

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Ma hemm ebda referenza speċifika fis-sistema ġuridika Taljana u b’mod partikolari, fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Codice di Procedura Civile) għat-teħid ta’ evidenza bil-vidjokonferenza.
Madankollu, il-vidjokonferenza hija fattur tas-sistema ġuridika tagħna.
L-Artikolu 202 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li l-imħallef inkwirenti, meta jkun qed jipprovdi għall-kumpilazzjoni ta' xhieda, jinħtieġ li “jistabbilixxi l-ħin, il-post u l-metodu ta’ kumpilazzjoni tax-xhieda”. F’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1206/2001, il-metodi ta’ kumpilazzjoni tax-xhieda li l-imħallef jista’ juża jinkludi l-vidjokonferenza.
L-Artikolu 261 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li l-imħallef jista’ juża’ materjal iffilmjat li jeżiġi l-użu ta’ mezzi, għodda jew proċeduri mekkaniċi.
Il-vidjokonferenza hija espliċitament prevista fil-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali (Codice di Procedura Penale) (pereżempju l-Artikolu 205c).
B’hekk, fir-rigward tal-proċedura rregolata mill-Artikoli 10 et seq. tar-Regolament, il-limitazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(4), li tikkonsisti f’“inkompatibilità” fis-sistema ġuridika tagħna, tista’ tiġi mwarrba.
L-unika limitazzjoni li tista’ tapplika għal talba ta’ vidjokonferenza tkun li kieku jeżistu diffikultajiet sinifikanti prattiċi.
Fir-rigward tal-metodu tad-diversi metodi ta’ kumpilazzjoni tax-xhieda, ir-regolament tal-UE u l-Kodiċi Taljan tal-Proċedura Ċivili huma applikabbli, kif ukoll il-leġiżlazzjoni korrispondenti ta’ implimentazzjoni.
Fir-rigward tal-proċedura rregolata mill-Artikolu 17, wara li jiġi vverifikat li r-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 5 jkunu ġew issodisfati u wara li tiġi awtorizzata l-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda, l-Istat Membru kkonċernat jinħtieġ li “jinkoraġixxi” l-użu ta’ vidjokonferenza li, sempliċement bħala metodu ta’ kumpilazzjoni tax-xhieda, jinħtieġ li jiġi vverifikat mal-awtorità ġudizzjarja kkonċernata fuq bażi ta’ każ każ.
Għalhekk, ħlief fil-każ ta’ diffikultajiet prattiċi li jqumu meta l-awtorità ġudizzjarja kkonċernata ma tistax tuża’ dan il-mezzi ta’ komunikazzjoni, jista’ ikun hemm il-kumpilazzjoni tax-xhieda kollha bil-vidjokonferenza abbażi ta’ talba leġittima skont l-Artikolu 10 et seq. jew abbażi ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 17.
Il-vidjokonferenza hija għodda utli għall-interrogatorju tax-xhieda u l-partijiet involuti fil-proċedimenti. F’dan ir-rigward, ma hemm ebda problema ta’ kompatibbiltà mal-liġi Taljana li, għall-kuntrarju, tipprevedi għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda, l-interrogazzjoni informali tal-partijiet u l-interrogazzjoni tal-partijiet fuq ġurament.
Fir-rigward tal-interrogazzjoni tal-esperti, il-kawża ewlenija tal-problema dwar l-ammissibbiltà ta’ opinjoni esperta jinħtieġ li tiġi indirizzata, b’mod partikolari f’relazzjoni mal-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda (l-Artikolu 17).
Fil-liġi Taljana, ix-xhieda esperta hija rregolata permezz tal-Artikolu 61 u l-Artikoli 191-201 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. L-esperti ġeneralment ifasslu opinjoni bil-miktub (l-Artikolu 195(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) iżda l-qorti tista’ wkoll titlob kjarifika. Għalhekk, ladarba l-opinjoni tkun ġiet ammessa ma għandu jkun hemm ebda ostakolu għall-interrogatorju tal-esperti bil-vidjokonferenza. Tabilħaqq, il-Kodiċi Taljan tal-Proċedura Ċivili jipprevedi li “meta l-President jidhirlu li huwa xieraq li jistieden l-espert biex ikollu sehem fid-diskussjoni fil-preżenza tal-panel ta’ mħallfin u biex jesprimi l-opinjoni tiegħu f’seduta in camera fil-preżenza tal-partijiet, li jistgħu jiċċaraw u jispjegaw il-każ tagħhom permezz tal-avukat tad-difiża”.
F’termini prattiċi, jidher li l-vidjokonferenza hija għodda effettiva għall-kumpilazzjoni tax-xhieda, l-interrogatorju tax-xhieda wiċċ imb' wiċċ, u l-kumpilazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet mill-partijiet.
Madankollu, ir-regoli ma jittrattawx direttament il-kwistjoni tat-tip jew tan-natura obbligatorja tax-xhieda u l-problemi prattiċi li jistgħu jqumu fir-rigward ta’ parir minn esperti, pereżempju x-xhieda bil-miktub, id-dejta ġenetika jew ix-xhieda bit-telefown.
Il-kumpilazzjoni tax-xhieda ssir ġeneralment fi struttura territorjali ġudizzjarja kompetenti jew f’għassa tal-pulizija tal-Istat Membru kkonċernat, meta kemm it-tagħmir meħtieġ u l-persunal ta’ appoġġ għar-reġistru huma disponibbli. Kif inhuma l-affarijiet illum, madankollu, ma hemm ebda “kronoloġija tal-każ” tal-użu ta’ vidjokonferenza fi proċedimenti ċivili.
Meta tintuża l-vidjokonferenza fi proċedimenti kriminali, wieħed mill-postijiet disponibbli bil-faċilitajiet xierqa li jinsab fid-distrett tal-Qorti tal-Appell tal-awtorità ġudizzjarja kkonċernata jiġi ġeneralment użat (awli tal-qorti, qorti protetta bil-gwardjani tas-sigurtà jew kamra f’bini ta’ ħabs).
Ma hemm ebda ostaklu leġiżlattiv għall-irrekordjar ta’ seduti ta' smigħ, meta dan huwa permess mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ikkonċernat.
Madankollu, għall-kumpilazzjoni tax-xhieda skont l-Artikolu 4 et seq., jiġu applikati l-Artikolu 126 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikolu 46 tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tal-istess Kodiċi dwar l-abbozz tal-irrekordjar tal-proċedimenti.
Dan l-aspett mhuwiex irregolat direttament permezz tar-regoli.
L-Artikolu 5, li jistipula li t-talbiet u l-komunikazzjonijiet jinħtieġ li jiġu mfassla fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat, jista’ jipprovdi indikazzjoni għal lingwa li fiha għandhom jitmexxew is-seduti ta' smigħ.
Fil-każ ta’ talbiet ippreżentati skont l-Artikolu 10 et seq., meta tapplika l-liġi interna s-seduta ta' smigħ trid tinżamm fil-lingwa Taljana.
L-Artikolu 122 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li “matul il-proċess, l-użu tal-lingwa Taljana huwa obbligatorju. Meta persuna li ma titkellimx bit-Taljan għandha tiġi interrogata, l-imħallef jista’ jaħtar interpretu”.
Fil-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 17, madankollu, tapplika l-liġi tal-Istat ikkonċernat. Din id-dispożizzjoni jista’ jkollha wkoll xi konsegwenzi dwar il-lingwa li fiha ssir il-kumpilazzjoni ta’ xhieda. Il-lingwa jinħtieġ li għal darb’oħra tkun dik tal-Istat ikkonċernat. F’dan il-każ, jista’ jkun hemm bżonn ta’ interpreti.
L-awtorità bil-kompetenza li tawtorizza l-kompilazzjoni diretta tax-xhieda tista’ tipprovdi wkoll gwida rigward il-kundizzjonijiet għall-kompilazzjoni tax-xhieda; dawn jistgħu jinkludu l-lingwa li għandha tiġi użata.
Ir-regoli ma jinkludu ebda dispożizzjoni partikolari dawn dan l-aspett.
Fil-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 10 et seq., madankollu, tapplika l-liġi tal-Istat ikkonċernat.
F’kull każ, japplika l-Artikolu 122(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
Il-Kodiċi jipprevedi l-ħatra ta’ interpretu meta persuna li ma titkellimx it-Taljan tiġi interrogata. Il-preżunzjoni, għalhekk, hija li l-lingwa tal-proċess (u tal-imħallef tal-kawża) hija t-Taljan.
L-ispejjeż għat-tariffi tal-interpreti jinħtieġ li jiġu rimborżati u jiġu ddebitati lill-awtorità ġudizzjarja kkonċernata (ara l-Artikolu 18).
Rigward il-proċedura skont l-Artikolu 17, ara l-punt 6. Il-lingwa tas-seduta ta' smigħ jinħtieġ li tkun dik tal-Istat ikkonċernat. Għalhekk, jinħtieġ li ssir referenza għal-liġi tal-Istat ikkonċernat biex jiġi stabbilit min huwa responsabbli għall-ħatra tal-interpretu / interpreti. F’dan il-każ, l-awtorità kompetenti li tawtorizza l-kompilazzjoni tax-xhieda tista’ tistaqsi għal informazzjoni dwar il-ħatra tal-interpretu.
L-Artikolu 250 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li l-uffiċjal tal-qorti, bit-talba tal-parti interessata, jinħtieġ li jinforma lix-xhieda li huma jridu jikkomparixxu f’ċertu post, f’ċerta data u f’ċertu ħin u jinforma bihom lill-imħallef li jkun qed jagħmel il-kompilazzjoni tax-xhieda u l-proċess li fih huma se jiġu interrogati. L-Artikolu 103 tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li x-xhieda jridu jiġu informati tal-inqas sebat ijiem qabel is-seduta ta' smigħ li huma jkunu ġew imħarrka sabiex jikkomparixxu għaliha.
Ir-regoli li jirregolaw l-interrogatarju tax-xhieda huma stipulati fl-Artikoli 244-257a tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u fl-Artikoli 102-108 tad-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tiegħu.
L-ispejjeż ta’ vidjokonferenzi mġarrba skont l-Artikolu 4 (evidenza indiretta), kif previst mill-Artikolu 10(4), huma rimborżati fuq it-talba tal-awtorità li ssirilha t-talba, kif stipulat fl-Artikolu 18(2).
Dan l-obbligu dwar ir-rimborż mhuwiex previst għall-kompilazzjoni diretta ta’ xhieda permezz ta’ vidjokonferenza mill-awtorità barranija, skont l-Artikolu 17.
L-awtorità rikjedenti hija responsabbli sabiex tinforma l-persuna li qed tiġi interrogata li l-evidenza se tinġabar fuq bażi volontarja; skont l-Artikolu 17, din il-kundizzjoni hija waħda mill-fatturi li fuqhom hija bbażata l-awtorizzazzjoni għall-kompilazzjoni diretta ta’ xhieda.
Madankollu, ir-regoli ma jippevedux għal xi obbligu simili minn naħa tal-awtorità ġudizzjarja li ssirilha t-talba.
B’mod ġenerali, l-awtorità rikjedenti li twettaq il-vidjokonferenza hija responsabbli mill-verifika tal-identità tax-xhieda skont l-Artikolu 17. Fil-każ ta’ evidenza indiretta, meta s-seduta ta' smigħ ta’ xhieda hija kkonċernata, il-verifika tal-identità tax-xhieda tkun irregolata mill-Artikolu 252 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li jipprovdi li: “L-imħallef inkwirenti għandu jitlob lix-xhud sabiex igħid ismu, kunjomu, isem missieru, l-età u l-impjieg tiegħu u għandu jistieden lix-xhud sabiex jiddikjara jekk għandux xi relazzjoni familjali […] mal-partijiet, jew interess fil-proċess”. L-identifikazzjoni jkollha lok wara l-għoti tal-ġurament, kif stipulat fl-Artikolu 251 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Fil-prattika, l-imħallef inkwirenti jitlob ukoll ix-xhud għal dokument tal-identità u jordna li d-dettalji jiddaħħlu fir-reġistru tal-proċedimenti.
Fir-rigward tal-partijiet li għandhom jiġu interrogati, jekk ikun involut avukat f’dan il-każ tkun tinħtieġ prokura speċjali.
Fir-rigward tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 17, ma teżisti ebda regola speċifika. Jista’ jkun utli li tiġi rċevuta informazzjoni dwar ir-rilevanza kriminali (għas-sistema legali tal-Istat rikjedenti) tal-isperġur jew omissjoni, li tiddependi fuq il-leġiżlazzjoni tal-Istat rikjedenti li tirregola l-proċedimenti tal-qorti.
Id-Dipartiment Amministrattiv Korrettiv Taljan, li huwa responsabbli mil-link tal-vidjokonferenza, jagħmel kontrolli tal-kompatibbiltà mal-persunal tekniku barrani fil-ġranet li jiġu eżatt qabel il-vidjokonferenza.
Flimkien mar-rikors għal għajnuna legali internazzjonali, l-awtorità ġudizzjarja rikjedenti jinħtieġ ukoll li tipprovdi - jekk għandha dan - informazzjoni teknika dwar is-sistema ta’ vidjokonferenzi użata f’pajjiżhom u l-isem u n-numru tat-telefown ta’ persuna ta’ kuntatt, preferibbilment tekniku speċjalizzat, u l-lingwa li għandha tkun użata matul dawn l-attivitajiet.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.