Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-evidenza tinġabar bil-vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta' qorti fl-Istat Membru li jagħmel it-talba jew direttament f'qorti ta' dak l-Istat Membru? Jekk iva, x'inhuma l-proċeduri nazzjonali relevanti jew il-liġijiet li japplikaw?

Iva. F'dan il-każ, hija applikabbli l-Liġi Nru 189/2003 dwar l-assistenza legali internazzjonali fil-materji ċivili u kummerċjali, speċifikament l-Artikolu 25(1) u (3) u l-Artikolu 35(3).

L-awtorità ġudizzjarja Rumena rikjesta tista' tikkunsidra li tuża proċedura speċjali, wara talba mill-awtorità ġudizzjarja rikjedenti, bil-kundizzjoni li ma tmurx kontra l-liġi Rumena. Il-qorti Rumena tinforma lill-awtorità ġudizzjarja bid-data u l-post tal-proċedura tal-ittri rogatorji u tista' tippermetti l-parteċipazzjoni ta' maġistrati barranin. Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001, il-Ministeru tal-Ġustizzja jissodisfa d-dmirijiet relatati mad-deċiżjonijiet dwar talbiet mibgħuta skont l-Artikolu 17 tal-istess Regolament.

Il-vidjokonferenza għandha ssir fil-preżenza tal-imħallef mill-Qorti Distrettwali li jkollha l-ġuriżdizzjoni fejn tkun se tinstema' x-xhieda, megħjun minn interpretu, meta jkun hemm bżonn. Dan irid jivverifika l-identità tal-persuna li tkun se tiġi eżaminata u jrid jiżgura konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi Rumena.

2 Hemm xi restrizzjonijiet dwar it-tip ta' persuna li tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – per eżempju, huma biss ix-xhieda li jistgħu jiġu eżaminati jew anke esperti jew partijiet oħra?

Le. Il-proċedura tal-ittri rogatorji tippermetti s-smigħ tax-xhieda jew persuni oħra involuti (l-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 189/2003 dwar l-assistenza legali internazzjonali fil-materji ċivili u kummerċjali).

Madankollu, skont l-Artikolu 26(2) tal-Liġi Nru 189/2003 dwar l-assistenza legali internazzjonali fil-materji ċivili u kummerċjali, il-proċedura tal-ittri rogatorji tista' tiġi miċħuda jekk il-persuna li tkun se tiġi eżaminata ma tkunx tista' tixhed minħabba xi interdizzjonijiet skont il-liġi Rumena jew meta d-dokumenti li jkunu jridu jintbagħtu jew jiġu eżaminati ma jkunux jistgħu jiġu ċċirkolati.

Barra minn hekk, skont l-Artikoli 315, 316 u 317 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid, dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu eżaminati bħala xhieda: qraba u qraba tar-rispett sat-tielet grad, konjuġi, ekskonjuġi, għarajjes jew koabitanti, persuni f'relazzjoni ostili jew li għandhom interess partikolari fir-rigward ta' waħda mill-partijiet, persuni meqjusa bħala li ma għandhomx kapaċità ġuridika, u persuni ħatja ta' sperġur. Madankollu, il-partijiet jistgħu jaqblu, jew espressament jew taċitament, li dawn li ġejjin jistgħu wkoll jiġu eżaminati bħala xhieda: qraba u qraba tar-rispett sat-tielet grad, konjuġi, ekskonjuġi, għarajjes jew koabitanti u persuni f'relazzjoni ostili jew li għandhom interess partikolari fir-rigward ta' waħda mill-partijiet.

F'kawżi tal-qorti li jikkonċernaw il-filjazzjoni, id-divorzju jew relazzjonijiet familjari oħrajn, il-qraba u l-qraba tar-rispett sat-tielet grad jistgħu jiġu eżaminati wkoll, ħlief għad-dixxendenti.

Il-persuni li ġejjin huma eżenti milli jixhdu:
1. membri tal-kleru, spiżjara, avukati, nutara pubbliċi, marixxalli, medjaturi, qwiebel u infermiera, u kwalunkwe professjonist ieħor marbut bil-liġi għall-kunfidenzjalità jew is-segretezza professjonali dwar il-fatti li saru jafu bihom permezz ta' xogħolhom jew fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tagħhom, anke wara li jkunu temmew l-attività tagħhom;
2. imħallfin, prosekuturi u uffiċjali pubbliċi, anke wara li jkunu temmew dmirijiethom, rigward ċirkostanzi sigrieti li saru jafu bihom waqt il-mandat tagħhom;
3. dawk li, permezz tat-tweġibiet tagħhom, x'aktarx li jesponu ruħhom jew lill-qraba jew qraba tar-rispett tagħhom sat-tielet grad, jew lill-konjuġi, ekskonjuġi, għarajjes jew koabitanti tagħhom, għal piena kriminali jew għal disprezz pubbliku.
Madankollu, dawn il-persuni, ħlief il-membri tal-kleru, jistgħu jixhdu jekk il-parti interessata li żżomm is-sigriet tirrilaxxahom mill-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, ħlief fejn il-liġi tistipula mod ieħor. Imħallfin, prosekuturi u uffiċjali pubbliċi jistgħu jixhdu wkoll jekk l-awtorità jew l-istituzzjoni li jaħdmu magħha jew kienu jaħdmu magħha, skont il-każ, toħroġ approvazzjoni dwar dan.

3 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta' evidenza li tista' tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Le, ma hemm l-ebda restrizzjoni. Skont l-Artikolu 17 tal-Liġi Nru 189/2003 dwar l-assistenza legali fil-materji ċivili u kummerċjali, il-proċedura tal-ittri rogatorji tippermetti s-smigħ tax-xhieda jew ta' persuni oħra involuti, il-ksib ta' dokumenti, perizji, u t-twettiq ta' investigazzjoni jew il-ksib ta' dokumenti jew informazzjoni oħra neċessarji biex tissolva kawża speċifika.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – i.e. trid tkun fil-qorti?

Le, ma hemm l-ebda restrizzjoni. Madankollu, skont l-Artikoli 16, 261(1) u 314 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid, il-provi jinġabru mill-qorti li tkun qed tisma' l-kawża. Jekk, għal raġunijiet oġġettivi, il-provi jkunu jistgħu jinġabru biss barra mil-lokalità fejn il-qorti għandha s-sede tagħha, il-provi jistgħu jinkisbu permezz tal-proċedura tal-ittri rogatorji minn qorti tal-istess livell jew anke minn qorti inferjuri jekk ma jkun hemm l-ebda qorti tal-istess livell f'dik il-lokalità. Il-qorti inkarigata skont il-proċedura tal-ittri rogatorji tiġbor il-provi fil-preżenza tal-partijiet, jew anke fin-nuqqas tagħhom, jekk ikunu tħarrku legalment, u jkollha l-istess dmirijiet bħall-qorti tar-rinviju, fir-rigward tal-proċedura li trid tiġi segwita. Fl-istess ħin, ix-xhud li, minħabba mard jew problema serja oħra, ma jistax jidher quddiem il-qorti jista' jinstema' mil-lokalità tiegħu, bil-kundizzjoni tal-proċedura ta' taħrik tal-partijiet.

5 Huwa permess li s-seduti tal-vidjokonferenzi jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Iva, dan hu permess skont l-Artikolu 13 tal-Liġi Nru 304/2004 dwar l-organizzazzjoni ġudizzjarja, kif ippubblikat mill-ġdid.

6 B'liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 10 sa 12; u (b) fejn ikun hemm ġbir ta' evidenza taħt l-Artikolu 17?

a) bir-Rumen.

b) bir-Rumen, minħabba li l-qorti rikjesta Rumena jkollha tfassal rapport tas-seduta fejn jitniżżlu d-data u l-post tas-seduta, l-identità tal-persuna mismugħa, informazzjoni dwar it-teħid tal-ġurament, il-kundizzjonijiet tekniċi tas-seduta, eċċ.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min hu responsabbli biex jipprovdihom taħt iż-żewġ tipi ta' smigħ u fejn għandhom ikunu?

Il-qorti rikjedenti hi responsabbli biex tipprovdi interpreti skont l-Artikolu 27 tal-Liġi Nru 189/2003 dwar l-assistenza legali internazzjonali fil-materji ċivili u kummerċjali. Il-qorti rikjesta Rumena tista' tiffaċilita, meta jkun applikabbli, aċċess għal interpretu mir-Rumanija, billi tipprovdi lista ta’ interpreti għall-qorti rikjedenti.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin? Kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi ffissata d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

Tal-anqas xahar u mhux aktar minn tliet xhur.

F'dan il-każ, hija applikabbli l-Liġi Nru 189/2003 dwar l-assistenza legali internazzjonali fil-materji ċivili u kummerċjali, speċifikament l-Artikolu 25(3). Il-qorti Rumena tinforma lill-awtorità ġudizzjarja rikjedenti bid-data u l-post tal-proċedura tal-ittri rogatorji. Skont l-Artikolu 261(4) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid, il-qorti inkarigata skont il-proċedura tal-ittri rogatorji tiġbor il-provi fil-preżenza tal-partijiet, jew anke fin-nuqqas tagħhom, jekk ikunu tħarrku legalment, u jkollha l-istess dmirijiet bħall-qorti tar-rinviju, fir-rigward tal-proċedura li trid tiġi segwita.

Madankollu, peress li hemm żewġ proċeduri b'korpi barranin (il-proċedura ta' komunikazzjoni waqt il-ġbir tal-provi), inqisu li t-terminu għandu jkun, fil-prattika, tal-inqas xahar u mhux aktar minn 3 xhur u jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar:

- l-issodisfar tat-talba għal notifika stipulata fir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta' dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, speċifikament għandu jinkludi tal-anqas il-perjodu ta’ xahar meħtieġ għall-issodisfar effettiv tat-talba għal notifika bil-posta b'konferma tal-irċevuta;

- l-obbligi tal-qorti rikjedenti jissodisfaw it-talbiet tal-qorti rikjesta li jikkonċernaw l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali jew il-ħlas ta' ħlas bil-quddiem/depożitu, eċċ., kif indikat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali.

Ir-raġunijiet ikunu dawk relatati mal-ħin allokat għal kwalunkwe traduzzjoni tal-korrispondenza mal-qorti rikjedenti jew max-xhud u l-ħin allokat biex tintbagħat posta barra mill-pajjiż, il-volum għoli ta’ xogħol u finalment l-iskeda tal-vidjokonferenzji.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenzi u kif għandhom jitħallsu?

L-ispejjeż ma jistgħux jiġu stmati minħabba li jvarjaw skont il-ħin u l-pajjiż. Dawn għandhom jitħallsu bi trasferiment bankarju fil-kont tal-qorti tal-appell, bħala l-korp ta' awtorizzazzjoni sekondarju, jew fil-kont tal-qorti distrettwali, bħala t-tielet korp ta’ awtorizzazzjoni. L-ispejjeż imġarrba minħabba l-vidjokonnessjoni, biex tkun tista' ssir il-konnessjoni fl-Istat rikjedenti, ir-rimunerazzjoni tal-interpreti u l-ammonti mħallsa lix-xhieda u lill-esperti, kif ukoll l-ispejjeż imġarrba fl-ivvjaġġar lejn l-Istat rikjest jiġu rrimborżati mill-qorti rikjedenti barranija lill-qorti rikjesta Rumena.

10 Hemm xi kundizzjonijiet, u jekk iva, liema huma, biex jiġi żgurat li l-persuna eżaminata direttament mill-qorti li tagħmel it-talba tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Il-persuna li trid tiġi eżaminata għandha titħarrek ukoll skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Rumen il-ġdid. Din il-persuna għandha tiġi infurmata li s-seduta tkun se sseħħ fuq bażi volontarja fit-taħrika maħruġa mill-qorti rikjesta Rumena, permezz tad-deċiżjoni li tapprova l-ġbir tal-provi mill-qorti rikjesta jew fi kwalunkwe dokument ieħor.

Skont l-Artikolu 261(4) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid, il-qorti inkarigata skont il-proċedura tal-ittri rogatorji tiġbor il-provi fil-preżenza tal-partijiet, jew anke fin-nuqqas tagħhom, jekk ikunu tħarrku legalment, u jkollha l-istess dmirijiet bħall-qorti tar-rinviju, fir-rigward tal-proċedura li trid tiġi segwita.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li se tiġi eżaminata?

Skont l-Artikolu 318 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid, qabel ma jieħu dikjarazzjoni, il-President jistaqsi lix-xhud jiddikjara kunjomu, ismu, xogħlu, id-domiċilju tiegħu u l-età tiegħu, jekk jiġi minn waħda mill-partijiet bid-demm jew biż-żwieġ u f'liema grad, u jekk hux impjegat ta' waħda mill-partijiet. Imbagħad, il-President jiġbed l-attenzjoni tax-xhud għad-dmir li jieħu ġurament u s-sinifikat tal-ġurament.

12 Liema kundizzjonijiet japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x'informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti li tagħmel it-talba meta ġurament ikun meħtieġ waqt it-teħid dirett tal-evidenza taħt l-Artikolu 17?

Skont l-Artikoli 319 u 320 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Rumen il-Ġdid, qabel ma jinstemgħu, ix-xhieda jieħdu l-ġurament li ġej: "Naħlef li ngħid is-sew u li ma naħbi xejn milli naf. Hekk Alla jgħini!"

Ix-xhud jieħu l-ġurament waqt li jżomm idu fuq is-salib jew fuq il-Bibbja. Fir-rigward tad-divinità invokata fil-kliem tal-ġurament, din tinbidel skont it-twemmin reliġjuż tax-xhud. Id-dispożizzjonijiet imsemmija fuq mhumiex applikabbli għal xhud li jkun ta' reliġjon mhux Nisranija.

Xhud li ma jkollux twemmin reliġjuż jieħu l-ġurament li ġej: "Naħlef fuq l-unur u l-kuxjenza tiegħi li ngħid is-sew u li ma naħbi xejn milli naf."

Xhieda li ma jiħdux ġurament, għal raġunijiet ta' kuxjenza jew fidi, ilissnu l-kliem li ġej quddiem il-qorti: "Norbot ruħi li ngħid is-sew u li ma naħbi xejn milli naf."

Persuni muti u muti torox li jkunu jafu jaqraw jieħdu l-ġurament billi jittraskrivu t-test tal-ġurament u jiffirmawh, persuni nieqsa mis-smigħ ilissnu l-ġurament, u persuni illitterati jieħdu l-ġurament bl-użu tas-sinjali bl-għajnuna ta’ interpretu.

Wara li x-xhud ikun ħa l-ġurament, il-President jiġbidlu l-attenzjoni għall-fatt li, jekk ma jgħidx is-sew, ikun qed jikkommetti r-reat ta' sperġur.

Dawn huma kollha mniżżla fid-dikjarazzjoni bil-miktub.

Tfal li ma jkunux laħqu l-età ta’ 14-il sena u li ma jkollhomx il-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet fil-mument tas-seduta, jistgħu jinstemgħu mingħajr ġurament u mingħajr ma jkunu pprojbiti milli jagħmlu dan, imma l-qorti tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandhom jgħidu s-sew, u tqis il-pożizzjoni speċjali tagħhom meta tiġġudika x-xhieda tagħhom.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta' kuntatt fil-post tal-vidjokonferenzi li l-qorti li tagħmel it-talba tista' tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli fil-jum tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi u tindirizza xi problemi tekniċi?

Il-persuni ta’ kuntatt jistgħu jkunu speċjalisti tal-IT minn qrati tal-appell, l-iskrivan tal-qorti jew l-imħallef. Madwar 144 mill-244 qorti għandhom faċilitajiet għall-vidjokonferenzi. Kull waħda minn dawk il-144 qorti għandha 2 faċilitajiet għall-vidjokonferenzi.

14 X'jiġri jekk ikun hemm bżonn ta' xi informazzjoni addizzjonali mill-qorti li tagħmel it-talba?

L-aħħar aġġornament: 31/05/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.