Rati tal-imgħax

Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?

L-Ordni Amministrattiva Nru 13/2011 dwar l-imgħax rimunerattiv u l-penali fuq l-imgħax statutorju fuq l-obbligazzjonijiet ta’ ħlas u dwar xi miżuri finanzjarji u fiskali fis-settur bankarju jħejji l-arranġamenti legali għal:

- imgħax statutorju rimunerattiv (li jirrappreżenta l-imgħax dovut mid-debitur fuq l-ammont li huwa obbligat li jħallas sa skadenza partikolari, ikkalkolat għall-perjodu li jippreċedi d-data dovuta għall-ammont dovut) u

- il-penali fuq l-imgħax statutorju (li jirrappreżenta l-imgħax dovut mid-debitur fuq l-ammont li huwa obbligat li jħallas għan-nuqqas li jissodisfa dak l-obbligu sad-data ta' maturità).

Skont l-Artikolu 2 tal-Ordni Amministrattiva Nru 13/2011, meta obbligazzjoni ta’ ħlas tkun suġġetta, f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali jew it-termini kuntrattwali, għal imgħax rimunerattiv u / jew penali fuq l-imgħax, kif ikun il-każ, u fin-nuqqas ta' dispożizzjoni espressa maqbula bejn il-partijiet fuq ir-rata tat-tali mgħax, ir-rata li għandha titħallas hija r-rata statutorja li tikkorrispondi għal kull wieħed minnhom.

2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?

Id-dispożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-arranġamenti legali għall-imgħax rimunerattiv / il-penali fuq l-imgħax statutorju / l-imgħax konvenzjonali huma l-Artikoli 3 sa 5 tal-Ordni Amministrattiva Nru 13/2011 dwar l-imgħax rimunerattiv u l-penali fuq l-imgħax statutorju fuq l-obbligazzjonijiet ta’ ħlas u dwar xi miżuri finanzjarji u fiskali fis-settur bankarju:

Artikolu 3 - (1) Ir-rata tal-imgħax rimunerattiv statutorju għandha tkun ir-rata ta' mgħax referenzjali tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija (Banca Națională a României), li hija r-rata ta' mgħax tal-politika monetarja stabbilita permezz ta' deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija.

(2) Ir-rata tal-penali fuq ir-rata ta' mgħax statutorju għandha tkun ir-rata ta' mgħax referenzjali miżjuda b'erba' (4) punti perċentwali.

(21) Fi tranżazzjonijiet bejn il-professjonisti u bejn il-professjonisti u l-awtoritajiet kontraenti, ir-rata tal-penali fuq l-imgħax statutorju għandha tkun ir-rata ta' mgħax referenzjali miżjuda bi tmien (8) punti perċentwali.

(3) F'relazzjonijiet ġuridiċi li ma jirriżultawx mill-operazzjoni ta' intrapriża bi skop ta’ lukru, fil-kuntest tal-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 287/2009 dwar il-Kodiċi Ċivili, ippubblikat mill-ġdid, ir-rata tal-imgħax statutorju għandha tkun stabbilita f'konformità mal-paragrafi (1) u (2), imnaqqsa b'20 %.

(4) Ir-rata ta' imgħax referenzjali tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija għandha tkun ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Rumanija, Parti I, mill-Bank Nazzjonali tar-Rumanija, kull meta tinbidel ir-rata ta' mgħax tal-politika monetarja.

Artikolu 4 - F'relazzjonijiet ġuridiċi b'implikazzjonijiet transfruntiera, fejn il-liġi Rumena tkun applikabbli u l-ħlas għandu jsir f'munita barranija, l-imgħax statutorju għandu jkun ta' sitta fil-mija (6%) kull sena.

Artikolu 5 - (1) F'relazzjonijiet ġuridiċi li ma jirriżultawx mill-operazzjoni ta' intrapriża bi skop ta’ lukru, fil-kuntest tal-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 287/2009 dwar il-Kodiċi Ċivili, ippubblikat mill-ġdid, ir-rata tal-imgħax ma tistax taqbeż l-imgħax statutorju b'aktar minn 50 % kull sena.

(2) Kull klawżola li tikser id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1) għandha tkun nulla u bla effett. F'dan il-każ, il-kreditur għandu jitlef id-dritt li jitlob l-imgħax statutorju.

(3) Il-validità tar-rata tal-imgħax konvenzjonali għandha tkun stabbilita b'referenza għall-imgħax statutorju fis-seħħ fid-data ta' stipulazzjoni."

3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?

L-Artikolu 3(1) tal-Ordni Amministrattiva Nru 13/2011 dwar l-imgħax rimunerattiv u l-penali fuq l-imgħax statutorju fuq l-obbligazzjonijiet ta’ ħlas u dwar xi miżuri finanzjarji u fiskali fis-settur bankarju jistipula li r-rata tal-imgħax statutorju hija r-rata ta' mgħax referenzjali tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija, li hija r-rata ta' mgħax tal-politika monetarja permezz ta' deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija. Dan huwa ppubblikat fuq is-sit web tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija fuq http://www.bnr.ro/Monetary-Policy--3318.aspx

Għall-metodu ta' kkalkolar tar-rata tal-imgħax statutorju għal każijiet differenti, ara r-risposta hawn fuq.

4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?

Iva, bir-Rumen għall-Ordni Amministrattiv Nru 13/2011 dwar l-imgħax rimunerattiv u l-penali fuq l-imgħax statutorju fuq l-obbligazzjonijiet ta’ ħlas u dwar xi miżuri finanzjarji u fiskali fis-settur bankarju. Ara s-sit web tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija fuq http://www.bnr.ro/apage.aspx?pid=404&actId=324573

Iva, bl-Ingliż għar-rata ta' mgħax referenzjali tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija (BNR). Ara s-sit web tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija fuq http://www.bnr.ro/Monetary-Policy--3318.aspx

L-aħħar aġġornament: 21/02/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna