L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Fir-Repubblika tal-Kroazja tapplika l-ordni ta’ ħlas Ewropea, u l-proċedura tal-ħruġ tat-tali ordnijiet hi rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 53/91, 91/92, 112/99, 129/00, 88/01, 117/03, 88/05, 2/07, 96/08, 84/08, 123/08, 57/11, 25/13 u 89/14; minn hawn ’il quddiem: ZPP) u mir-Regoli dwar il-Modalità tal-Preżentazzjoni ta’ Applikazzjoni għall-Ħruġ ta’ Ordni ta’ Ħlas Ewropea u ta’ Dikjarazzjoni ta’ Oppożizzjoni kontra Ordni ta’ Ħlas Ewropea (Pravilnik o načinu podnošenja zahtjeva za izdavanje europskog platnog naloga i prigovora protiv europskog platnog naloga) (NN Nru 124/13).

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Il-proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea hi applikata għall-ġbir ta’ talbiet pekunarji li l-ammont tagħhom hu fiss, u li kienu dovuti fil-mument li fih ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea. Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 (minn hawn ’il quddiem: Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006) ħoloq proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, u t-tali Regolament japplika f’materji legali ċivili u kummerċjali transfruntiera, irrispettivament mit-tip ta’ qorti, bid-derogi pprovduti mir-Regolament.

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Talbiet li huma relatati ma’ talbiet fuq flus (talbiet pekunarji). Is-suġġett tat-talba jista’ jkun biss talbiet li jikkostitwixxu obbligi kuntrattwali jew mhux kuntrattwali u li huma ddeterminati b’mod nominali.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Ma hemmx limitu massimu għall-valur tat-talba.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

L-użu tal-proċedura mhuwiex obbligatorju għaliex il-pretendent hu ħieles li jiddeċiedi fuq il-kwistjoni li dwarha jagħmel it-talba tiegħu, dment li din ma tkunx tikkontradixxi r-regoli mandatorji u r-regoli dwar il-moralità pubblika. L-ordni ta’ ħlas tinħareġ mill-qorti anki jekk il-pretendent ma jkunx issuġġerixxa l-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas fit-talba tiegħu, jekk ikunu ġew issodisfati r-rekwiżiti kollha għall-ħruġ ta’ din. Għaldaqstant, il-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas hu mandatorju għall-qorti jekk ir-rekwiżiti għall-ħruġ ta’ din ikunu ġew issodisfati.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Iva.

1.2 Il-qorti kompetenti

Id-deċiżjoni dwar applikazzjonijiet biex tinħareġ u tiġi rieżaminata — u jiġi pprovdut ċertifikat ta’ eżegwibilità għal — l-ordni ta’ ħlas Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 hi r-responsabbiltà esklużiva tal-Qorti Kummerċjali f’Zagreb (Trgovački sud u Zagrebu).

1.3 Ir-rekwiżiti formali

L-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea u d-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni għandhom jiġu sottomessi biss f’forma li tinqara minn magna jekk il-qorti tqis li dawn l-atti huma xierqa għall-ipproċessar b’magna.

Il-modalità ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ordni ta’ ħlas Ewropea u d-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni kontra dik l-ordni huma rregolati mir-Regoli dwar il-Modalità ta’ Preżentazzjoni ta’ Applikazzjoni għall-Ħruġ ta’ Ordni ta’ Ħlas Ewropea u ta’ Dikjarazzjoni ta’ Oppożizzjoni kontra Ordni ta’ Ħlas Ewropea (Pravilnik o načinu podnošenja zahtjeva za izdavanje europskog platnog naloga i prigovora protiv europskog platnog naloga) (Narodne Novine (NN; Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 124/13; minn hawn ’il quddiem: ir-Regoli), li daħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Ottubru 2013.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

L-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea u d-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni kontra l-ordni għandhom jiġu ppreżentati fuq il-formoli stabbiliti mir-Regolament Nru 1896/2006 lill-qorti kompetenti f’forma fuq karti b'mod personali jew bil-posta. Għaldaqstant, l-użu ta’ formola standardizzata fil-proċedura għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea hu obbligatorju, u l-formoli jistgħu jitniżżlu mis-sit tal-internet tal-Qorti Kummerċjali f’Zagreb (http://sudovi.pravosudje.hr/tszag/).

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Kwalunkwe parti -persuna fiżika jew ġuridika - hi awtorizzata tagħżel liberament jekk tirrappreżentax lilha nfisha fil-proċedimenti, jew tqabbadx intermedjarju, li normalment ikun avukat, sakemm id-dispożizzjonijiet tal-istat taz-ZPP ma jistipulawx mod ieħor. Għaldaqstant, ir-rappreżentanza minn avukat mhix obbligatorja fil-proċedura tal-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Il-parti hi obbligata timla l-formola A (Applikazzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea) f’forma li tinqara minn magna. Il-punt 6 tat-tali formola joffri għażla ta’ motivazzjonijiet legali li jiċċaraw dak li għalih tirreferi t-talba.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Il-punt 10 tal-formola A jipprovdi biex il-parti tehmeż l-evidenza disponibbli għaliha u tiddeskrivi għalxiex tirreferi l-evidenza speċifika. L-evidenza u l-kumpilazzjoni ta’ xhieda huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 219 - 271 taz-ZPP, u l-qorti tiddeċiedi liema mill-evidenza ppreżentata għandha tiġi kkumpilata biex jinstabu u jiġu vvalutati l-fatti rilevanti. Barra minn hekk, il-qorti, bid-diskrezzjoni tagħha, tiddeċiedi liema fatti se tiddikjara bħala murija bil-provi, wara valutazzjoni approfondita u bir-reqqa tal-evidenza kollha, kemm b’mod individwali kif ukoll fis-sħuħija tagħha, u b’kunsiderazzjoni tar-riżultati tal-proċeduri sħaħ.

Aktar informazzjoni dwar l-evidenza u l-kumpilazzjoni ta’ xhieda hi pprovduta fil-pakkett ta’ informazzjoni intitolat “Il-kumpilazzjoni ta' xhieda – Ir-Repubblika tal-Kroazja” (Izvođenje dokaza – Republika Hrvatska).

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Ir-regola ġenerali tal-Artikolu 109 taz-ZPP hi applikata għaċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet. Dan l-artikolu jiddikjara li jekk l-applikazzjoni ma tkunx tinftiehem jew ma jkunx fiha dak kollu li hu neċessarju biex tittieħed azzjoni fuqha, il-qorti tordna lill-parti tal-preżentazzjoni biex tikkoreġi l-preżentata, jiġifieri temendaha f’konformità mal-istruzzjonijiet ipprovduti u tirritornaha għall-fini ta’ korrezzjoni jew ta’ emenda. Il-preżentata titqies li ġiet irtirata jekk ma tintbagħatx lura lill-qorti u ma tiġix ikkoreġuta f’konformità mal-istruzzjonijiet riċevuti mingħand il-qorti fi ħdan it-terminu perentorju pprovdut, u jekk tintbagħat lura mingħajr korrezzjoni jew emenda, din tiġi miċħuda.

1.5 Appell

Dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni hi l-unika rimedju legali disponibbli għall-konvenut meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea. It-talba għal rieżami tal-ordni ta’ ħlas Ewropea f’konformità mal-Artikolu 20(1) jew (2) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 hi deċiża b’ordni, li kontrieha ma jiġi ppreżentat ebda appell. Appell kontra ċ-ċitazzjoni ta’ eżekuzzjoni għar-raġunijiet relatati mat-talba stabbiliti fl-ordni ta’ ħlas Ewropea hu permess biss jekk dawn ir-raġunijiet ikunu seħħew wara li ġiet innotifikata l-ordni u jekk ma jkunux għadhom jistgħu jiġu ppreżentati fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Il-konvenut jista’ jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti ta’ oriġini billi juża l-formola standard F, li tiġi pprovduta lilu flimkien mal-ordni ta’ ħlas Ewropea. Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika tal-ordni lill-konvenut, u l-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu jikkontesta t-talba, mingħajr ma jkollu jispeċifika r-raġunijiet għalxiex.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk il-konvenut jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni kontra l-ordni ta’ ħlas Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006, il-proċedura li ssegwi titwettaq f’konformità mad-dispożizzjonijiet taz-ZZP dwar il-proċedura fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni kontra ordni ta’ ħlas (l-Artikoli 445a u 451-456 taz-ZZP, filwaqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk, fi żmien 30 jum min-notifika tal-ordni ta’ ħlas lill-konvenut, filwaqt li jittieħed f’kunsiderazzjoni l-perjodu xieraq għar-riċevuta ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, ma tkun ġiet ippreżentata ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni mal-qorti, il-qorti tiddikjara l-eżegwibilità tal-ordni ta’ ħlas Ewropea bil-formola standard G.

Ordni ta’ Ħlas Ewropea eżegwibbli (Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 1896/2006), maħruġa minn qorti fir-Repubblika tal-Kroazja, hi ordni ta’ infurzar li fuq il-bażi tagħha, fir-Repubblika tal-Kroazja, jista’ jitfittex l-infurzar bl-istess mod bħalma jsir fuq il-bażi ta’ deċiżjoni li tista’ tkun infurzata ta’ qorti Kroata.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Bħala regola ġenerali, il-pretendent jeħtieġlu jitlob b’mod espliċitu lill-qorti biex toħroġ ċertifikat ta’ eżegwibilità, u l-qorti tiddikjara l-eżegwibilità tal-ordni ta’ ħlas Ewropea billi tuża l-formola standard G.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Il-konvenut jista’ jitlob rieżami tal-ordni ta’ ħlas Ewropea fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 507n taz-ZPP, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-raġunijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006, u l-qorti li tiddeċiedi dwar it-talba tista’ tipposponi l-eżekuzzjoni billi tapplika d-dispożizzjonijiet xierqa tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni rigward il-posponiment tal-eżekuzzjoni fuq it-talba tad-debitur.

L-aħħar aġġornament: 23/08/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.