Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Rati tal-imgħax

L-Irlanda ta’ fuq
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?

Bħal fil-każ tas-sitwazzjoni fl-Ingilterra u Wales, l-imgħax statutorju huwa r-rata tal-imgħax li l-liġi tippreskrivi li tista’ tiġi applikata għal talbiet pendenti għal flus dovuti fuq dejn kummerċjali. L-imgħax statutorju jista’ jintalab skont l-Att tal-1998 dwar il-Ħlas Tardiv ta’ Djun Kummerċjali (imgħax) (Late Payment of Commercial Debts (interest) Act 1998). L-imgħax statutorju ma japplikax meta tbigħ lill-pubbliku. Kemm il-bejjiegħ kif ukoll ix-xerrej iridu jkunu qegħdin jaġixxu f’kapaċità kummerċjali.

2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?

L-ammont/ir-rata tal-imgħax statutorju

Il-kriterji għall-applikazzjoni tal-imgħax statutorju

(jekk ikun meħtieġ, pereżempju dewmien, kuntratt mal-konsumatur, eċċ.)

Il-bażi legali

Massimu ta’ 8 % imgħax fuq Aġġudikazzjoni ta’ Danni Ġenerali u Speċjali (General and Special Damages Award).

N.B. Teknikament din mhijiex rata ta’ “mgħax statutorju” iżda pjuttost ir-rati tal-imgħax li japplikaw barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal- Att tal-1998 dwar il-Ħlas Tardiv ta’ Djun Kummerċjali (imgħax) (Late Payment of Commercial Debts (interest) Act  1998), jiġifieri mgħax sempliċi u mhux kummerċjali.

Matul dan l-aħħar numru ta’ snin, il-qrati aġġudikaw, b’mod konvenzjonali u fid-diskrezzjoni tagħhom, imgħax ta’ 2 % għal danni ġenerali (mid-data tan-notifika taċ-ċitazzjoni) u 6 % għal danni speċjali (mid-data li fiha ġġarrab it-telf).

Din il-prattika kienet affermata f’McDowell vs Smyth and MIB (1996)

Is-setgħat tal-qrati li jużaw id-diskrezzjoni tagħhom u jaġġudikaw l-imgħax sempliċi fuq djun u danni jinsabu:

fl-Artikolu 45A tal-Ordni tal-1980 dwar il-Qrati tal-Kontea (l-Irlanda ta’ Fuq) (County Courts (Northern Ireland) Order 1980); u

fl-Artikolu 33A tal-Att tal-1978 dwar il-Ġudikatura (l-Irlanda ta’ Fuq) (The Judicature (Northern Ireland) Act 1978).

8 % ogħla mir-rata bażi tal-Bank of England.

Ir-rata ta’ referenza għall-Bank tiġi stabbilita darba kull sitt xhur fit-30 ta’ Ġunju u fil-31 ta’ Diċembru.

Ir-rata bażi fil-31 ta’ Diċembru tintuża għad-djun li jsiru tardivi bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju. Ir-rata fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju tintuża mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru.

In-negozji u l-korpi tas-settur pubbliku għandhom dritt statutorju li jitolbu mgħax fuq ħlas tardiv ta’ djun kummerċjali li jirriżultaw minn kuntratti miftiehma fis-7 ta’ Awwissu 2002 jew wara.

L-imgħax statutorju jista’ jintalab wara li jkun wasal il-ħlas tardiv. Il-limitu huwa sitt snin fl-Irlanda ta’ Fuq. L-imgħax normalment jiddekorri minn 30 jum wara li kien dovut u mitlub. Kuntratt ma jistax jeskludi mgħax statutorju iżda mhuwiex obbligatorju li jintalab.

L-Att tal-1998 dwar il-Ħlasijiet Tardivi ta’ Dejn Kummerċjali (Imgħax) (Late Payments of Commercial Debt (Interest) Act 1998)

L-Ordni tal-2002 dwar il-Ħlas Tardiv ta’ Djun Kummerċjali (Rata tal-Imgħax) (Nru 3) (Late Payment of Commercial Debts (Rate of Interest) (No.3) Order 2002)

Ir-Regolamenti tal-2002 dwar il-Ħlas Tard ta’ Djun Kummerċjali (Late Payment of Commercial Debts Regulations 2002)

3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?

Il-kalkolu tal-imgħax huwa proċess sempliċi. L-ewwel ikkalkula kemm ikun l-imgħax għal sena sħiħa. Dan isir billi timmultiplika l-ammont dovut bir-rata totali tal-imgħax (ir-rata bażi flimkien ma’ 8 %). Imbagħad ikkalkula l-imgħax ta’ kuljum billi tiddividi l-imgħax annwali bi 365. L-imgħax dovut b’hekk jiġi kkalkulat billi timmultiplika l-imgħax ta’ kuljum bin-numru ta’ jiem tard. Inti titlob imgħax fuq l-ammont gross tad-dejn, inkluż kwalunkwe element tal-VAT, iżda ma tħallasx il-VAT fuq l-imgħax.

4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?

Il-leġiżlazzjoni rilevanti tinsab fil-ħoloq li ġejjin:

L-Att tal-1998 dwar il-Ħlasijiet Tard ta’ Dejn Kummerċjali (Imgħax) (Late Payments of Commercial Debt (Interest) Act 2003)

L-Ordni tal-2002 dwar il-Ħlas Tard ta’ Djun Kummerċjali (Rata tal-Imgħax) (Nru 3) (Late Payment of Commercial Debts (Rate of Interest) (No.3) Order 2002)

Ir-Regolamenti tal-2002 dwar il-Ħlas Tard ta’ Djun Kummerċjali (Late Payment of Commercial Debts Regulations 2002)

Ordni tal-1980 dwar il-Qrati tal-Kontea (l-Irlanda ta’ Fuq) (County Courts (Northern Ireland) Order 1980)

L-Att tal-1978 dwar il-Ġudikatura (l-Irlanda ta’ Fuq) (The Judicature (Northern Ireland) Act 1978)

L-aħħar aġġornament: 12/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.