Rati tal-imgħax

il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?

Iva. Imgħax statutorju (zakonska kamata) huwa r-rata tal-imgħax li d-debitur ta’ obbligu monetarju jrid iħallas fuq pretensjoni pendenti għal somma ta’ flus. Għalhekk, id-debitur li jonqos li jħallas obbligu monetarju jkun dovut li jħallas ukoll imgħax statutorju, minbarra l-ammont ta’ kapital.

2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?

Il-liġi ġenerali dwar l-imgħax statutorju hija l-Att dwar l-Obbligi Ċivili (Zakon o obveznim odnosima) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nru. 35/05, 41/08, 125/11 u 78/15) - l-Artikoli 29-31. Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, dan l-Att japplika għal persuni speċifiċi u relazzjonijiet speċifiċi permezz ta’ leġiżlazzjoni speċjali. Skont dan l-Att, ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza fuq id-djun li jirriżultaw minn kuntratti kummerċjali u kuntratti bejn operatur tas-suq u persuna rregolata mid-dritt pubbliku għandha tiġi ddeterminata fuq bażi semiannwali billi r-rata tal-imgħax medja fuq is-self awtorizzat għal perjodu ta’ aktar minn sena għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji u kkalkolata għall-perjodu referenzjarju qabel il-perjodu ta’ sitt xhur attwali tiżdied b’ħames punti perċentwali u bi tliet punti perċentwali f’relazzjonijiet oħrajn.

Ir-rata tal-imgħax medja għall-perjodu referenzjarju tiġi ddeterminata mill-Bank Nazzjonali Kroat (Hrvatska narodna banka), li jrid jippubblikaha fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju f’Narodne Novine, il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja.

Ir-rata tal-imgħax medja użata sabiex jiġu kkalkolati r-rati tal-imgħax statutorji għall-perjodu ta’ sitt xhur attwali (mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2017) hija ta’ 4.68 %. Għalhekk, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2017, ir-rata tal-imgħax statutorja fuq id-djun li jirriżultaw minn kuntratti kummerċjali u kuntratti bejn operatur tas-suq u persuna rregolata mid-dritt pubbliku hija ta’ 9.68 %, filwaqt li dik għal relazzjonijiet oħrajn (eż. relazzjonijiet li jirriżultaw minn ftehimiet ta’ kreditu u kuntratti oħrajn tal-liġi ċivili, relazzjonijiet ekstrakuntrattwali - kumpens, arrikkiment indebitu) hija ta’ 7.68 %.

Ir-regolament speċjali li jippreskrivi r-rata tal-imgħax statutorja għal ċerti djun huwa l-Att dwar in-Negozju Finanzjarju u s-Soluzzjoni ta’ Prefalliment (Zakon o financijskom poslovanju i predstečajnoj nagodbi) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri. 108/12, 144/12, 81/13, 112/13, 71/15 u 78/15). Dan l-Att huwa applikat għal dewmien fil-ħlas fi tranżazzjonijiet kummerċjali bejn l-imprendituri u bejn imprendituri u persuni rregolati mid-dritt pubbliku fejn il-persuna rregolata mid-dritt pubbliku tkun id-debitur, li jirriżultaw fil-provvista ta’ prodotti jew fil-forniment ta’ servizzi għal kontribuzzjoni finanzjarja. Skont dan l-Att, l-imgħax statutorju għal ħlasijiet imdewma huwa r-rata tal-imgħax ugwali għar-rata normattiva tal-imgħax miżjuda bi 8 punti perċentwali. Ir-rata normattiva tal-imgħax hija ugwali għar-rata tal-imgħax medja fuq is-self awtorizzat għal perjodu ta’ aktar minn sena għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji u tiġi kkalkolata għall-perjodu referenzjarju qabel il-perjodu ta’ sitt xhur attwali u mnaqqsa bi tliet punti perċentwali.

Ir-rata tal-imgħax medja għall-perjodu referenzjarju tiġi ddeterminata mill-Bank Nazzjonali Kroat (Hrvatska narodna banka), li jrid jippubblikaha fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju f’Narodne Novine, il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja.

Ir-rata normattiva tal-imgħax użata sabiex jiġu kkalkolati r-rati tal-imgħax statutorji għall-perjodu ta’ sitt xhur attwali (mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2017) hija ta’ 1.68 %. Għalhekk, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2017, ir-rata tal-imgħax statutorja għal dewmien fil-ħlasijiet fi tranżazzjonijiet kummerċjali bejn l-imprendituri u bejn imprendituri u persuni rregolati mid-dritt pubbliku, fejn il-persuna rregolata mid-dritt pubbliku tkun id-debitur, hija ta’ 9.68 %.

3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?

Ir-rata tal-imgħax medja għall-perjodu referenzjarju tiġi ddeterminata mill-Bank Nazzjonali Kroat (Hrvatska narodna banka), li jrid jippubblikaha fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju f’Narodne novine, il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja.

Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja, Narodne novine, tista’ tiġi aċċessata billi tikklikkja fuq il-link li ġejja: https://narodne-novine.nn.hr/

4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?

Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja, Narodne novine, tista’ tiġi aċċessata mingħajr ħlas billi tikklikkja fuq il-link li ġejja: https://narodne-novine.nn.hr/

L-aħħar aġġornament: 25/03/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna