Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Ungerija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-evidenza tinġabar bil-vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta' qorti fl-Istat Membru li jagħmel it-talba jew direttament f'qorti ta' dak l-Istat Membru? Jekk iva, x'inhuma l-proċeduri nazzjonali relevanti jew il-liġijiet li japplikaw?

L-Att CXXX tal-2016 dwar il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (‘l-Att CXXX tal-2016’) jipprovdi l-għażla għall-qorti, kemm fuq proposta ta' parti u kemm ex officio, illi tintervista lil parti, lil parteċipanti oħra fil-proċedimenti tal-qorti, lil xhud jew lil espert u - sakemm jagħti l-kunsens tiegħu sid l-oġġett li se jiġi eżaminat- li twettaq spezzjoni permezz ta' netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet. Seduta ta’ smigħ permezz ta’ netwerk tat-telekomunikazzjonijiet elettroniku tista ssir jekk titqies prattika, pereżempju biex tħaffef il-proċedimenti jew meta sedita ta’ smigħ fuq il-post fejn qiegħda ssir il-kawża diffiċli tiġi organizzata jew tqum wisq flus, jew il-protezzjoni tax-xhud hekk tkun teħtieġ.

Ir-regoli dwar l-eżaminazzjoni permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet jinsabu fl-Att CXXX tal-2016 u d-Digriet 19/2017 tal-21 ta’ Diċembru 2017 tal-Ministru għall-Ġustizzju dwar l-użu tan-netwerks elettroniċi tat-telekomunikazzjonijiet waqt seduti u eżaminazzjonijiet f’kawżi ċivili (‘id-Digriet 19/2017 tal-21 ta’ Diċembru tal-Ministru tal-Ġustizzja’).

2 Hemm xi restrizzjonijiet dwar it-tip ta' persuna li tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – per eżempju, huma biss ix-xhieda li jistgħu jiġu eżaminati jew anke esperti jew partijiet oħra?

Mhemmx restrizzjonijiet fir-rigward tal-persuni li jistgħu jiġu eżaminati permezz ta' netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet. Dan il-metodu jista' jintuża għall-eżaminazzjoni tal-partijiet u l-parteċipanti l-oħra fil-proċedimenti tal-qorti, kif ukoll għax-xhieda, l-esperti u s-sidien tal-oġġetti soġġetti għall-ispezzjoni.

3 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta' evidenza li tista' tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Seduta ta’ smigħ, eżaminazzjoni jew spezzjoni bl-użu ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet jistgħu jintużaw biex jiġu eżaminati l-partijiet, ix-xhieda u l-esperti, jew biex titwettaq spezzjoni.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – i.e. trid tkun fil-qorti?

L-eżaminazzjonijiet permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet jistgħu jsiru fil-qorti jew għand korp ieħor, fi kmamar separati mgħammra għall-vidjokonferenzi, sakemm ikun hemm il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-operat ta’ network elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet.

5 Huwa permess li s-seduti tal-vidjokonferenzi jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Skont l-Att CXXX tal-2016, il-qorti tista’ tordna fl-istadju tal-proċess - fuq talba ta’ waħda mill-partijiet jew ex officio - illi l-minuti tas-seduti ta’ smigħ, l-eżaminazzjonijiet jew l-ispezzjonijiet imwettqa permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet jiġu mħejjija permezz ta’ rekordings kontinwi u simultanji bil-vidjo u l-awdjo.

Jekk il-minuti ma jittieħdux b’dan il-mod, l-imħallef li jkun qiegħed jisma l-kawża jista jordna r-rekording bil-vidjo u l-awdjo tas-seduti fil-post fejn qiegħdin iseħħu u f’bini separat matul l-eżaminazzjoni jew l-ispezzjoni permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet.

6 B'liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 10 sa 12; u (b) fejn ikun hemm ġbir ta' evidenza taħt l-Artikolu 17?

F’każ ta’ talbiet magħmula skont l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, id-dispożizzjonijiet tal-Att CXXX tal-2016 għandhom jiġu applikati skont l-Artikolu 10(2). Skont l-Att CXXX tal-2016, il-proċedimenti tal-qorti jsiru bl-Ungeriż, iżda ħadd ma jista jitqiegħed f'sitwazzjoni żvantaġġata minħabba li ma jkunx jifhem bil-lingwa Ungeriża. Matul il-proċedimenti tal-qorti, kulħadd għandu dritt juża l-lingwa materna jew lingwa minoritarja jew reġjonali tiegħu, kif previst fil-ftehimiet internazzjonali. Fejn ikun meħtieġ, il-qorti għandha l-obbligu tqabbad interpretu.

Fil-każ tat-talbiet magħmula skont l-Artikolu 17, is-seduta ta' smigħ issir mill-qorti rikjedenti skont l-Artikolu 17(6) u skont il-liġijiet ta' dak l-Istat Membru.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min hu responsabbli biex jipprovdihom taħt iż-żewġ tipi ta' smigħ u fejn għandhom ikunu?

Fil-każ tat-talbiet magħmula skont l-Artikoli 10 sa 12, jekk ikun meħtieġ sabiex tintuża l-lingwa materna, reġjonali jew minoritarja, l-qorti għandha l-obbligu tqabbad interpretu.

L-Att CXXX tal-2016 ma fihx dispożizzjonijiet dwar fejn għandu jkun l-interpretu f'każ ta' seduta ta’ smigħ permezz ta' netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet. Madankollu huwa jiżgura li l-interpreti jkunu preżenti fil-kmamar imħejjija għal dawn it-tip ta’ seduti. Skont id-Digriet 19/2017 tal-21 ta’ Diċembru 2017 tal-Ministru għall-Ġustizzja, l-interpretu jrid jissemma fuq ir-rekording trażmess.

Fil-każ tat-talbiet magħmula skont l-Artikolu 17, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17(4) u (6).

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin? Kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi ffissata d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

L-ordni għal seduta ta’ smigħ permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet tiġi nnotifikata lill-persuni mħarrka flimkien mat-taħrika għas-seduta, eżaminazzjoni jew spezzjoni. L-ordni għal seduta ta’ smigħ permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet tintbagħat mill-qorti mingħajr dewmien lill-qorti jew korp ieħor li jkunu qiegħdin jipprovdu l-faċilitajiet iddedikati għas-seduta permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet.

L-Att CXXX tal-2016 ma għandux dispożizzjoni speċjali dwar it-taħrika għal seduta ta’ smigħ permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet. It-taħrika għas-seduta ta' smigħ trid tintbagħat bil-quddiem sabiex ikun hemm ħin għall-irċevuta li tikkonferma li ġiet notifikata skont il-liġi u biex tiġi ritornata lill-qorti qabel is-seduta.

L-ewwel seduta trid tiġi ppjanata sabiex jiġi żgurat li t-taħrika tiġi nnotifikata lill-partijiet, bħala regola ġenerali, tal-inqas ħmistax qabel id-data tas-seduta. Il-qorti tista' tqassar dan il-perjodu f'każijiet urġenti.

Fil-każ tat-talbiet magħmula skont l-Artikolu 17, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17(4) u (6).

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenzi u kif għandhom jitħallsu?

L-ispejjeż ivarjaw, u jridu jitħallsu mill-qorti rikjedenti.

10 Hemm xi kundizzjonijiet, u jekk iva, liema huma, biex jiġi żgurat li l-persuna eżaminata direttament mill-qorti li tagħmel it-talba tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Skont l-Artikolu 17(2), il-qorti rikjedenti trid tinforma lill-persuna konċernata illi s-seduta ta' smigħ mhix obbligatorja.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li se tiġi eżaminata?

L-identità tal-persuna li se tiġi eżaminata permezz ta' netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet tiġi vverfikata abbażi ta' dan li ġej:

- l-informazzjoni mogħtija mill-persuna konċernata sabiex jiġu vverifikati l-identità u l-indirizz tagħha;

- il-preżentazzjoni permezz ta’ tagħmir tekniku speċifikat mil-liġi tad-dokument uffiċjali tal-identità jew ta’ residenza tagħha.

Jekk il-qorti todna li jsir trattament kunfidenzjali tad-data ta’ xhud, għandu jiġi żgurat matul il-preżentazzjoni tad-dokument uffiċjali tal-identità jew residenza permezz tat-tagħmir tekniku speċifikat mil-liġi illi l-imħallef tas-seduta biss jista’ jarahom (jew ir-reġistratur, meta l-ispezzjoni jew is-seduta ta’ smigħ isiru mir-reġistratur).

Il-qorti tuża wkoll mezzi elettroniċi jew mistoqsijiet diretti f'bażi tad-data biex tikkonferma li:

- l-informazzjoni mogħtija mill-persuna konċernata li se tiġi eżaminata permezz ta' netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet sabiex jiġu vverifikati l-identità u l-indirizz tagħha jaqblu mar-rekords; u

- id-dokument uffiċjali tal-identità jew ta’ residenza ppreżentati mill-persuna bħala prova tal-identità huma validi u jaqblu mar-rekords.

12 Liema kundizzjonijiet japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x'informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti li tagħmel it-talba meta ġurament ikun meħtieġ waqt it-teħid dirett tal-evidenza taħt l-Artikolu 17?

L-Att CXXX tal-2016 ma jipprovdix għall-għoti tal-ġurament waqt il-proċedimenti tal-qorti.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta' kuntatt fil-post tal-vidjokonferenzi li l-qorti li tagħmel it-talba tista' tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli fil-jum tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi u tindirizza xi problemi tekniċi?

L-Att CXXX tal-2016 jipprovdi għall-preżenza ta' persuna responsabbli għat-tħaddim u l-operat tat-tagħmir tekniku meħtieġ għas-seduti ta’ smigħ permezz ta' netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet fil-faċilitajiet għal dan il-għan.

L-operatur irid jiżgura li t-tagħmir tekniku għas-seduta jaħdem qabel tibda s-sedutta. Jekk ikun hemm xi ostakolu għall-operat normali tat-tagħmir tekniku, l-operatur jirrapporta l-problema lill-imħallef preżenti fejn se ssir is-seduta ta’ smigħ mingħajr dewmien u jara li l-problema tissolva. Il-problema teknika u l-miżuri meħuda mbagħad jitniżżlu bil-miktub u jingħataw lill-maniġer ta’ fuq l-operatur. Is-seduta permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet ma tistax tibda jew tkompli sakemm tiġi solvuta l-problema. Il-pass proċedurali li jkun qiegħed iseħħ meta tinqala l-problema jew il-funzjonament ħażin tat-tagħmir tekniku użat għas-seduta permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet irid jiġi ripetut fejn meħtieġ.

14 X'jiġri jekk ikun hemm bżonn ta' xi informazzjoni addizzjonali mill-qorti li tagħmel it-talba?

Ġeneralment, l-ebda informazzjoni oħra mhi meħtieġa.

L-aħħar aġġornament: 26/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna