Rati tal-imgħax

Bulgarija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?

Fir-Repubblika tal-Bulgarija, l-imgħax statutorju huwa rregolat, imma s'issa t-terminu għadu mhux definit fil-liġi.

Skont it-teorija ġuridika, "l-imgħax statutorju" huwa mgħax li mhux bi qbil (f’dak il-każ tkun tikkostitwixxi penali), imma previst mil-liġi. L-imgħax statutorju għal ħlas tardiv (inadempjenza, imgħax fuq ħlas tardiv) ikun dovut fuq il-ħlas tardiv ta' obbligu monetarju. Fil-każ ta’ inadempjenza ta' dejn monetarju, il-kreditur ikun dejjem intitolat għal kumpens skont ir-rata tal-imgħax statutorju mid-data tal-inadempjenza (ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 86(1) tal-Att dwar l-Obbligi u l-Kuntratti (ZZD)). Il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni (Varhoven kasatsionen sad) (VKS) żviluppat ġurisprudenza uniformi fejn kwalunkwe inadempjenza ta’ obbligu monetarju tikkostitwixxi ħlas tardiv u tagħti d-dritt lill-kreditur jitlob kumpens għal nuqqas ta’ ħlas, li, skont ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 86(1) taz-ZZD, huwa ta’ mgħax statutorju mid-data tad-dewmien. F’obbligu bi żmien determinat, id-debitur ikun inadempjenti wara t-tmiem tal-perjodu għall-ħlas, u meta ma jkunx hemm jum fiss għall-eżekuzzjoni, id-debitur ikun inadempjenti meta jingħata avviż mill-kreditur, f’konformità mar-regola tal-Artikolu 84(2) ZZD. Talba għal imgħax statutorju, għalhekk, tirriżulta minn sett ta’ ċirkostanzi li jinkludu l-elementi li ġejjin: somma prinċipali tkun dovuta, dan id-dejn ikun sar dovut, u l-obbligu ta’ ħlas ma ġiex onorat, is-suġġett ta’ din il-pretensjoni ikun il-kumpens għad-dannu maħluq b’mod oġġettiv u loġiku min-nuqqas ta’ prestazzjoni tal-obbligu. Il-pretensjoni tal-imgħax hija anċillari iżda, sa ċertu punt, hija awtonoma fir-rigward tal-pretensjoni prinċipali, u l-elementi essenzjali li jintitolaw lill-kreditur jippreżenta tali pretensjoni jinkludu d-dipendenza fuq in-nuqqas ta’ prestazzjoni, jiġifieri nuqqas ta’ kondotta xierqa fir-rigward tas-somma prinċipali dovuta.

2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?

Skont l-Artikolu 86(1) tal-Att dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, debitur li ma jonorax obbligu monetarju jkun responsabbli għall-kumpens fir-rata tal-imgħax statutorju minn dakinhar tal-inadempjenza. Ir-rata tal-imgħax statutorju tiġi stabbilita mill-Kunsill tal-Ministri.

Abbażi tal-Artikolu 86(2) taz-ZZD u bil-ħsieb li tiġi trasposta d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 48/1, tat-23 ta’ Frar 2011), il-Kunsill tal-Ministri adotta d-Digriet Nru 100 tad-29 ta’ Mejju 2012 li jistabbilixxi r-rata tal-imgħax statutorju fuq l-arretrati f’leva u f’muniti barranin (fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2012, imħassar) u d-Digriet Nru 426 tat-18 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi r-rata tal-imgħax statutorju fuq l-arretrati (fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2015), li stabbilixxa r-rata tal-imgħax statutorju bir-rata normattiva tal-imgħax stabbilita mill-Bank Nazzjonali Bulgaru għall-perjodu wara d-data ta’ maturità miżjuda b’10 punti perċentwali. Ir-rata annwali tal-imgħax statutorju fuq pagamenti arretrati hija r-rata bażi tal-Bank Nazzjonali Bulgaru applikabbli mill-1 ta’ Jannar jew mill-1 ta' Lulju tas-sena attwali miżjuda b'10 punti perċentwali. Ir-rata ta’ kuljum tal-imgħax statutorju fuq pagamenti arretrati hija ta' 1/360 tar-rata annwali. Ir-rata tal-imgħax fis-seħħ fl-1 ta' Jannar tas-sena attwali tapplika għall-ewwel nofs tas-sena u dik fis-seħħ fl-1 ta' Lulju tapplika għat-tieni nofs.

3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?

Il-Bank Nazzjonali Bulgaru jippubblika r-rata bażi għall-perjodu rilevanti bl-użu ta' metodoloġija stabbilita mill-Bord Maniġerjali u jippubblikaha fil-Gazzetta tal-Istat. Ir-rata bażi u l-bidliet fiha jiġu ppubblikati fis-sit tal-Bank Nazzjonali Bulgaru: http://www.bnb.bg/. Is-sit fih ukoll il-metodoloġija biex tiġi stabbilita r-rata bażi.

L-Artikolu 10(3) tal-Att dwar l-Obbligi u l-Kuntratti jipprevedi li mgħax fuq imgħax dovut (anatoċiżmu) jitħallas skont ir-regoli tal-Bank Nazzjonali Bulgaru. Madankollu, ma ġew ippubblikati l-ebda regoli ta' dan it-tip.

Skont l-Artikolu 294(2) tal-Att dwar il-Kummerċ (Targovski zakon), meta tiġi konkluża tranżazzjoni kummerċjali, l-imgħax jista’ jkun dovut fuq l-imgħax jekk il-partijiet ikunu qablu espressament li jsir hekk.

Meta kawża għal pretensjoni ta’ mgħax statutorju tiġi ppreżentata f’tilwima kummerċjali, id-dikjarazzjoni tal-kawża trid tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni li jkun fiha l-kalkoli meħtieġa biex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ mgħax mitlub. Din id-dikjarazzjoni, prevista fl-Artikolu 366 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Grazhdanski protsesualen kodeks), hija kundizzjoni għall-konformità tad-dikjarazzjoni ta’ kawża u, jekk ma tiġix ippreżentata, ir-rikorrent ikun inkarigat li jirrimedja għan-nuqqas ta’ konformità fi żmien ġimgħa minn meta tkun waslet il-komunikazzjoni. Jekk dawn l-istruzzjonijiet ma jiġux rispettati, il-qorti jkollha bażi biex treġġa’ lura d-dikjarazzjoni ta’ kawża fir-rigward tal-kawża għal pretensjoni ta’ mgħax statutorju.

4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?

Informazzjoni dwar ir-rata bażi u bidliet fiha tingħata bl-Ingliż u bil-Bulgaru fis-sit tal-Bank Nazzjonali Bulgaru: http://www.bnb.bg/.

L-Att dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, l-Att dwar il-Kummerċ u atti legali oħrajn imsemmija fuq tista' ssibhom bil-Bulgaru fis-sit: https://lex.bg.

L-Att dwar l-Obbligi u l-Kuntratti, l-Att dwar il-Kummerċ u d-Digriet tal-Kunsill tal-Ministri Nru 426 tat-18 ta' Diċembru 2014 li jistabbilixxi r-rata tal-imgħax statutorju fuq pagamenti arretrati tista' wkoll issibhom bil-Bulgaru fis-sit: https://www.tita.bg/.

L-ammont tal-imgħax statutorju jista’ jiġi kkalkulat mingħajr ħlas billi jiddaħħal l-ammont tal-kapital dovut u l-perjodu wara d-data tal-maturità f’wieħed mill-kalkolaturi elettroniċi online li ġejjin: https://www.calculator.bg/1/lihvi_zadaljenia.html or http://balans.bg.

L-aħħar aġġornament: 16/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.