Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-evidenza tinġabar bil-vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta' qorti fl-Istat Membru li jagħmel it-talba jew direttament f'qorti ta' dak l-Istat Membru? Jekk iva, x'inhuma l-proċeduri nazzjonali relevanti jew il-liġijiet li japplikaw?

Iva, is-smigħ tax-xhieda jista' jsir b'vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta' qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew direttament minn qorti ta' dak l-Istat Membru.

Skont l-Artikolu 5 tal-Att (2003:493) dwar ir-Regolament KE dwar il-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali ("Ir-Regolament tal-Kumpilazzjoni ta' Xhieda"), ix-xhieda jinstemgħu mill-qrati distrettwali (tingsrätter). Il-qorti tapplika r-regoli għas-smigħ tax-xhieda barra mis-seduta prinċipali li huma stipulati fil-Kapitolu 35, fl-Artikoli 8-11 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ġudizzjarja (rättegångsbalken), ħlief meta jkun stipulat mod ieħor fir-Regolament.

Ta' min jinnota li f'kawżi fejn ma japplikax ir-Regolament tal-Kumpilazzjoni tax-Xhieda, hemm dispożizzjonijiet f'atti oħrajn, pereżempju l-Att (1946:816) dwar il-kumpilazzjoni tax-xhieda għal qorti barranija.

2 Hemm xi restrizzjonijiet dwar it-tip ta' persuna li tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – per eżempju, huma biss ix-xhieda li jistgħu jiġu eżaminati jew anke esperti jew partijiet oħra?

Kull parti li tkun trid tiġi eżaminata f'kawża tista' tiġi eżaminata b'vidjokonferenza.

3 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta' evidenza li tista' tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Ma ġiet imposta l-ebda restrizzjoni partikolari.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – i.e. trid tkun fil-qorti?

Is-smigħ tax-xhieda jsir mill-qrati distrettwali. Minbarra dan, ma ġiet imposta l-ebda restrizzjoni partikolari.

5 Huwa permess li s-seduti tal-vidjokonferenzi jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Iva, huwa permess u hemm il-faċilitajiet għalih.

6 B'liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 10 sa 12; u (b) fejn ikun hemm ġbir ta' evidenza taħt l-Artikolu 17?

(a) Is-seduta trid issir bl-Iżvediż imma l-qorti tista' tqabbad interpretu.

(b) Dan jiddependi mir-regoli tal-istat rikjedenti.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min hu responsabbli biex jipprovdihom taħt iż-żewġ tipi ta' smigħ u fejn għandhom ikunu?

Jekk l-eżami jsir l-Iżvezja, il-qorti Żvediża tiddeċiedi dwar l-interpreti.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin? Kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi ffissata d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

Il-qorti rikjesta tħarrek lill-persuna li tkun trid tiġi eżaminata. It-taħrika tispeċifika l-ħin u l-post. Ma hemm l-ebda rekwiżit regolatorju dwar l-ammont ta' ħin li jrid jitħalla biex tiġi deċiża d-data tas-seduta.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenzi u kif għandhom jitħallsu?

Jekk il-qorti Żvediża titlob li jsir hekk, il-qorti rikjedenti trid tħallas l-ispejjeż tal-periti u l-interpreti, flimkien mal-ispejjeż li jiġu mit-talba għal eżekuzzjoni b'konformità ma' proċedura speċjali, u l-ispejjeż tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni bħal tal-vidjokonferenzi u tat-telekonferenzi (cf. l-Artikolu 18(2) u l-Artikolu 10(3) u (4) tar-Regolament tal-Kumpilazzjoni ta' Xhieda).

10 Hemm xi kundizzjonijiet, u jekk iva, liema huma, biex jiġi żgurat li l-persuna eżaminata direttament mill-qorti li tagħmel it-talba tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Hija l-qorti rikjedenti li trid tinforma l-persuna kkonċernata li s-smigħ tax-xhieda skont l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta' Xhieda jsir fuq bażi volontarja.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li se tiġi eżaminata?

Ma hemm l-ebda proċedura regolata speċifikament biex tiġi vverifikata l-identità waqt din il-konnessjoni.

12 Liema kundizzjonijiet japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x'informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti li tagħmel it-talba meta ġurament ikun meħtieġ waqt it-teħid dirett tal-evidenza taħt l-Artikolu 17?

Bħala regola ġenerali, japplikaw ir-regoli nazzjonali dwar il-ġuramenti, u ma ġiet stipulata l-ebda kundizzjoni jew informazzjoni speċifika għall-applikazzjoni tal-Artikolu 17.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta' kuntatt fil-post tal-vidjokonferenzi li l-qorti li tagħmel it-talba tista' tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli fil-jum tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi u tindirizza xi problemi tekniċi?

F'kull qorti hemm persunal li jkun jista' jopera faċilitajiet tal-vidjokonferenzi.

14 X'jiġri jekk ikun hemm bżonn ta' xi informazzjoni addizzjonali mill-qorti li tagħmel it-talba?

Normalment ma tkun meħtieġa l-ebda informazzjoni addizzjonali.

L-aħħar aġġornament: 02/06/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.