Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-evidenza tinġabar bil-vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta' qorti fl-Istat Membru li jagħmel it-talba jew direttament f'qorti ta' dak l-Istat Membru? Jekk iva, x'inhuma l-proċeduri nazzjonali relevanti jew il-liġijiet li japplikaw?

Iż-żewġ tipi ta' smigħ ta' xhieda huma possibbli u permessi fl-Awstrija. Il-liġi dwar il-proċedura ċivili Awstrijaka hija rregolata mill-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (ZPO – Zivilprozessordnung) għall-proċedimenti kontenzjużi u l-Att dwar il-Proċedimenti Mhux Kontenzjużi (AußStrG – Außerstreitgesetz) għall-proċedimenti mhux kontenzjużi. Id-dispożizzjonijiet relatati mas-smigħ tax-xhieda jinstabu fiz-ZPO (l-Artikoli 266 sa 389), u l-AußStrG (l-Artikoli 16, 20 u 31 sa 35, b'referenza parzjali għaz-ZPO) kif ukoll fid-dispożizzjonijiet individwali li jirregolaw it-tipi speċifiċi ta' proċedimenti, bħall-Artikolu 85 dwar id-dmir tal-parteċipazzjoni fi proċedimenti dwar il-paternità. Il-proċeduri nazzjonali rilevanti u n-normi ġuridiċi huma deskritti fid-dettall fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet li ġejjin u fl-iskeda informattiva "Smigħ ta' Xhieda – L-Awstrija".

2 Hemm xi restrizzjonijiet dwar it-tip ta' persuna li tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – per eżempju, huma biss ix-xhieda li jistgħu jiġu eżaminati jew anke esperti jew partijiet oħra?

Skont l-Artikolu 277 taz-ZPO (proċedimenti kontenzjużi) u l-Artikolu 35 tal-AußStrG flimkien mal-Artikolu 277 taz-ZPO (proċedimenti mhux kontenzjużi), il-vidjokonferenzi jistgħu jintużaw għas-smigħ ta' xhieda u għalhekk ukoll għall-eżami tal-partijiet u x-xhieda u għat-testimonjanza ta' periti.

3 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta' evidenza li tista' tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Skont l-Artikolu 277 taz-ZPO (proċedimenti kontenzjużi) u l-Artikolu 35 tal-AußStrG flimkien mal-Artikolu 277 taz-ZPO (proċedimenti mhux kontenzjużi), il-vidjokonferenzi jistgħu jintużaw għas-smigħ ta' xhieda. Madankollu, impedimenti fattwali jistgħu jipprekluduhom, pereżempju meta jkunu jridu jintużaw ċertifikati jew spezzjoni viżiva waqt is-smigħ tax-xhieda.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – i.e. trid tkun fil-qorti?

Kull persuna tista' tiġi mħarrka fil-qorti lokali tagħha u eżaminati hemmhekk b'vidjokonferenza. Il-qrati, l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku u l-ħabsijiet kollha fl-Awstrija huma mgħammra b'tal-inqas sistema waħda ta' vidjokonferenzi. Ma hemm l-ebda regola fil-liġi Awstrijaka li tgħid li vidjokonferenza għas-smigħ tax-xhieda tista' ssir biss f'binjiet tal-qorti.

5 Huwa permess li s-seduti tal-vidjokonferenzi jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

F'materji ċivili ma hemm l-ebda dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-Liġi Awstrijaka għar-reġistrazzjoni tal-eżamijiet b'vidjokonferenza. Għalhekk jinħtieġ il-qbil tal-persuni kollha involuti fil-vidjokonferenza. Dan japplika għas-smigħ indirett tax-xhieda, li, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali ("ir-Regolament"), irid isir skont il-liġi tal-Istat rikjest.

Talba għas-smigħ dirett tax-xhieda, madankollu, issir skont il-liġi tal-Istat rikjedenti (l-Artikolu 17(6) tar-Regolament). Jekk il-liġi tkun tipprevedi r-reġistrazzjoni ta' vidjokonferenzi mingħajr il-qbil tal-persuni kkonċernati, dan ikun ammissibbli min-naħa tal-Awstrija.

Fil-prinċipju, l-eżamijiet b'vidjokonferenza jistgħu jiġu rreġistrati fuq is-sistemi kollha ta' vidjokonferenzi. F'postijiet fejn il-proċedimenti tal-qorti jkunu ġeneralment irreġistrati (f'ħafna qrati kriminali) it-tagħmir tekniku eżistenti jistgħu jintuża għar-reġistrazzjoni tal-eżami b'vidjokonferenza. L-eżami jista' jiġi rreġistrat fil-postijiet l-oħra kollha sempliċement billi jiġi installat medium ta’ memorja rilevanti.

6 B'liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 10 sa 12; u (b) fejn ikun hemm ġbir ta' evidenza taħt l-Artikolu 17?

(a) Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament, ix-xhieda trid tinstema' skont il-liġi tal-Istat rikjest. Għalhekk l-eżami jrid isir bil-Ġermaniż (f'xi qrati Awstrijaċi il-Kroat, is-Sloven u l-Ungeriż huma permessi wkoll). Il-qorti rikjedenti tista' titlob li tuża l-lingwa uffiċjali tagħha (jew kwalunkwe lingwa oħra) bħala parti minn proċedura speċjali għall-eżekuzzjoni tat-talba tagħha għas-smigħ tax-xhieda. Madankollu, il-qorti rikjesta tista' tiċħad din it-talba jekk ma jkunx possibbli minħabba diffikultajiet prattiċi maġġuri (l-Artikolu 10(3) tar-Regolament).

(b) Skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament, il-qorti rikjedenti trid tagħmel is-smigħ dirett tax-xhieda b'konformità mal-liġi tal-Istat Membru tagħha, u b'hekk f'waħda mil-lingwi uffiċjali permessi. Madankollu, bħala l-Istat Membru rikjest, l-Awstrija hija intitolata, skont l-Artikolu 17(4) li teħtieġ l-użu tal-lingwa tagħha bħala kundizzjoni għas-smigħ tax-xhieda.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min hu responsabbli biex jipprovdihom taħt iż-żewġ tipi ta' smigħ u fejn għandhom ikunu?

Fir-rigward tas-smigħ indirett tax-xhieda, irrispettivament minn kull rimborż li jkun sar skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament, ir-responsabilità għall-forniment ta' interpreti hija primarjament tal-qorti rikjesta. Il-qrati involuti għandhom, madankollu, jikkooperaw b'mod kostruttiv (kemm hawn u kemm f'oqsma oħra).

Fir-rigward tas-smigħ dirett tax-xhieda, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament, ir-responsabilità għall-forniment ta' interpreti hija primarjament tal-qorti rikjedenti. L-Artikolu 17 ma jirrikjedix li l-Istat Membru rikjest jipprovdi assistenza għal dan, imma lanqas ma tipprekludi assistenza ta' dan it-tip. L-Artikolu 39a(4) tal-Att dwar il-Ġuriżdizzjoni tal-Qorti (JN - Jurisdiktionsnorm) jitlob li qorti tipprovdi assistenza ġudizzjarja biex tagħti għajnuna prattika bis-smigħ tax-xhieda wara talba mill-qorti barranija. Dan ikun jinkludi s-sejbien ta' interpretu xieraq, pereżempju.

Id-deċiżjoni dwar minn liema Stat iridu jkunu ġejjin l-interpreti trid issir fuq il-bażi ta' xi jkun xieraq fil-każ individwali.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin? Kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi ffissata d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

Il-persuna li trid tiġi eżaminata titħarrek għal eżami b'vidjokonferenza fl-Awstrija bl-istess mod u suġġetta għall-istess perjodi ta' notifika li japplikaw li kieku tħarrket quddiem il-qorti li qed tisma' l-kawża.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenzi u kif għandhom jitħallsu?

Ma hemm l-ebda ħlasijiet għat-telefonati bl-użu ta' vidjokonferenza permezz tal-Protokoll tal-Internet (IP). Għall-vidjokonferenzi permezz tal-ISDN, min iċempel ikollu jħallas l-istess bħal f'telefonata normali. Dawn il-ħlasijiet ivarjaw skont il-post tal-installazzjoni lejn fejn qed issir it-telefonata.

10 Hemm xi kundizzjonijiet, u jekk iva, liema huma, biex jiġi żgurat li l-persuna eżaminata direttament mill-qorti li tagħmel it-talba tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Dan hu qabel kollox ir-responsabbiltà tal-qorti rikjedenti, li hija marbuta mill-Artikolu 17(2) tar-Regolament u li f'ħafna każijiet tistieden hi stess lill-persuni kkonċernati jattendu l-vidjokonferenza. Jekk l-awtorità ċentrali Awstrijaka jew qorti Awstrijaka tinnota li l-Artikolu 17(2) tar-Regolament jista' jkun li ma ġiex osservat waqt it-tħejjija jew it-twettiq tas-smigħ dirett tax-xhieda, l-awtorità jew il-qorti trid, b'kooperazzjoni mal-qorti rikjedenti, tiżgura konformità ma' din id-dispożizzjoni b'mod xieraq. L-impjegati tal-qorti fl-Awstrija huma mħarrġa fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001, u għandhom ukoll aċċess għall-"Gwida dwar l-użu tal-vidjokonferenzi fi proċedimenti transfruntieri" Ewropea permezz tal-intranet tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li se tiġi eżaminata?

L-identifikazzjoni fotografika tintuża biex tiġi vverifikata l-identità ta' persuna. L-identità ta' persuna tiġi vverifikata wkoll bħala parti mill-eżami (l-Artikolu 340(1) ZPO).

12 Liema kundizzjonijiet japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x'informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti li tagħmel it-talba meta ġurament ikun meħtieġ waqt it-teħid dirett tal-evidenza taħt l-Artikolu 17?

Id-dispożizzjonijiet relatati mal-ġuramenti tal-partijiet jinsabu fl-Artikoli 377 u 379 taz-ZPO u dawk għax-xhieda jinsabu fl-Artikoli 336 sa 338 taz-ZPO.

Il-partijiet u x-xhieda huma t-tnejn obbligati li jieħdu ġurament. Filwaqt li l-partijiet ma jistgħux jiġu mġiegħla legalment jieħdu l-ġurament, ix-xhieda jistgħu jiġu kkastigati jekk jirrifjutaw illegalment li jieħdu l-ġurament (l-Artikoli 325 u 326 taz-ZPO; il-pieni huma l-istess bħallikieku jkunu irrifjutaw li jixhdu u jinkludu multi jew sa 6 ġimgħat priġunerija).

Skont l-Artikolu 288(2) tal-Kodiċi Kriminali (StGB – Strafgesetzbuch), l-għoti jew il-konferma ta' xhieda falza taħt ġurament jew it-teħid ta' ġurament falz stipulat fil-leġiżlazzjoni rilevanti jġorru piena ta' perjodu ta' priġunerija ta' bejn sitt xhur u ħames snin.

Xhieda falza mogħtija minn parti fi proċedimenti li ma tkunx ħadet ġurament ma titqiesx bħala reat punibbli. Imma xhud li ma jkunx ħa ġurament u jkun xehed falz jista' jeħel sa tliet snin priġunerija (l-Artikolu 288(1) tal-StGB).

Skont l-Artikolu XL tal-Att Introduttorju tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (EGZPO – Einführungsgesetz zur Zivilprozessordnung) id-dispożizzjonijiet tal-Att tat-3 ta' Mejju 1868, il-Gazzetta tad-Dritt Imperjali (RGBl.) Nru 33 (Il-kliem tal-ġurament u formalitajiet oħra) iridu jkunu osservati (ara http://alex.onb.ac.at/cgi-content/alex?aid=rgb&datum=18680004&seite=00000067).

Skont l-Artikolu 336(1) u l-Artikolu 377(1) taz-ZPO, persuni li jkunu ġew preċedentement ikkundannati minħabba xhieda falza, jew li jkollhom inqas minn erbatax-il sena, jew li ma jkunux jifhmu n-natura jew it-tifsira tal-ġurament minħabba nuqqas ta' maturità jew minħabba diżabilità intellettwali, ma jistgħux jixhdu, u għalhekk ma jistgħux jieħdu l-ġurament.

Id-dispożizzjonijiet imsemmija fuq relatati mal-eżami ta' xhud jew parti taħt ġurament ma jistgħux jiġu applikati f'kawżi skont l-Att dwar Proċedimenti Mhux Kontenzjużi (l-Artikolu 35 AußStrG).

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta' kuntatt fil-post tal-vidjokonferenzi li l-qorti li tagħmel it-talba tista' tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli fil-jum tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi u tindirizza xi problemi tekniċi?

Fil-postijiet kollha b'faċilitajiet għall-vidjokonferenzi li huma proprjetà tal-Ministeru tal-Ġustizzja hemm impjegat inkarigat li jieħu ħsieb it-tagħmir għall-vidjokonferenzi. Din il-persuna tista' topera t-tagħmir għall-vidjokonferenzi u tagħmel aġġustamenti minuri għall-konfigurazzjoni. It-tagħmir għall-vidjokonferenzi kollu huwa kollegat mal-unità ċentrali fid-dipartiment tal-informatika tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja (BMJ – Bundesministerium für Justiz). Minn hemm, l-amministraturi tal-informatika jistgħu jirregolaw is-sistemi tal-vidjokonferenzi li jinsabu madwar l-Awstrija.

14 X'jiġri jekk ikun hemm bżonn ta' xi informazzjoni addizzjonali mill-qorti li tagħmel it-talba?

L-informazzjoni li ġejja hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti:

  • L-indirizz tal-IP u/jew in-numru tal-ISDN bil-kodiċi tat-telefonati
  • L-isem, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-email ta' impjegat fil-qorti rikjedenti li jkun responsabbli għall-aspetti tekniċi tat-tagħmir għall-konnessjoni mill-bogħod.
L-aħħar aġġornament: 02/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna