Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-evidenza tinġabar bil-vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta' qorti fl-Istat Membru li jagħmel it-talba jew direttament f'qorti ta' dak l-Istat Membru? Jekk iva, x'inhuma l-proċeduri nazzjonali relevanti jew il-liġijiet li japplikaw?

Fil-Polonja, ix-xhieda tista' tinstema' b'vidjokonferenza, b'konformità mal-Artikolu 10-12 u l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali, kif ukoll b'konformità mal-Konvenzjoni tal-Aja tat-18 ta' Marzu 1970 dwar is-Smigħ ta' Xhieda minn Barra l-pajjiż f'Materji Ċivili jew Kummerċjali [Il-Ġurnal tal-Liġijiet (Dziennik Ustaw) tal-2000, Nru 50, partita 582] għall-pajjiżi l-oħrajn (li mhumiex suġġetti għar-Regolament).

Il-vidjokonferenzi huma regolati bl-Artikolu 235(2) u (3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u r-Regolament tal-Ministru tal-Ġustizzja tal-24 ta' Frar 2010 dwar it-tagħmir tekniku u r-riżorsi li jippermettu li fi proċedimenti ċivili x-xhieda tinstema' minn postijiet imbiegħda.

2 Hemm xi restrizzjonijiet dwar it-tip ta' persuna li tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – per eżempju, huma biss ix-xhieda li jistgħu jiġu eżaminati jew anke esperti jew partijiet oħra?

Il-liġi Pollakka ma timponi ebda restrizzjoni ta' dan it-tip: periti, partijiet u xhieda jistgħu jiġu eżaminati b'vidjokonferenza.

3 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta' evidenza li tista' tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Il-liġi Pollakka ma timponi ebda restrizzjoni partikolari fuq it-tip ta' xhieda li tista' tinstema' b'vidjokonferenza.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – i.e. trid tkun fil-qorti?

Il-liġi Pollakka ma timponi ebda restrizzjoni partikolari fuq fejn il-persuna għandha tiġi eżaminata b'vidjokonferenza. Bħala regola, l-eżami jsir il-qorti, suġġett għall-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 li skontu l-post tal-eżami jiġi ddeterminat mill-qorti rikjedenti.

5 Huwa permess li s-seduti tal-vidjokonferenzi jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Il-liġi Pollakka ma tistipulax dispożizzjonijiet dettaljati għall-irrekordjar tas-seduti b'vidjokonferenza; id-deċiżjoni jekk jiġux irrekordjati s-seduti b'vidjokonferenza hija f'idejn l-imħallef li jkun qed jisma' x-xhieda.

6 B'liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 10 sa 12; u (b) fejn ikun hemm ġbir ta' evidenza taħt l-Artikolu 17?

Bħala regola, is-smigħ isir bil-Pollakk. Jekk il-persuna li tkun qed tiġi eżaminata ma tifhimx bil-Pollakk, irid ikun preżenti interpretu.

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċjali dwar seduti skont l-Artikolu 17, imma meta l-korp ċentrali jaqbel mas-smigħ dirett tax-xhieda, huwa jkun jista' jitlob lill-qorti rikjedenti tipprovdi interpretu.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min hu responsabbli biex jipprovdihom taħt iż-żewġ tipi ta' smigħ u fejn għandhom ikunu?

Bħala prinċipju, għas-seduti skont l-Artikoli 10-12, il-qorti rikjesta trid tipprovdi l-interpretu hi (bħala regola mil-lista ta' interpreti approvati). F'ċirkostanzi eċċezzjonali, madanakollu, il-qorti tista' taċċetta interpretu propost minn parti.

F'seduti skont l-Artikolu 17, meta korp ċentrali jitlob lill-qorti rikjedenti tipprovdi interpretu, il-qorti rikjesta tiżgura li jkun preżenti interpretu.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin? Kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi ffissata d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

Għal seduti skont l-Artikolu 10-12, il-qorti rikjesta tinnotifika lix-xhud/parti bil-ħin u l-post tas-seduta mill-anqas 7 ijiem qabel id-data tas-seduta. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-qorti rikjesta tinnotifika lix-xhud/parti bil-ħin u l-post tas-seduta mill-anqas 3 ijiem qabel id-data tas-seduta.

Għal seduti skont l-Artikolu 17, il-korp ċentrali jinnotifika lix-xhud/parti li tkun qablet dwar is-seduta u li s-seduta tista' ssir biss fuq bażi volontarja, mingħajr l-użu ta' miżuri koerċittivi. Hija r-responsabbiltà tal-qorti rikjedenti li tipprovdi notifika tal-ħin u l-post tas-seduta.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenzi u kif għandhom jitħallsu?

Meta s-smigħ tax-xhieda bl-użu ta' teknoloġiji moderni jiġġenera spejjeż għall-qorti rikjesta, il-qorti tapplika l-Artikolu 1135¹(3) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, li jistipula li jekk l-eżekuzzjoni ta' talba minn qorti jew minn awtorità oħra ta' pajjiż barrani tista' toħloq spejjeż assoċjati mal-użu ta' metodu li mhux dak preskritt fil-liġi Pollakka, il-qorti ma teżegwix it-talba sakemm il-qorti jew awtorità oħra ta' pajjiż barrani ma tħallasx bil-quddiem kif xieraq qabel l-iskadenza speċifikata.

10 Hemm xi kundizzjonijiet, u jekk iva, liema huma, biex jiġi żgurat li l-persuna eżaminata direttament mill-qorti li tagħmel it-talba tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Il-korp ċentrali jinnotifika lix-xhud/parti li tkun qablet dwar is-seduta u li s-seduta tista' ssir biss fuq bażi volontarja, mingħajr l-użu ta' miżuri koerċittivi.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li se tiġi eżaminata?

Il-qorti tivverifika l-identità tal-persuna billi tobbligaha tippreżenta dokument xieraq, bħal kartà tal-identità, passaport jew liċenzja tas-sewqan.

12 Liema kundizzjonijiet japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x'informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti li tagħmel it-talba meta ġurament ikun meħtieġ waqt it-teħid dirett tal-evidenza taħt l-Artikolu 17?

Għal seduti skont l-Artikolu 17, jekk il-qorti rikjedenti tinforma lill-korp ċentrali bl-intenzjoni tagħha li tisma' x-xhieda mingħand xhud taħt ġurament, il-korp ċentrali jista' jitlob it-test tal-ġurament. Jekk il-ġurament imur kontra l-prinċipji bażiċi tal-liġi tal-pajjiż rikjest, il-korp ċentrali jkun intitolat jirrifjuta li jaqbel mas-seduta jew jitlob li jintuża t-test tal-ġurament li jintuża fil-liġi Pollakka.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta' kuntatt fil-post tal-vidjokonferenzi li l-qorti li tagħmel it-talba tista' tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli fil-jum tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi u tindirizza xi problemi tekniċi?

Bħala regola, kull qorti timpjega lil xi ħadd biex jopera t-tagħmir tekniku. Jekk ikun hemm xi problemi, jista' jiġi kkuntattjat il-punt ta' kuntatt tan-NĠE Pollakk.

14 X'jiġri jekk ikun hemm bżonn ta' xi informazzjoni addizzjonali mill-qorti li tagħmel it-talba?

B'mod ġenerali, mhi meħtieġa l-ebda informazzjoni addizzjonali ta' dan it-tip skont il-liġi Pollakka. Madankollu, f'ċerti każijiet jaf tkun meħtieġa.

L-aħħar aġġornament: 14/03/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna