Rati tal-imgħax

Litwanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?

Isir provvediment għal imgħax u penali għal ħlas tardiv fil-leġiżlazzjoni li ġejja:

il-kodiċi tal-Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, Volum 6,

l-Att tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Prevenzjoni ta’ Ħlasijiet Tardivi f’Kuntratti Kummerċjali.

2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?

Skont l-Artikolu 6.37 tal-Kodiċi Ċivili, l-imgħaxijiet jistgħu jiġu ddeterminati bil-liġi jew bi ftehim bejn il-partijiet skont l-impenji meħuda. Id-debitur huwa wkoll meħtieġ iħallas l-imgħax bir-rata statutorja fuq ammont mogħti mid-data li fiha l-każ jiġi ppreżentat quddiem il-qorti sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tal-qorti.

Skont l-Artikolu 6.71 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, penali hija l-ammont monetarju ddeterminat mil-liġi, mill-ftehim jew minn deċiżjoni tal-qorti li d-debitur irid iħallas lill-kreditur jekk l-obbligazzjoni ma tkunx ġiet sodisfatta jew tkun ġiet sodisfatta b’mod inkorrett (multa, imgħax għall-ħlas tard). Il-penali jistgħu jiġu stabbiliti bħala ammont monetarju speċifiku jew f’termini ta’ perċentwal tal-obbligazzjoni sottostanti. Jistgħu jiġu stabbiliti penali għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-ħin. Dawn se jiġu kkalkulati skont l-għadd ta’ jiem, ġimgħat, xhur, eċċ., li fihom tinqabeż l-iskadenza.

Skont l-Artikolu 6.210 tal-Kodiċi Ċivili, debitur li ma osservax l-iskadenza biex iwettaq obbligu monetarju jrid iħallas l-imgħax b’rata annwali ta’ 5 % tal-ammont dovut sakemm ma tiġix determinata rata tal-imgħax differenti mil-liġi jew mill-ftehim. Jekk iż-żewġ partijiet kontraenti jkunu imprendituri jew entitajiet legali privati, l-imgħax b’rata annwali ta’ 6 % tal-ammont dovut huwa pagabbli, sakemm rata ta’ imgħax differenti ma tkunx determinata b’liġi jew bi ftehim.

L-għan tal-Att Litwan dwar il-Prevenzjoni ta’ Ħlasijiet Tardivi fi Tranżazzjonijiet Kummerċjali huwa li jiġu ddeterminati l-iskadenza tal-pagament għal oġġetti mibjugħa, servizzi pprovduti u xogħlijiet imwettqa taħt kuntratt kummerċjali, l-ammont ta’ mgħax pagabbli fil-każ ta’ ħlas tardiv, kif jiġu kkalkulati, u d-drittijiet tal-kredituri meta jitħallsu tard. Din il-liġi tapplika għall-kuntratti kummerċjali kollha bejn entitajiet ekonomiċi jew bejn entitajiet ekonomiċi u pubbliċi li permezz tagħhom jiġu kkonsenjati l-oġġetti, jiġu pprovduti servizzi jew isir xogħol bi ħlas u jsiru pagamenti. Skont dan l-Att, ir-rata tal-imgħax għal ħlas tardiv hija tmien punti perċentwali aktar mir-rata tal-imgħax fissa applikata għall-operazzjoni ta’ rifinanzjament prinċipali l-aktar reċenti tal-Bank Ċentrali Ewropew jekk dik l-operazzjoni twettqet skont il-proċedura ta’ sejħa għal offerti b’rata fissa, jew mir-rata marġinali jekk l-aktar operazzjoni ta’ rifinanzjament ewlenija reċenti tal-Bank Ċentrali Ewropew tkun saret skont il-proċedura ta’ sejħa għal offerti b’rata varjabbli.

3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?

Jekk meħtieġ, din l-informazzjoni tingħata minn persuni li jfornu għajnuna legali.

4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?

Iva.

L-aħħar aġġornament: 16/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.