Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Irlanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-evidenza tinġabar bil-vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta' qorti fl-Istat Membru li jagħmel it-talba jew direttament f'qorti ta' dak l-Istat Membru? Jekk iva, x'inhuma l-proċeduri nazzjonali relevanti jew il-liġijiet li japplikaw?

Huwa possibbli li l-evidenza tinġabar permezz ta’ vidjokonferenza fil-qrati tal-Irlanda jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fi Stat Membru ieħor jew direttament f’qorti ta’ dak l-Istat Membru. Il-proċeduri jinkludu l-High Court Practice Direction (Gwida dwar il-Prattika tal-Qorti Superjuri) “HC45 - Use of video conferencing link for taking evidence in civil cases” (L-użu ta’ kollegament b’vidjokonferenza għall-ġbir ta’ evidenza f’kawżi ċivili).

2 Hemm xi restrizzjonijiet dwar it-tip ta' persuna li tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – per eżempju, huma biss ix-xhieda li jistgħu jiġu eżaminati jew anke esperti jew partijiet oħra?

Ma hemm l-ebda restrizzjoni tat-tip issuġġerit dwar it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata.

3 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta' evidenza li tista' tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Le, ma hemm l-ebda restrizzjoni dwar it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – i.e. trid tkun fil-qorti?

Ma hemm l-ebda restrizzjoni, soġġett għall-kunsens tal-imħallef.

5 Huwa permess li s-seduti tal-vidjokonferenzi jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Fl-Irlanda hemm faċilità għar-reġistrazzjoni ta’ seduti ta’ smigħ b’vidjokonferenza. L-aċċess għal tali reġistrazzjoni għandu jiġi ordnat mill-qorti.

6 B'liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 10 sa 12; u (b) fejn ikun hemm ġbir ta' evidenza taħt l-Artikolu 17?

Is-seduta ta’ smigħ għandha ssir bl-Ingliż jew bl-Irlandiż jekk issir fl-Irlanda. Madankollu, fil-każ li s-seduta ta’ smigħ issir barra mill-Irlanda ma hemm l-ebda restrizzjoni dwar il-lingwa.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min hu responsabbli biex jipprovdihom taħt iż-żewġ tipi ta' smigħ u fejn għandhom ikunu?

Jekk il-qorti tkun fl-Irlanda l-interpretu jiġi pprovdut mill-awtoritajiet tal-qorti fl-Irlanda jekk il-kwistjoni tkun relatata ma’ materja tal-Liġi tal-Familja jew waħda kriminali. F’materji ċivili hija r-responsabbiltà tal-partijiet li jqabbdu interpretu.

Jekk il-qorti rikjedenti ma tifhimx l-Ingliż jew l-Irlandiż hija r-responsabbiltà ta’ dik il-qorti li tipprovdi l-interpretazzjoni tagħha.

Ma hemm l-ebda restrizzjoni dwar fejn għandu jkun jinsab l-interpretu.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin? Kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi ffissata d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

L-arranġamenti kollha jiġu miftiehma bejn iż-żewġ qrati. Huwa rakkomandat li l-link tiġi ttestjata qabel is-seduta ta’ smigħ sabiex jiġi żgurat li taħdem sew.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenzi u kif għandhom jitħallsu?

L-ispejjeż ivarjaw u jiddependu fuq għadd ta’ ċirkostanzi fosthom il-post tal-vidjokonferenza (jiġifieri jekk issirx f’qorti jew f’bini ieħor); il-ħin tas-seduta (jiġifieri jekk issir barra mill-ħinijiet normali tal-qorti l-persunal ikun meħtieġ idum aktar); jekk hemmx bżonn ta’ xi proċeduri speċjali; u jekk jinqalgħux xi spejjeż minħabba l-użu tat-tagħmir. Il-qorti rikjesta għandha tgħarraf lill-qorti rikjedenti dwar l-ispejjeż involuti. Il-ħlas għandu jsir f’Euro.

10 Hemm xi kundizzjonijiet, u jekk iva, liema huma, biex jiġi żgurat li l-persuna eżaminata direttament mill-qorti li tagħmel it-talba tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Hija r-responsabbiltà tal-qorti rikjedenti li tgħarraf lix-xhieda.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li se tiġi eżaminata?

Huwa d-dmir tal-qorti li tivverifika l-identità tal-persuna li qed tiġi eżaminata.

12 Liema kundizzjonijiet japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x'informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti li tagħmel it-talba meta ġurament ikun meħtieġ waqt it-teħid dirett tal-evidenza taħt l-Artikolu 17?

Il-ġurament għandu jittieħed skont il-proċeduri normali għall-qrati fl-Irlanda.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta' kuntatt fil-post tal-vidjokonferenzi li l-qorti li tagħmel it-talba tista' tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli fil-jum tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi u tindirizza xi problemi tekniċi?

Din hija kwistjoni li trid tiġi miftiehma bejn iż-żewġ qrati.

14 X'jiġri jekk ikun hemm bżonn ta' xi informazzjoni addizzjonali mill-qorti li tagħmel it-talba?

Xejn ħlief jekk ikun hemm xi talbiet speċjali (eż. lingwa tas-sinjali, aċċess għal siġġu tar-roti, rekwiżiti reliġjużi speċjali għall-ġurament, eċċ.).

L-aħħar aġġornament: 18/11/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.