Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Il-Kodiċi Awstrijaka ta’ Proċedura Ċivili tinkludi proċedura ppruvata u ttestjata b’mod sħiħ ta' ordni ta’ ħlas (Mahnverfahren) fil-każ ta' talbiet ta' ħlas. Ħafna mit-talbiet ta' ħlas fl-Awstrija huma pproċessati onlajn b’mod sempliċi, bi proċedura mgħaġġla ta’ ordni għal ħlas.

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Il-proċedura ta’ ordni ta' ħlas hija limitata għal talbiet oħra għal ħlas minbarra dawk li għandhom jiġu deċiżi f’tip partikolari ta’ proċedura "mhux kontenzjuża" (Ausserstreitverfahren). Il-proċedura ta’ ordni ta' ħlas hija inkompatibbli mal-prinċipju li fuq hija msejsa l-proċedura mhux kontenzjuża, li tirrikjedi li l-Qorti tikkjarifika l-fatti kollha rilevanti għad-deċiżjoni tagħha ex officio, jiġifieri mingħajr applikazzjoni minn parti. Billi rekwiżiti proċedurali speċjali japplikaw ukoll għal każijiet li jirrigwardaw il-liġi dwar is-sigurtà soċjali u t-talbiet ibbażati fuq ċekkijiet jew kambjali, dawn ma jistgħux jiġu infurzati taħt il-proċedura ta’ ordni ta' ħlas.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Il-proċedura ta’ ordni ta' ħlas ġiet limitata għal ammonti f’tilwima sa EUR 75 000 mill-1 ta’ Lulju 2009. Talbiet għal ammonti li jaqbżu dak il-limitu għandhom jiġu rreġistrati skont il-proċedura ċivili "ordinarja" f’forma ta’ trattazzjonijiet ta’ tħejjija.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

Il-proċedura ta’ ordni ta' ħlas hija obbligatorja fl-Awstrija għal talbiet sal-limitu msemmi hawn fuq.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Il-Proċedura Awstrijaka għal ordni ta’ ħlas ma tistax tintuża jekk l-intimat ikun domiċiljat jew abitwalment residenti jew jekk għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu barra mill-pajjiż. Tali tilwim għandu jiġi riżolt skont il-proċedura ċivili "ordinarja". Skont it-talba, il-qorti kompetenti titlob lill-intimat li jew jissottometti difiża fi żmien erba’ ġimgħat jew jistabbilixxi data għal seduta ta’ smigħ.

Alternattivament, il-ħlas tat-talbiet kontra intimati residenti fi Stat Membru ieħor jista’ jiġi infurzat taħt il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea.

1.2 Il-qorti kompetenti

Talbiet għal pagamenti għal ammonti sa EUR 15 000 (mill-1 ta’ Jannar 2013) għandhom jiġu ppreżentati lil Qorti Distrettwali (Bezirksgericht). Talbiet għal bejn EUR 15 000 u EUR 75 000 għandhom jiġu ppreżentati lill-Qorti tal-Prim’ Istanza, sakemm dawn jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni speċjali tal-Qrati Distrettwali.

Il-ġurisdizzjoni taħt il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Awstrijaka hija rregolata mir-regoli ġenerali, jiġifieri ma hemm l-ebda regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni. Ara l-iskeda informattiva dwar “il-Ġurisdizzjoni tal-Qrati" għal informazzjoni dwar ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni Awstrijaċi. Informazzjoni dwar liema Qorti għandha ġurisdizzjoni għal kawżi ċivili speċifiċi tista' tinstab fuq il-websajt tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja tal-Awstrija (http://www.justiz.gv.at/) taħt "e-Government" (‘Gerichtssuche’).

Il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għal Kwistjonijiet Kummerċjali (Bezirksgericht für Handelssachen) hija l-unika waħda kompetenti fl-Awstrija għal proċedimenti taħt il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

It-talbiet għall-ħlas għandhom jiġu ppreżentati permezz ta’ formola standard. Formoli differenti jintużaw għal proċedimenti tal-ordni ta' ħlas fl-Awstrija skont jekk it-talba għall-ħlas hijiex qed tiġi infurzata taħt il-proċedura ta’ ordni ta' ħlas “ordinarja”, permezz ta’ proċedimenti ta’ ordni ta' ħlas, permezz ta’ qorti tax-xogħol jew skont il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea. Il-formoli huma disponibbli biex jitniżżlu mill-websajt tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja (http://www.justiz.gv.at/) taħt ‘Bürgerservice’ jew jistgħu jimtlew onlajn.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Ir-rikorrenti li japplikaw għal ordnijiet ta’ ħlas għal ammonti f’tilwima ta’ aktar minn EUR 5 000 għandu jkollhom rappreżentanza legali. Dan ma japplikax f’każijiet li skont il-liġi għandhom jinstemgħu minn Qorti Distrettwali, ikun xi jkun l-ammont inkwistjoni (jiġifieri minn Qorti b’ġurisdizzjoni ratione materiae). F’każijiet bħal dawn, ir-rappreżentanza legali hija rekwiżit “relattiv”, jiġifieri l-partijiet jistgħu jaġixxu f’isimhom stess iżda, jekk huma jixtiequ jkunu rappreżentati, għandhom jiġu rrappreżentati minn avukat.

Ma hemm l-ebda rekwiżit għal rappreżentanza legali skont il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas Ewropea.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Ir-rekwiżiti li jirregolaw il-kontenut ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas mhumiex essenzjalment differenti mir-rekwiżiti li jirregolaw it-talbiet ippreżentati skont il-proċedura “ordinarja”. Madankollu, ir-rikorrenti ma għandhomx jiġġustifikaw ir-raġunijiet legali li fuqhom hija bbażata t-talba f’applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas. Madankollu, iċ-ċirkustanzi msemmija bħala sostenn għat-talba għandhom ikunu deskritti f’dettall biżżejjed biex tiġi identifika t-talba u dderivata domanda speċifika (jiġifieri l-applikazzjoni trid tkun “konvinċenti”).

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Il-proċedura ta’ ordni ta' ħlas fl-Awstrija hija proċedura li taħtha ma hemm l-ebda obbligu li tingħata evidenza. Għalhekk ma jridu jiġu ppreżentati l-ebda dokumenti bħala sostenn tat-talba biex wieħed japplika għal ordni ta’ ħlas. Madankollu, rikorrenti li jiksbu jew jippruvaw jiksbu ordni ta’ ħlas bi frodi, billi jinkludu informazzjoni falza jew mhux kompluta fl-applikazzjoni tagħhom, jeħlu multa skont il-Kodiċi Awstrijaka ta’ Proċedura Ċivili.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Il-Qorti twettaq biss evalwazzjoni fil-qosor tal-applikazzjoni. Ma tivverifikax jekk il-kontenut huwiex preċiż; hija tillimita ruħha li tevalwa biss il-merti legali tat-talba (jiġifieri tivverifika jekk it-talba hijiex “konvinċenti”). Jekk l-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas tissodisfa r-rekwiżiti fir-rigward tal-forma u l-kontenut (jiġifieri jekk fiha domanda speċifika, tistabbilixxi l-fatti li minnhom tista' tittieħed id-domanda, tikkwota evidenza u dettalji ta’ ġurisdizzjoni u tippermetti li t-talba tiġi identifikata), il-qorti toħroġ ordni ta’ ħlas. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni fil-Kodiċi Awstijaka ta' Proċedura Ċivili għal applikazzjonijiet għal ordnijiet ta’ ħlas li għandhom jiġu miċħuda għal raġunijiet formali. Jekk il-Qorti tqis li r-rekwiżiti għal ordni ta’ ħlas ma ntlaħqux, hija tagħti bidu minnufih għal proċedimenti “ordinarji”; hija ma tiċħadx l-applikazzjoni. Madankollu, fil-każ ta’ ċerti nuqqasijiet formali, il-Qorti tista’ l-ewwel tagħti bidu għal proċedura ta’ korrezzjoni billi tordna lir-rikorrent biex jirrimedja n-nuqqasijiet.

1.5 Appell

Billi l-Kodiċi Awstrijaka ta’ Proċedura Ċivili ma tipprovdix għal applikazzjonijiet għal ordnijiet ta' ħlas li għandhom jiġu miċħuda u tittrasferihom b’mod awtomatiku għall-proċedura “ordinarja” , ma hemmx lok għal dritt ta’ appell.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

L-iskadenza għal oġġezzjoni għal ordni ta’ ħlas hija ta’ erba’ ġimgħat, li jibdew mid-data ta’ servizz ta' kopja bil-miktub tal-ordni tal-ħlas fuq l-intimat. Il-Qorti ma tistax testendi jew tqassar din l-iskadenza.

Oġġezzjonijiet għall-ordnijiet ta’ ħlas mogħtija minn Qorti tal-Prim’ Istanza (f’każijiet fejn l-ammont inkwistjoni jkun bejn EUR 15 000 u EUR 75 000) għandhom jieħu l-forma ta’ difiża. Dan ifisser li l-oġġezzjoni jrid ikollha domanda speċifika u deskrizzjoni tal-fatti u ċ-ċirkostanzi b’appoġġ għall-oġġezzjoni, flimkien ma’ provi b'sostenn għall-affermazzjonijiet tal-intimat. Ir-rappreżentanza legali hija mandatorja għall-preżentazzjoni tal-ilmenti quddiem il-Qorti.

Ir-rappreżentanza legali mhijiex obbligatorja għall-preżentazzjoni ta' oġġezzjoni fi proċedimenti quddiem Qorti Distrettwali (jiġifieri għal ammonti inkwistjoni sa EUR 15 000 jew, jekk il-qorti jkollha ġurisdizzjoni ratione materiae, sa EUR 75 000). Għal oġġezzjonijiet bil-miktub, huwa biżżejjed, f’tali proċedimenti li l-intimat jibgħat ittra ffirmata lill-Qorti li tkun ħarġet l-ordni ta’ ħlas, li tgħid li huwa/hija għandu l-ħsieb li jressaq oġġezzjoni għall-ordni ta’ ħlas. Ma hemm l-ebda rekwiżit, bħal fi proċedimenti quddiem Qorti ta’ Prim’ Istanza, għall-intimat li jissostanzja l-oġġezzjoni tiegħu. L-intimat jista’ wkoll jirreġistra oġġezzjoni oralment quddiem il-Qorti li tkun ħarġet l-ordni ta’ ħlas jew fil-Qorti Distrettwali fid-distrett fejn huwa/hija residenti.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk l-intimat jippreżenta oġġezzjoni fil-ħin, l-ordni tal-ħlas tiskadi u l-Qorti awtomatikament tittrasferixxi l-appell għall-proċedura “ordinarja” u tisma’ l-allegazzjonijiet għat-talba u l-oġġezzjonijiet għalihom.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Il-proċedura ta’ ordni ta' ħlas fl-Awstrija hija proċedura bi stadju wieħed. Jekk l-intimat ma jikkontestax l-ordni ta’ ħlas jew jonqos milli jagħmel dan fil-ħin, din issir awtomatikament infurzabbli mingħajr il-ħtieġa ta’ applikazzjoni oħra mir-rikorrent. Għalhekk ma hemm l-ebda dispożizzjoni fil-liġi għal deċiżjoni minn Qorti oħra.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Il-Qorti tikkonferma fuq l-awtorità tagħha stess li l-ordni tal-ħlas tkun infurzabbli. Ir-rikorrent jista’ juża kopja ċertifikata tal-ordni tal-ħlas biex jibda proċedimenti ta’ infurzar kontra l-intimat.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Ordnijiet ta’ ħlas maħruġa skont il-proċedura Awstrijaka ta' ordni ta' ħlas tista’ tiġi kkontestata biss permezz tal-preżentazzjoni ta’ oġġezzjoni. L-intimat ma għandu l-ebda drittijiet oħra ta’ appell. Id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż li jinsabu fl-ordni tal-ħlas tista’ tiġi kkontestata mir-rikorrent u mill-intimat fi żmien 14-il jum ta' servizz min-notifika jew mill-komunikazzjoni f’appell dwar l-ispejjeż (Kostenrekurs). L-intimat jista’ jagħmel talba għal irregolaritajiet serji fis-servizz tal-ordni ta’ ħlas f'kull ħin, billi japplika biex il-konferma ta’ infurzar tiġi kkanċellata. L-intimati li minħabba f’avvenimenti inevitabbli u mhux mistennija kienu prevenuti milli jressqu oġġezzjoni fil-ħin jistgħu japplikaw biex il-pożizzjoni preċedenti tiġi rrestawrata, fi żmien 14-il jum wara li jitneħħa l-ostaklu li wassal biex inqabżet l-iskadenza għall-oġġezzjoni.

L-aħħar aġġornament: 02/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna