-tip ta’ talba.

B’mod ġenerali, jekk it-talba tkun għal somma speċifika, l-attur huwa meħtieġ biss li jagħmel talba għal sentenza fil-kontumaċja. Dawn it-talbiet normalment jiġu ttrattati mill-persunal amministrattiv tal-qorti, pjuttost milli minn imħallef. F’każijiet bħal dawn il-persunal tal-qorti jiċċekkja li l-ebda rikonoxximent tan-notifika jew difiża ma jkunu ġew ippreżentati mill-konvenut, li l-perjodi ta’ żmien rilevanti skadew u li l-attur ipprovda lill-qorti l-evidenza meħtieġa.

Fejn it-talba tkun għal ammont mhux speċifikat, l-attur irid iressaq rikors quddiem il-qorti. F’każijiet bħal dawn, imħallef jikkunsidra l-kwistjoni. Huwa jiddeċiedi jekk hijiex meħtieġa seduta fil-qorti u x’għandu jipprovdi l-attur biex jgħin lill-imħallef jiddeċiedi l-ammont ta’ flus li għandu dritt għalih l-attur - eż. liema evidenza għandha tiġi pprovduta.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Għaż-żewġ tipi ta’ talba l-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju.

Meta talba tkun għal ammont speċifikat u l-qorti tkun ħarġet it-talba, il-qorti tibgħat il-formola tal-attur N205A - Notifika tal-Ħruġ (Ammont Speċifikat). Din il-formola tinkludi taqsima għall-attur biex jimliha u jirritornaha lill-qorti sabiex jitlob sentenza fil-kontumaċja f’każ li l-konvenut jonqos milli jirrispondi għat-talba fiż-żmien meħtieġ. Hemm noti ta’ gwida fil-formola dwar kif din għandha timtela.

Qabel jimla l-formola l-attur għandu jaħseb sew dwar kif jixtieq li l-konvenut iħallas l-ammont dovut. L-attur jista’ jkun irid li l-flus jitħallsu immedjatament iżda jista’ jkun li jkun aktar probabbli li jeħodhom jekk il-konvenut jitħalla jħallas bin-nifs fuq perjodu ta’ żmien. Dan jiddependi miċ-ċirkostanzi tal-konvenut.

Jekk attur ikun ippreżenta t-talba tiegħu permezz ta’ Money Claim Online, talba għal sentenza fil-kontumaċja tista’ tintbagħat lill-qorti online.

Jekk it-talba kienet għal ammont mhux speċifikat, l-attur ikun irċieva l-formola N205B - Notifika tal-Ħruġ (Ammont Mhux Speċifikat) mill-qorti meta tkun ġiet ippreżentata t-talba. Din il-formola tinkludi wkoll taqsima fejn l-attur jista’ jitlob lill-qorti biex tagħmel ordni li l-konvenut huwa “responsabbli” għat-talba. Il-qorti tiddeċiedi l-ammont li għandu jħallas il-konvenut. Dan jissejjaħ “l-għoti ta’ sentenza għal ammont li għandu jiġi deċiż mill-qorti” ('entering judgment for an amount to be decided by the court').

Ċerti tipi ta’ kawżi jeħtieġu li jsir rikors biex imħallef jiddeċiedi jekk tistax tingħata sentenza fil-kontumaċja. Dawn jinkludu kawżi fejn it-talba tiġi nnotifikata lill-konvenut f’ġurisdizzjoni oħra, fejn il-konvenut ikun Stat, il-Kuruna jew persuna jew korp b’immunità minn proċedimenti ċivili. Rikors huwa meħtieġ ukoll meta t-talba tkun kontra minuri jew pazjent, jew tkun talba għal obbligu minn wieħed mill-konjuġi kontra l-ieħor. F’kawżi bħal dawn għandha tintuża l-Formola N244 (Avviż ta’ Rikors).

Ħafna formoli tal-qorti, inkluża l-N244, huma disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice). Il-formoli kollha jistgħu jinkisbu minn kwalunkwe qorti ċivili fl-Ingilterra u Wales.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Bħal f'kull tip ta’ kawża, ma hemm l-ebda rekwiżit li persuna titlob parir mingħand avukat, jew li tkun irrappreżentata minnu. Bħala regola ġenerali, madankollu, jekk talba tkun għal somma ta’ aktar minn £5 000 u, b’mod partikolari, jekk tkun tinkludi kwistjonijiet ikkumplikati, huwa rrakkomandat li wieħed jieħu parir mingħand avukat. Aktar dettalji dwar ir-rakkomandabbiltà tar-rappreżentanza legali jinsabu fil-paġna Kif Tiftaħ Kawża l-Qorti ("Bringing a Case to Court").

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Peress li talba jew rikors għal sentenza fil-kontumaċja huma parti mill-proċeduri normali tal-qorti ċivili fl-Ingilterra u Wales, kien ikun meħtieġ li l-attur joħroġ talba b’mod normali - ara l-paġna Kif Tiftaħ Kawża l-Qorti ("Bringing a Case to Court"). F’termini ġenerali, formola tat-talba trid tinkludi dettalji tal-partijiet, dettalji fil-qosor dwar it-talba u, jekk possibbli, dikjarazzjoni dwar l-ammont ta’ flus li qed jintalab u jekk l-ammont mistenni li jiġi rkuprat jaqax f’waħda mill-meded li ġejjin:

  • mhux aktar minn £10 000
  • aktar minn £10 000 iżda mhux aktar minn £25 000
  • aktar minn £25 000.

F’talbiet għal telf personali jew offiża fuq il-persuna l-attur għandu jiddikjara jekk hux qed jistenna li jirkupra:

  • mhux aktar minn £1 000
  • aktar minn £1 000.

Jekk attur ma jkunx jista’ jagħti valur lit-talba għandu jgħid “Ma nistax ngħid kemm għandi intenzjoni nirkupra”. Il-formola tinkludi noti ta’ gwida kemm għall-attur kif ukoll għall-konvenut.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Minbarra l-formola tat-talba, l-attur għandu jipprovdi d-dettalji tat-talba li jinkludu:

  • dikjarazzjoni konċiża tal-fatti
  • dikjarazzjoni (jekk applikabbli) li tgħid li l-attur qed jitlob tipi partikolari ta’ danni.
  • dettalji ta’ kwalunkwe imgħax mitlub
  • kwalunkwe kwistjoni oħra meħtieġa għat-tip ta’ talba kif stabbilit fir-regoli tal-qorti.

Meta l-persunal tal-qorti jkun jista’ joħroġ sentenza fil-kontumaċja, jeħtieġ li jkun sodisfatt li d-dettalji tat-talba jkunu ġew innotifikati lill-konvenut; li l-konvenut ma rrispondiex għat-talba fil-perjodu ta’ żmien rilevanti; u li l-konvenut ma ssodisfax it-talba.

Jekk dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati, il-persunal tal-qorti joħroġ sentenza għall-attur li tgħid lill-konvenut kemm għandu jħallas, meta għandu jħallas u l-indirizz fejn għandhom jintbagħtu l-flus. Kopja tas-sentenza tintbagħat lill-attur u lill-konvenut.

Fejn ikun f’idejn l-imħallef biex jieħu d-deċiżjoni, kif imsemmi hawn fuq, fejn talba tkun għal ammont mhux speċifikat, huwa jista’ jiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ smigħ jew jekk hemmx bżonn ta’ aktar evidenza. Dan jissejjaħ għoti ta’ struzzjonijiet. Ladarba l-imħallef ikun ħa deċiżjoni, tintbagħat ordni lill-attur u lill-konvenut. L-imħallef jista’ jagħti struzzjonijiet jew li t-talba tiġi allokata għall-perkors għal talbiet żgħar; jew li t-talba tingħata seduta għal-likwidazzjoni tad-danni (“disposal hearing”).

Waqt is-seduta għal-likwidazzjoni tad-danni (“disposal hearing”) l-imħallef jew: jagħti struzzjonijiet aktar dettaljati dwar, pereżempju, id-dokumenti u l-evidenza meħtieġa biex jgħinu lill-imħallef jieħu deċiżjoni finali dwar l-ammont; jew inkella jiddeċiedi l-ammont li jrid iħallas il-konvenut, jekk tkun kawża sempliċi li ma teħtieġx seduta fit-tul.

X'jiġri jiddependi fuq l-ammont probabbli tad-danni; jekk hux probabbli li l-konvenut jikkontesta l-ammont ta’ danni; u jekk l-imħallef iħossx li hemm biżżejjed provi fid-dokumenti disponibbli waqt is-seduta biex jieħu deċiżjoni finali.

Imħallef normalment ma jużax is-seduta għal-likwidazzjoni tad-danni (“disposal hearing”) biex jieħu deċiżjoni finali sakemm ma tkunx intbagħtet evidenza bil-miktub lill-konvenut mill-inqas tlett ijiem qabel ma kellha ssir is-seduta għal-likwidazzjoni tad-danni (“disposal hearing”).

Wara s-seduta għal-likwidazzjoni tad-danni (“disposal hearing”), il-persunal tal-qorti jistabbilixxi dak li l-imħallef iddeċieda f’ordni. Il-kopji jintbagħtu lill-attur u lill-konvenut.

Barra minn dan ta’ hawn fuq, jekk il-konvenut ma jgħixx fl-Ingilterra u f’Wales il-qorti trid tkun sodisfatta taħt il-ftehimiet internazzjonali rilevanti eċċ. li għandha s-setgħa li tisma’ u tiddeċiedi t-talba; li l-ebda qorti oħra ma għandha ġurisdizzjoni esklużiva; u li t-talba tkun ġiet innotifikata kif suppost.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Il-qorti tiċħad talba jew rikors għal sentenza fil-kontumaċja meta l-attur ma jkunx ikkonforma mar-regoli tal-qorti. Pereżempju jekk id-dettalji tal-formola tat-talba jew tan-notifika tagħha ma jkunux konformi mar-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules), il-qorti ma tagħtix sentenza fil-kontumaċja. Il-qorti tirrifjuta wkoll ir-rikors għal sentenza fil-kontumaċja fejn l-attur ma jipprovdix l-evidenza meħtieġa biex il-qorti tkun sodisfatta (ara hawn fuq). Jekk jiġu segwiti dawn ir-rekwiżiti proċedurali, il-fatt li l-qorti teżamina l-ġustifikazzjoni tat-talba qabel toħroġ sentenza fil-kontumaċja jiddependi (kif imsemmi hawn fuq) fuq jekk it-talba hijiex għal ammont speċifikat jew le, jew jekk taqax fil-kategorija ta’ talbiet li jistgħu jiġu kkunsidrati biss fuq rikors minn imħallef (ara 1.3).

1.5 Appell

Ir-rifjut li tingħata sentenza fil-kontumaċja jseħħ biss jekk l-attur jonqos milli jissodisfa lill-qorti li hu segwa l-proċeduri korretti. L-attur ma jistax jappella din id-deċiżjoni. Meta l-qorti tirrifjuta li tagħti sentenza fil-kontumaċja, l-attur normalment ikun jista’ jerġa’ jibda mill-bidu billi jinnotifika talba ġdida kontra l-konvenut skont il-proċeduri u r-rekwiżiti tar-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules).

Ordni għal sentenza fil-kontumaċja li tkun ingħatat b’mod żbaljat tista’ tiġi mibdula jew annullata fuq rikors mill-konvenut. Jista’ jsir rikors biex is-sentenza fil-kontumaċja tinbidel (eż. jitnaqqas l-ammont meta parti mid-dejn tkun tħallset qabel is-sentenza) jew tiġi annullata (jiġifieri tiġi kkanċellata).

Meta l-attur ikollu raġuni biex jemmen li d-dettalji tat-talba ma jkunux waslu għand il-konvenut qabel is-sentenza fil-kontumaċja, huwa għandu d-dmir li jressaq rikors quddiem il-qorti biex jitlobha tannulla s-sentenza fil-kontumaċja li tkun ingħatat favur tiegħu.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Il-proċedura tas-sentenza fil-kontumaċja ssir disponibbli biss jekk il-konvenut jonqos milli jiddefendi jew jirrikonoxxi t-talba fiż-żmien meħtieġ (ara hawn fuq). Jekk il-konvenut jiddefendi t-talba, il-kawża tipproċedi bħala talba difiża normali.

Jekk konvenut jixtieq li jkollu ordni għal sentenza fil-kontumaċja kkanċellata jew mibdula wara li tkun ingħatat, huwa jrid jaġixxi minnufih sabiex jagħmel rikors lill-qorti biex tannulla jew tbiddel is-sentenza. Il-qorti tista’ tvarja jew tikkanċella s-sentenza fil-kontumaċja jekk tqis li hemm raġuni tajba biex tagħmel dan jew li l-konvenut għandu prospett reali li jiddefendi l-każ b’suċċess.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk il-konvenut jippreżenta risposta għat-talba fiż-żmien stipulat, il-kawża tipproċedi bħala talba normali kkontestata kif deskritt fil-paġna Kif Tiftaħ Kawża l-Qorti ("Bringing a Case to Court").

Peress li s-sistema tas-sentenza fil-kontumaċja hija parti minn proċedimenti ċivili ordinarji, tali trasferiment mhuwiex applikabbli fl-Ingilterra u f’Wales. Madankollu, jekk sentenza fil-kontumaċja tiġi annullata wara kontestazzjoni b’suċċess, kawża jista’ jkollha terġa’ tibda jew konvenut jista’ jingħata l-opportunità li joħroġ risposta għat-talba. Dak li jiġri jiġi ddeterminat mill-imħallef fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-kawża.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Il-proċedura tas-sentenza fil-kontumaċja ssir disponibbli biss jekk il-konvenut jonqos milli jiddefendi jew jirrikonoxxi t-talba fiż-żmien meħtieġ. Jekk jiġri hekk biss, l-attur ikun jista’ jressaq talba jew rikors għal sentenza fil-kontumaċja.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Is-sentenza fil-kontumaċja hija deċiżjoni li l-attur jista’ jeżegwixxi kontra l-konvenut. Il-proċeduri li jridu jiġu segwiti sabiex tinkiseb is-sentenza huma deskritti fil-punt 1.3.4 hawn fuq.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Kif deskritt hawn fuq, il-konvenut jista’ jitlob lill-qorti biex tvarja jew tannulla s-sentenza fil-kontumaċja (jiġifieri, biex tbiddel it-termini tas-sentenza jew biex tikkanċellaha fl-intier tagħha). Dan mhuwiex appell bħala tali peress li jinstema’ mill-istess qorti li kienet tisma’ l-kawża oriġinali kieku l-konvenut iddefenda t-talba. Il-qorti tista’ tvarja jew tannulla s-sentenza fil-kontumaċja jekk tqis li kien hemm xi aġir proċedurali mhux xieraq jew li l-konvenut għandu prospett reali li jiddefendi l-każ b’suċċess jew hemm raġuni tajba biex tagħmel dan.

Kull parti tista’ tappella kontra deċiżjoni li tannulla jew li tirrifjuta li tannulla sentenza fil-kontumaċja, soġġett għall-kisba ta’ permess mill-qorti li tkun ħadet id-deċiżjoni jew mill-qorti tal-appell.

Links relatati

Il-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice)

Indirizzi tal-Qrati

L-aħħar aġġornament: 17/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.