Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-evidenza tinġabar bil-vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta' qorti fl-Istat Membru li jagħmel it-talba jew direttament f'qorti ta' dak l-Istat Membru? Jekk iva, x'inhuma l-proċeduri nazzjonali relevanti jew il-liġijiet li japplikaw?

Il-kumpilazzjoni tal-provi bil-vidjokonferenza hija permessa fil-proċedimenti ċivili fil-Ġermanja skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 128a(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (ZPO - Zivilprozessordnung) bil-ftehim tal-partijiet. L-eżami jrid jiġi trażmess b'mod simultanju bil-vidjo u l-awdjo lejn il-post fejn qiegħed ix-xhud jew l-espert matul l-eżami u fl-awla tal-qorti. Meta l-partijiet, ir-rappreżentanti legali jew il-konsulenti jkunu ġew awtorizzati jkunu f'post ieħor, l-eżami jrid jiġi trażmess simultanjament bil-vidjo u l-awdjo fejn ikunu qegħdin. Għall-eżamijiet bil-vidjo minn qorti Ġermaniża abbażi tar-rikjesta minn barra skont ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001 (assistenza ġudizzjarja "attiva"), l-Artikolu 128a taz-ZPO jista' jkun jiġi applikat b'ċerti modifiki, għaliex il-qorti li qed tikkumpila l-provi mhix l-istess qorti li qed tisma' l-kawża, li hija interessata fl-impressjoni mogħtija direttament. Meta l-qorti rikjedenti titlob illi tiġbor il-provi direttament skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (assistenza ġudizzarja "passiva"), fil-prinċipju it-talbiet kollha għall-kumpilazzjoni diretta tal-provi bl-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni għandhom jintlaqgħu, u hija possibbli wkoll il-kumpilazzjoni tal-provi lil hinn mill-Artikolu 128a taz-ZPO. Ir-rikjesti jistgħu jiġu rifjutati biss għar-raġunijiet imniżżla fl-Artikolu 17(5). Madankollu, il-korp ċentrali jista' jistabbilixxi kundizzjonijiet għall-kumpilazzjoni diretta tal-provi skont il-liġi Ġermaniża.

2 Hemm xi restrizzjonijiet dwar it-tip ta' persuna li tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – per eżempju, huma biss ix-xhieda li jistgħu jiġu eżaminati jew anke esperti jew partijiet oħra?

Ix-xhieda, l-esperti u l-partijiet jistgħu jiġu eżaminati bil-vidjokonferenza (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 128a(2) ZPO).

3 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta' evidenza li tista' tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Skont il-liġi proċedurali Ġermaniża, il-provi jistgħu jiġu miġbura bl-eżaminazzjoni tax-xhieda, esperti u partijiet bit-teknoloġija tal-vidjokonferenza (l-Artikolu 128a(2) taz-ZPO). Il-kumpilazzjoni ta' provi oħra (dokumenti u spezzjoni viżwali) bil-vidjokonferenza mhix permessa b'mod speċifiku.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – i.e. trid tkun fil-qorti?

Il-liġi ma tispeċifikax fejn trid tkun il-persuna li se tiġi eżaminata. Madankollu, skont il-liġi proċedurali tal-Ġermanja l-post minn fejn issir it-trażmissjoni lejn l-awla tal-qorti jrid ikun fil-Ġermanja.

5 Huwa permess li s-seduti tal-vidjokonferenzi jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 128a(3) ZPO ma tipprevedix l-irrekordjar tas-seduti bil-vidjokonferenza. Madanakollu, jista' jsir rekording tal-provi miġbura bl-assistenza ġudizzjarja bil-kumpilazzjoni tal-provi diretta skont l-Artikolu 17 tar-Regolament.

6 B'liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 10 sa 12; u (b) fejn ikun hemm ġbir ta' evidenza taħt l-Artikolu 17?

a) Għal talbiet skont l-Artikoli 10 u 12 is-seduta trid issir bil-Ġermaniż. Fejn il-proċedimenti jinvolvu nies li ma jifhmux bil-Ġermaniż, jeħtieġ interpretu. Is-servizzi ta' interpretu ma jinħtiġux meta l-persuni kollha involuti jkollhom ħakma tajba tal-lingwa barranija konċernata.

b) F'każ ta' assistenza ġudizzjarja bil-kumpilazzjoni diretta tal-provi, il-qorti rikjedenti tagħżel il-lingwa tal-eżaminazzjoni. Madankollu, l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 17(4) tista' tintuża mill-korp ċentrali biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kumpilazzjoni diretta tal-provi bħal-lingwa tas-seduta jew tal-eżaminazzjoni.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min hu responsabbli biex jipprovdihom taħt iż-żewġ tipi ta' smigħ u fejn għandhom ikunu?

F'każ ta' assistenza ġudizzjarja "attiva", il-qorti Ġermaniża li tkun qed tagħti l-assistenza hija responsabbli mit-tmexxija tal-proċedimenti u l-kumpilazzjoni tal-provi. Jinħtieġ interpretu għall-kumpilazzjoni tal-provi mill-qrati Ġermaniżi anke meta persuna waħda biss minn dawk involuti ma tkunx tifhem bil-Ġermaniż. Il-fatt jekk dik il-persuna għandhiex l-għarfien rikjest fil-Ġermaniż irid jiġi vverifikat mill-qorti irrispettivament mill-partijiet. Il-qorti hija ħielsa li tagħżel l-interpretu. Fil-każ ta' kumpilazzjoni tal-provi "passiva" skont l-Artikolu 17, il-bżonn ta' interpreti u liema interpreti għandhom jintgħażlu hija deċiżjoni tal-qorti rikjedenti. Skont l-Artikolu 17(4) il-korp ċentrali jista' jagħti l-awtorizzazzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet: tista' pereżempju teħtieġ l-użu ta' interpreti. Bħala parti minn dawk il-kundizzjonijiet, il-korp ċentrali jista' jordna wkoll illi l-provi jiġu kkumpilati l-Ġermanja.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin? Kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi ffissata d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

Fil-każ ta' assistenza ġudizzjarja attiva, ix-xhieda u l-esperti jiġu msejħa b'mod informali mill-uffiċċju amministrattiv tal-qorti rikjedenti sakemm il-qorti rikjesta ma tiddeċidix illi għandha ssir notifika formali. Fejn il-qorti tordna illi l-eżami għandu jsir bil-vidjokonferenza, il-persuni b'testimonjanza li se tiġi trażmessa jridu jiġu mħarrka biex jidhru fil-post minn fejn tkun ser issir it-trażmissjoni. It-taħrika trid tispeċifika l-partijiet, is-suġġett tal-eżaminazzjoni, id-data tal-eżami u l-konsegwenzi f'każ li ma jidhrux. It-taħrika trid tinkludi d-dettalji preċiżi tal-post u l-ħin għall-eżaminazzjoni. Mhux stabbilit perjodu speċifiku ta' avviż bil-quddiem.

Meta l-provi jridu jinġabru direttament mill-qorti rikjedenti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament, il-persuna li tkun se tiġi eżaminata trid tiġi infurmata dwar il-ħin u l-post fejn ikun se jsir l-eżami mill-qorti rikjedenti. Il-post u l-ħin ġeneralment jiddependu mis-sitwazzjoni fil-qrati Ġermaniżi (fejn tinsab is-sistema u meta tista' tiġi użata). Il-post u l-ħin tal-eżaminazzjoni għalhekk huma marbuta mill-qrib mal-awtorizzazzjoni mill-korp ċentrali. Fil-prinċipju ma hemmx skadenza fissa; madankollu wieħed għandu jżomm f'moħħu illi l-konsenji internazzjonali bil-posta jdumu aktar.

Ma hemmx dispożizzjoni għal proċedura speċjali marbuta mal-ippjanar tal-vidjokonferenza nnifisha. Fil-prattika, il-korp ċentrali ta' spiss jinnomina persuna ta' kuntatt fil-qorti fejn se ssir il-vidjokonferenza. Din il-persuna tkun tista' mbagħad twieġeb għal domandi prattiċi.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenzi u kif għandhom jitħallsu?

L-użu tat-teknoloġija ta' vidjokonferenza jfisser spejjeż għax-xiri, manteniment u operat tal-faċilitajiet. Dawn l-ispejjeż ma jistgħux jitħallsu minn dawk involuti fil-proċedimenti ċivili. Hemm ukoll l-ispejjeż tat-tariffi tat-telekomunikazzjonijiet. Il-qorti rikjedenti tista' titlob ir-rimborż tat-tariffi ta' telekomunikazzjoni skont l-Artikolu 10(4) flimkien mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament.

10 Hemm xi kundizzjonijiet, u jekk iva, liema huma, biex jiġi żgurat li l-persuna eżaminata direttament mill-qorti li tagħmel it-talba tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament dwar l-Assistenza Ġudizzjarja fil-Kawżi Ċivili (ZRHO- Rechtshilfeordnung für Zivilsachen) il-qorti rikjedenti trid tinforma lill-persuna li se tiġi eżaminata illi din issir fuq bażi volontarja.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li se tiġi eżaminata?

Fejn ikun hemm dubji dwar l-identità tal-persuna li tkun se tiġi eżaminata, il-qorti għandha l-obbligu tivverifikaha f'kull stadju tal-proċedimenti.

12 Liema kundizzjonijiet japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x'informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti li tagħmel it-talba meta ġurament ikun meħtieġ waqt it-teħid dirett tal-evidenza taħt l-Artikolu 17?

Meta qorti Ġermaniża trid tiġbor il-provi għall-qorti rikjedenti bil-vidjokonferenza u għalhekk anke l-għoti tal-ġurament, dawn isiru skont ir-regoli proċedurali tal-qorti rikjedenti. Minħabba li l-kooperazzjoni tal-persuna li qed tagħti informazzjoni fil-kumpilazzjoni diretta tal-provi u għalhekk il-kooperazzjoni tagħha fl-għoti ta' ġurament hija volontarja (u għalhekk il-persuna trid tiġi avżata formalment), mhux possibbli għall-Istat rikjest li jistabbilixxi aktar rekwiżiti għall-għoti tal-ġurament. Madankollu, il-korp ċentrali għandu f'kull każ jara li jkun hemm konformità mal-projbizzjoni mill-għoti tat-testimonjanza jew mill-eżaminazzjoni li l-persuna li trid tagħti informazzjoni ma għandhiex dritt tirrinunzja għaliha (skont il-liġi Ġermaniża). Eżempji ta' dan huma l-projbizzjonijiet mill-eżaminazzjoni tal-impjegati taċ-ċivil Ġermaniżi mingħajr il-kunsens minn qabel tal-awtorità fejn jaħdmu, jew l-eżaminazzjoni tat-tobba mingħajr ma jkunu ħielsa mill-obbligu tal-kunfidenzjalità tagħhom.

Il-kwistjoni dwar jekk hux possibbli jittieħed il-ġurament u liema informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti tiġi deċiża mill-korp ċentrali rilevanti. Fid-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni, il-korp ċentrali jrid jassigura illi kull projbizzjoni fuq l-għoti ta' testimonjanza imposta fuq il-persuna li trid tagħti informazzjoni ma tiġix evitata. Għal dik ir-raġuni, il-korp ċentrali jista' pereżempju jivverifika ċ-ċirkostanzi li fihom il-persuna li qed tagħti l-informazzjoni allegatament kisbet din l-informazzjoni. Il-liġi Ġermaniża pereżempju tissoġġetta t-testimonjanza tal-impjegati fiċ-ċivil Ġermaniżi għall-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità fejn jaħdmu.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta' kuntatt fil-post tal-vidjokonferenzi li l-qorti li tagħmel it-talba tista' tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli fil-jum tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi u tindirizza xi problemi tekniċi?

Is-sistema ġudizzjarja hija organizzata federalment u hija r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-Land rilevanti. Dan ifisser illi ma hemmx regoli standard fuq din il-kwistjoni fuq livell nazzjonali u l-proċedura ta' kumpilazzjoni tal-provi titmexxa u tiġi implimentata mill-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-Land rilevanti. Għalhekk il-proċeduri jvarjaw b'mod konsiderevoli bejn il-Lander. Fil-prattika, ir-regoli proċedurali jitfasslu mill-Qorti Reġjonali Superjuri li l-qorti rikjedenti tinsab taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.

14 X'jiġri jekk ikun hemm bżonn ta' xi informazzjoni addizzjonali mill-qorti li tagħmel it-talba?

It-talbiet għall-kumpilazzjoni tal-provi ġejjin minn barra u l-komunikazzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001 jridu jsiru bil-Ġermaniż jew ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni għall-Ġermaniż (Artikolu 1075 ZPO).

L-aħħar aġġornament: 01/06/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna