Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna iċ-Ċek ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Repubblika Ċeka
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-evidenza tinġabar bil-vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta' qorti fl-Istat Membru li jagħmel it-talba jew direttament f'qorti ta' dak l-Istat Membru? Jekk iva, x'inhuma l-proċeduri nazzjonali relevanti jew il-liġijiet li japplikaw?

Il-proċedura hija regolata kemm mill-Att Nru 99/1963 (il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, kif emendat) kif ukoll - primarjament - mill-Istruzzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja Nru 505/2001 li joħroġ regoli interni u tal-uffiċċju għall-qrati distrettwali, reġjonali u supremi.

Skont l-Artikolu 10a tal-Istruzzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja Nru 505/2001, il-president tal-bord ta' mħallfin (imħallef uniku) jista' juża t-tagħmir tekniku għat-trażmissjoni bil-vidjow jew bl-awdjo ("vidjofown") sabiex jisma' lil xhud jew espert jekk dan ikun xieraq għall-fini ta' protezzjoni tad-drittijiet jew l-assigurazzjoni tas-sigurtà tal-persuni jew ikun meħtieġ minħabba s-sigurtà jew raġunijiet importanti oħra, u jekk ikun teknikament possibbli.

2 Hemm xi restrizzjonijiet dwar it-tip ta' persuna li tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – per eżempju, huma biss ix-xhieda li jistgħu jiġu eżaminati jew anke esperti jew partijiet oħra?

Skont l-Artikolu 11a tal-Istruzzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja Nru 505/2001, l-esperti u x-xhieda jistgħu jiġu mismugħa bil-vidjofown.

3 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta' evidenza li tista' tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Il-vidjofown jista' jintuża biss għas-smigħ tax-xhieda u l-esperti.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – i.e. trid tkun fil-qorti?

Jekk il-president ta' bord ta' mħallfin (imħallef uniku) jaqbel illi jisma' xhud jew espert bil-vidjofown, il-post fejn għandhom imorru x-xhud jew espert għas-seduta jkun indikat fiċ-ċitazzjoni. Fi kliem ieħor, jista' jintuża bini ieħor li jkun adattat għal seduta ta' smigħ (pereżempju il-post fejn ikunu preżenti x-xhud u l-esperti, pereżempju sptar jew laboratorju).

5 Huwa permess li s-seduti tal-vidjokonferenzi jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Tiġi rekordjata l-parti essenzjali mix-xhieda tax-xhud. Xi partijiet ikollhom jiġu rekordjati kelma b'kelma. Metodi alternattivi oħra huma li x-xhieda kollha tiġi rekordjata minn uffiċjal jew li jinkiseb rekording awdjo jew awdjo bil-vidjow jekk ikum hemm dispożizzjoni legali għal dan il-għan jew jekk il-president ta' bord ta' mħallfin (imħallef uniku) jiddeċiedi illi jistgħu jintużaw dawn il-metodi.

6 B'liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 10 sa 12; u (b) fejn ikun hemm ġbir ta' evidenza taħt l-Artikolu 17?

Jekk ix-xhud ma jifhimx bil-lingwa użata fis-seduta, għandu dritt għal interpretu skont l-Artikolu 37(4) tal-Att Kostituzzjonali Nru 2/1993 (il-Karta tad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali). Skont l-Artikolu 18(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, il-qorti taħtar interpretu għal parti li ma jkollhiex il-lingwa Ċeka bħala lingwa materna malli dan il-bżonn ikun ċar mill-andament tal-proċedimenti.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min hu responsabbli biex jipprovdihom taħt iż-żewġ tipi ta' smigħ u fejn għandhom ikunu?

Skont l-Artikolu 18(1) u (2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, qorti trid tagħti lill-partijiet l-istess opportunitajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u taħtar interpretu għal kull parti li ma jkollhiex il-lingwa Ċeka bħala l-lingwa materna malli jkun jidher ċar waqt il-proċedimenti.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin? Kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi ffissata d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

Meta tinnotifika persuna biċ-ċitazzjoni, il-qorti tipproċedi skont l-Artikolu 51 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili. Sakemm xi liġi jew regolament speċjali ma jistipulax rekwiżiti oħra għaċ-ċitazzjoni, hija għandu jkollha l-informazzjoni li ġejja: il-kawża li għaliha trid tidher il-persuna mħarrka, is-suġġett, il-post u fi xħin se tibda l-kawża, ir-raġunijiet għaċ-ċitazzjoni, l-istatus tal-persuna mħarrka fil-proċedimenti, l-obbligi tal-persuna mħarrka matul il-kawża u, fejn xieraq, id-dewmien mistenni ta' dik il-kawża. Ċitazzjoni tista' tiġi nnotifikata bil-miktub jew b'mod elettroniku u, f'każijiet urġenti, bit-telefown jew faks. Jekk is-seduta ta' smigħ ta' xhud jew espert se sseħħ bil-vidjofown u l-persuna li trid tinstema' trid tidher għas-seduta fid-distrett ta' qorti oħra, il-qorti tad-distrett fejn trid tidher il-persuna mħarrka għas-seduta tinnotifika ċ-ċitazzjoni u l-qorti rikjedenti ssaqsi lill-qorti l-oħra biex tikkoopera fit-twettiq ta' dan l-att (ittra ta' rikjesta). Skont l-Artikolu 115(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, iċ-ċitazzjoni trid tiġi notifikata lill-partijiet b'mod illi jkollhom biżżejjed ħin biex jippreparaw (normalment mill-inqas 10 ijiem qabel id-data tas-seduta) sakemm ma jkunx hemm seduta preliminari.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenzi u kif għandhom jitħallsu?

L-użu tal-vidjokonferenzi jġib miegħu l-ispejjeż għat-trażmissjoni. It-trażmissjoni tal-informazzjoni għandha titħallas mill-qorti rikjedenti li bdiet il-vidjokonferenza.

10 Hemm xi kundizzjonijiet, u jekk iva, liema huma, biex jiġi żgurat li l-persuna eżaminata direttament mill-qorti li tagħmel it-talba tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Skont l-Artikolu 126(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, kull persuna fiżika li mhux parti fil-proċedimenti trid tidher il-qorti meta tiġi msejħa u tagħti x-xhieda tagħha bħala xhud. Persuna tista' tirrifjuta li tagħti x-xhieda tagħha biss f'każ illi jekk tixhed tkun tesponi ruħha għar-riskju ta' prosekuzzjoni kriminali. Qabel ma tibda s-seduta, ix-xhieda jiġu infurmati dejjem bl-importanza tat-testimonjanza tagħhom, bid-drittijiet u l-obbligi tagħhom u bil-konsegwenzi kriminali f'każ ta' xhieda falza.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li se tiġi eżaminata?

Fil-bidu tas-seduta, il-qorti hija mitluba skont l-Artikolu 126(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili tivverifika l-identità tax-xhud. Dan isir normalment billi jintalbu l-karta tal-identità jew il-passaport tax-xhud.

12 Liema kundizzjonijiet japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x'informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti li tagħmel it-talba meta ġurament ikun meħtieġ waqt it-teħid dirett tal-evidenza taħt l-Artikolu 17?

Skont l-Artikolu 104(1) tal-Att Nru 91/2012 dwar id-dritt internazzjonali privat, ix-xhieda, l-esperti u l-partijiet jistgħu - jekk hekk titlob awtorità f'pajjiż ieħor - jinstemgħu bil-ġurament. Għax-xhieda u l-partijiet fil-proċedimenti, il-ġurament jgħid hekk: "Naħlef fuq l-unur tiegħi illi nwieġeb għal kull mistoqsija li ssirli mill-qorti bis-sħiħ, ngħid il-verità u ma nżommx informazzjoni għalija". Għall-esperti, il-ġurament jgħid hekk: "Naħlef fuq l-unur tiegħi illi l-opinjoni li jiena nagħti tkun skont l-aħjar għarfien u twemmin tiegħi". Jekk ikun hemm ġurament sussegwenti, it-test tal-ġurament jiġi modifikat kif xieraq.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta' kuntatt fil-post tal-vidjokonferenzi li l-qorti li tagħmel it-talba tista' tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli fil-jum tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi u tindirizza xi problemi tekniċi?

Fit-tħejjija għal vidjokonferenza jiġu miftiehma arranġamenti speċifiċi li jkunu bbażati fuq il-bżonnijiet tal-qrati rikjesti u rikjedenti.

14 X'jiġri jekk ikun hemm bżonn ta' xi informazzjoni addizzjonali mill-qorti li tagħmel it-talba?

Fit-tħejjija għal vidjokonferenza jiġu miftiehma arranġamenti speċifiċi li jkunu bbażati fuq il-bżonnijiet tal-qrati rikjesti u rikjedenti.

L-aħħar aġġornament: 28/02/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna