L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Malta
Inhalt bereitgestellt von
European Judicial Network
Europäisches Justizielles Netz (für Zivil- und Handelssachen)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

Il-liġi Maltija tipprevedi proċeduri speċjali fir-rigward ta’ talbiet mhux opposti skont it-termini tal-Artikolu 166A tal-Kap. 12 tal-Liġijiet ta’ Malta (Kodiċi dwar l-Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili).

1.1 L-ambitu tal-proċedura

Din il-proċedura tista’ tintuża f’azzjonijiet fejn id-dejn ma jkunx jeċċedi l-EUR 25 000.

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

It-talbiet eliġibbli huma dawk għall-ħlas ta’ dejn ċert, likwidu u li għalaq u li ma jkunx jikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ fatt u meta kif diġà ngħad l-ammont ma jkunx jeċċedi l-EUR 25 000. Meta d-dejn ma jkunx likwidu, il-kreditur jista’ jimxi skont dan l-artikolu jekk huwa jillimita d-dejn tiegħu għal ammont li ma jeċċedix l-EUR 25 000 u jirrinunzja espressament għal kull parti mit-talba tiegħu li tista’ meta tiġi likwidata teċċedi dik is-somma.

Il-kreditur jista’ jimxi skont dan l-artikolu biss jekk id-debitur ikun preżenti f’Malta u ma jkunx minuri jew persuna inkapaċitata skont il-liġi, u jekk id-dejn ma jkunx dovut minn wirt battal.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Iva, il-limitu massimu huwa ta’ EUR 25 000.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

L-użu ta’ din il-proċedura huwa fakultattiv.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Le, din il-proċedura tista’ tintuża biss jekk id-debitur ikun preżenti f’Malta.

1.2 Il-qorti kompetenti

Il-Qorti li din il-proċedura ssir quddiemha hija l-Qorti tal-Maġistrati ta’ Malta jew ta’ Għawdex (Inferjuri) skont il-każ.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

Il-kreditur għandu jippreżenta ittra uffiċjali li l-kontenut tagħha għandu jiġi kkonfermat bil-ġurament mill-kreditur u dik l-ittra għandha tiġi nnotifikata lid-debitur. F'din l-ittra l-kreditur għandu jiddikjara b’mod ċar, taħt piena ta’ nullità, ir-raġuni li t-talba tkun imsejsa fuqha, ir-raġunijiet għaliex it-talba għandha tintlaqa’ u dikjarazzjoni tal-fatti b’sostenn tat-talba. L-ittra uffiċjali għandu wkoll ikun fiha taħt piena ta’ nullità, intimazzjoni lid-debitur li jekk ma jweġibx fi żmien tletin jum mindu jiġi nnotifikat b’dik l-ittra uffiċjali, billi jippreżenta nota fl-atti ta’ dik l-ittra uffiċjali li fiha tiġi respinta t-talba, dik l-ittra uffiċjali tkun tikkostitwixxi titolu eżekuttiv.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Le, ma teżistix formola standard. Madankollu fil-bidu tal-ittra uffiċjali huwa obbligatorju li jitniżżlu dawn il-kliem:

Din l-ittra uffiċjali qed tintbagħat taħt l-Artikolu 166A tal-Kapitolu 12, u jekk ma tweġibx fi żmien tletin (30) jum, din issir titolu eżekuttiv. Għalhekk huwa fl-interess tiegħek li tkellem avukat jew prokuratur legali.”

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Iva ittra uffiċjali trid tiġi ffirmata minn avukat. Madankollu, id-debitur li jkun irid iwieġeb dik l-ittra uffiċjali biex jirrespinġi t-talba, m’għandux għalfejn ikun rappreżentat minn avukat jew prokuratur legali.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Ir-raġuni għat-talba għandha tkun dettaljata. Fil-fatt l-ittra uffiċjali għandha taħt piena ta’ nullità tinkludi r-raġuni li t-talba tkun imsejsa fuqha, ir-raġunijiet għaliex it-talba għandha tintlaqa’ u dikjarazzjoni tal-fatti b’sostenn tat-talba.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Le, il-liġi ma tirrikjedix li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba konċernata. Madankollu, il-liġi tistipula illi għandu jkun hemm dikjarazzjoni ġuramentata tal-fatti b’sostenn tat-talba.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Din l-ordni ta’ proċedura għall-ħlas ma ssirx permezz ta’ rikors iżda permezz ta’ ittra uffiċjali. Għaldaqstant il-Qorti ma tistax tiċħad it-talba jekk ma jkunx hemm oppożizzjoni min-naħa tad-debitur. Jekk ikun hemm oppożizzjoni mid-debitur, il-kreditur ma jkunx jista’ jirkupra l-ammont dovut lilu permezz ta’ din l-ordni tal-ħlas. F’dak il-każ il-kreditur ikollu jiftaħ kawża. Għandu jingħad li meta d-debitur ikun oppona t-talba kif imiss, din l-ordni għall-ħlas ma tistax terġa’ tintuża kontra d-debitur fir-rigward tal-istess talba li jkun hemm fl-ittra uffiċjali nnotifikata lid-debitur.

1.5 Appell

Ma jeżistix appell minn din il-proċedura. Jekk id-debitur jopponi, il-kreditur ikollu jiftaħ kawża. Iżda jekk id-debitur ma jopponix fi żmien tletin jum mid-data ta’ meta l-ordni għall-ħlas (ittra uffiċjali) tiġi nnotifikata, dik l-ordni tkun tikkostitwixxi titolu eżekuttiv. Id-debitur f’dan l-istadju jista’ jopponi dan it-titolu eżekuttiv fi żmien għoxrin ġurnata mill-ewwel notifika li ssirlu ta’ xi mandat eżekuttiv jew xi att ġudizzjarju ieħor. Dan it-titolu eżekuttiv jiġi rexiss u ddikjarat null jekk il-Qorti tkun sodisfatta li:

(i) id-debitur ma kienx jaf b’dik l-ittra uffiċjali għaliex hu ma kienx notifikat kif imiss; jew

(ii) l-ittra uffiċjali ma kienx fiha l-ħtiġijiet stipulati skont il-liġi (imsemmija hawn fuq).

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Meta jirċievi l-ittra uffiċjali, id-debitur jista’ jirrespinġi t-talba tal-kreditur.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Meta debitur jopponi t-talba kif imiss, dan ikun ifisser illi l-kreditur ma jistax ikompli jmexxi permezz ta’ din il-proċedura. Għandu jingħad ukoll illi meta d-debitur ikun oppona t-talba kif imiss, il-proċedura speċjali li tinsab f’dan l-artikolu ma tistax terġa’ tintuża kontra d-debitur għar-rigward tal-istess talba li jkun hemm fl-ittra uffiċjali nnotifikata lid-debitur.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni jwassal sabiex il-kreditur ikun jista’ jgħaddi biex ikompli l-proċedura sabiex jottjeni titolu eżekuttiv.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Ittra uffiċjali permezz ta’ din il-proċedura (li ma tkunx ġiet ikkontestata) għandha tiġi rreġistrata. L-applikant għar-reġistrazzjoni ta’ ittra uffiċjali li tkun tikkwalifika bħala titolu eżekuttiv għandu jippreżenta lir-Reġistratur tal-Qorti kopja legali tal-ittra uffiċjali, inkluża l-prova tan-notifika u kopja ta’ kull risposta għaliha li tasal jekk ikun hemm.

Meta jirċievi d-dokumenti msemmija fis-subartikolu (2) ir-Reġistratur jeżamina d-dokumenti ppreżentati, jivverifika jekk id-debitur ippreżentax nota ta’ tweġiba fiż-żmien stipulat u jekk ikun sodisfatt illi l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-ittra uffiċjali bħala titolu eżekuttiv ikunu jissussistu, huwa għandu jipproċedi biex jirreġistra d-dokumenti ppreżentati f’reġistru li jissejjaħ ir-Reġistru ta’ Ittri Uffiċjali bħala Titoli Eżekuttivi li għandu jinżamm mir-Reġistratur għall-iskopijiet tal-artikolu 166A.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Ma hemmx appell però titolu eżekuttiv li jinkiseb skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għandu jiġi rexiss u ddikjarat null u bla effett jekk meta ssir talba permezz ta’ rikors fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) jew fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), skont il-każ, li tiġi ppreżentata mid-debitur fi żmien 20 ġurnata mill-ewwel notifika li ssirlu ta’ mandat eżekuttiv jew xi att ġudizzjarju ieħor fuq dak it-titolu, il-qorti tkun sodisfatta li:

(a) id-debitur ma kienx jaf b’dik l-ittra uffiċjali għaliex hu ma kienx nnotifikat kif imiss; jew

(b) l-ittra uffiċjali ma kienx fiha r-rekwiżiti kollha.

L-aħħar aġġornament: 04/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.