Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna Kroat ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Fir-Repubblika tal-Kroazja tapplika l-ordni ta’ ħlas Ewropea, u l-proċedura għall-ħruġ tat-tali ordnijiet hi rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 53/91, 91/92, 112/99, 129/00, 88/01, 117/03, 88/05, 2/07, 96/08, 84/08, 123/08, 57/11, 25/13 u 89/14; minn hawn ’il quddiem: ZPP) u mir-Regoli dwar il-Modalità tal-Preżentazzjoni ta’ Applikazzjoni għall-Ħruġ ta’ Ordni ta’ Ħlas Ewropea u ta’ Dikjarazzjoni ta’ Oppożizzjoni kontra Ordni ta’ Ħlas Ewropea (Pravilnik o načinu podnošenja zahtjeva za izdavanje europskog platnog naloga i prigovora protiv europskog platnog naloga) (NN Nru 124/13).

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea tapplika għall-ġbir ta’ talbiet pekunarji għal ammont speċifiku li jkunu saru dovuti fiż-żmien meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea. Proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea nħolqot permezz tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, u dak ir-Regolament japplika f’materji legali ċivili u kummerċjali transfruntieri, irrispettivament mit-tip ta’ qorti, bid-derogi pprovduti fir-Regolament.

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Talbiet li huma relatati ma’ talbiet fuq flus (talbiet pekunarji). Huma biss it-talbiet li huma obbligazzjonijiet kuntrattwali jew mhux kuntrattwali u li ġew iddeterminati b’mod nominali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ talba.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Ma hemmx limitu massimu għall-valur tat-talba.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

L-użu tal-proċedura ma huwiex obbligatorju għaliex ir-rikorrent (il-pretendent) hu ħieles li jiddeċiedi fuq il-kwistjoni li dwarha jagħmel it-talba tiegħu, dment li din ma tkunx tikkontradixxi r-regoli mandatorji u r-regoli dwar il-moralità pubblika. L-ordni ta’ ħlas tinħareġ mill-qorti anke jekk ir-rikorrent ma jkunx issuġġerixxa l-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas fit-talba tiegħu, jekk ikunu ġew issodisfati r-rekwiżiti kollha għall-ħruġ ta’ ordni. Għaldaqstant, il-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas hu mandatorju għall-qorti jekk ir-rekwiżiti għall-ħruġ tagħha jkunu ġew issodisfati.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Iva.

1.2 Il-qorti kompetenti

Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għall-ħruġ u għall-istħarriġ — u sabiex jiġi pprovdut ċertifikat ta’ eżegwibbiltà għal — l-ordni ta’ ħlas Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tittieħed mill-qorti muniċipali (općinski sud), jew minn qorti kummerċjali trgovački sud) f’kawżi li jikkonċernaw kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati kummerċjali, skont il-post tar-residenza jew il-post tar-residenza abitwali jew l-uffiċċju reġistrat tal-konvenut.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

L-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea u d-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni għandhom jiġu sottomessi biss f’forma li tinqara minn magna jekk il-qorti tqis li dawn l-atti huma xierqa għall-ipproċessar b’magna. Il-formola ta’ applikazzjoni tista’ tiġi ppreżentata f’forma stampata jew bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni aċċettat mill-qorti.

Il-modalità ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ordni ta’ ħlas Ewropea u d-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni kontra dik l-ordni huma rregolati mir-Regoli dwar il-Modalità ta’ Preżentazzjoni ta’ Applikazzjoni għall-Ħruġ ta’ Ordni ta’ Ħlas Ewropea u ta’ Dikjarazzjoni ta’ Oppożizzjoni kontra Ordni ta’ Ħlas Ewropea, li daħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Ottubru 2013.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

L-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea u d-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni kontra l-ordni għandhom jiġu ppreżentati fuq il-formoli stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 lill-qorti kompetenti. Dan ifisser li l-użu ta’ formola standardizzata fil-proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea huwa obbligatorju, u l-formoli jistgħu jitniżżlu mis-sit web tal-portal tal-Ġustizzja elettronika.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Kwalunkwe parti – persuna fiżika jew ġuridika – hija awtorizzata tagħżel liberament jekk tirrappreżentax lilha nfisha fil-proċedimenti, jew tqabbadx intermedjarju, li normalment ikun avukat. Dan ifisser li r-rappreżentanza minn avukat ma hijiex obbligatorja fil-proċedura tal-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Il-parti jeħtiġilha timla l-formola A (applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea) f’forma li tinqara minn magna, li tippermetti lill-parti tipprovdi dikjarazzjonijiet addizzjonali u aktar informazzjoni sabiex tispjega t-talba f’aktar dettall jekk ikun meħtieġ.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Il-punt 10 tal-formola A jipprovdi biex il-parti tehmeż l-evidenza disponibbli għaliha u tiddeskrivi għalxiex tirreferi l-evidenza speċifika. Il-provi u l-kumpilazzjoni tax-xhieda huma rregolati bl-Artikoli 219-271 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili, u l-qorti tiddeċiedi liema mill-provi ppreżentati għandhom jintużaw sabiex jiġu stabbiliti l-fatti tal-kawża. Barra minn hekk, filwaqt li taġixxi skont dak li temmen, il-qorti tiddeċiedi liema fatti jitqiesu li ġew ipprovati, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni bir-reqqa u b’attenzjoni ta’ kull element tal-provi b’mod separat u tal-provi kollha f’daqqa, u fuq ir-riżultat tal-proċedimenti b’mod sħiħ.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 109 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili hija applikata għaċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet. Dan l-artikolu jiddikjara li jekk l-applikazzjoni ma tkunx tinftiehem jew ma jkunx fiha dak kollu li hu neċessarju biex tittieħed azzjoni fuqha, il-qorti tordna lill-parti tal-preżentazzjoni biex tikkoreġi l-preżentata, jiġifieri temendaha f’konformità mal-istruzzjonijiet ipprovduti u tirritornaha għall-fini ta’ korrezzjoni jew ta’ emenda. Is-sottomissjoni titqies li ġiet irtirata jekk ma tintbagħatx lura lill-qorti u ma tiġix ikkoreġuta f’konformità mal-istruzzjonijiet riċevuti mingħand il-qorti fit-terminu pprovdut. Jekk tintbagħat lura mingħajr korrezzjoni jew emenda, tiġi miċħuda.

1.5 Appell

Dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni hi r-rimedju legali disponibbli għall-intimat meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea. Barra minn hekk, il-partijiet għandhom l-għażla li jitolbu l-istħarriġ tal-ordni ta’ ħlas Ewropea f’każijiet eċċezzjonali skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fih.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

L-intimat jista’ jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti ta’ oriġini billi juża l-formola standard F, li tiġi pprovduta lilu flimkien mal-ordni ta’ ħlas Ewropea. Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika tal-ordni lill-intimat, u l-intimat għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu jikkontesta t-talba, mingħajr ma jkollu jispeċifika r-raġunijiet għal dan.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk l-intimat jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006, il-proċedura ulterjuri titwettaq f’konformità mar-regoli tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 861/2007, jekk applikabbli u, jekk le, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili dwar dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni kontra ordnijiet ta’ ħlas (l-Artikolu 445a, l-Artikoli 451-456), filwaqt li jitqies l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni lill-qorti fi żmien 30 jum min-notifika tal-ordni ta’ ħlas lill-konvenut, filwaqt li tqis perjodu xieraq għar-riċevuta tad-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, il-qorti għandha tiddikjara l-eżegwibbiltà tal-ordni ta’ ħlas Ewropea billi tuża l-formola standard G.

Ordni ta’ ħlas Ewropea eżegwibbli (l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006), maħruġa minn qorti fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, hija titolu eżekuttiv li jista’ jintuża sabiex tintalab l-eżekuzzjoni fir-Repubblika tal-Kroazja bl-istess mod bħal fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni minn qorti Kroata.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Bħala regola ġenerali, ir-rikorrent jeħtieġlu jitlob lill-qorti sabiex toħroġ klawżola ta’ eżegwibbiltà, u l-qorti tiddikjara l-eżegwibbiltà tal-ordni ta’ ħlas Ewropea billi tuża l-formola standard G.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

L-intimat jista’ jitlob l-istħarriġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea maħruġa fil-Kroazja fuq il-bażi tal-Artikolu 507n tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili, filwaqt li jitqies l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006. Il-qorti li tiddeċiedi dwar it-talba tista’ tipposponi l-eżekuzzjoni billi tapplika r-regoli xierqa tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni rigward il-posponiment tal-eżekuzzjoni fuq talba tad-debitur. Appell kontra titolu eżekuttiv ċ-ċitazzjoni ta’ eżekuzzjoni għar-raġunijiet relatati mat-talba stabbiliti fl-ordni ta’ ħlas Ewropea hu permess biss jekk dawn ir-raġunijiet ikunu seħħew wara li ġiet innotifikata l-ordni u jekk ma jkunux għadhom jistgħu jiġu ppreżentati fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006.

L-aħħar aġġornament: 12/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.