Kif taħdem

Din il-paġna fiha informazzjoni dwar aspetti partikolari ta’ medjazzjoni transfruntiera relatata mal-familja.

Perjodi ta' żmien

Għalkemm il-medjazzjoni tista' tinbeda f'kull ħin, ikun aħjar illi tinbeda mill-aktar fis possibbli, l-aktar qabel ma tinfetaħ xi kawża l-qorti.

Peress illi l-medjazzjoni hija effikaċi bħala sistema ta' prevenzjoni biex jiġu solvuti l-problemi minħabba l-bidla transfruntiera tar-residenza tat-tfal, il-medjazzjoni hija rakkomandata ħafna għall-każijiet ta' kunflitti transfruntiera tal-familja u b'mod partikolari f'tilwim internazzjonali dwar ir-rilokazzjoni tat-tfal.  Madankollu, peress illi l-medjazzjoni mhix adattata għal kull każ ta' sekwestru ta' minuri, tkun prattika tajba illi tiġi introdotta intervista ta' skrinjar fil-proċedura. L-intervista tista' tgħin biex jitnaqqas it-tħassib tal-ġenituri u biex ikomplu jsaħħu l-fehma tagħhom dwar il-medjazzjoni.

Il-medjazzjoni qatt ma għandha sservi ta' skuża għal parti minnhom biex tipposponi r-riżoluzzjoni tal-kunflitt. Dan huwa importanti partikolarment f'każijiet ta' sekwestru tal-minuri fejn il-ħin huwa kruċjali.

Il-medjaturi jridu jinfurmaw lill-partijiet dwar dan b'mod ċar matul il-fażi ta' informazzjoni jew fil-bidu tal-medjazzjoni.

Wara r-rilokazzjoni tal-minuri sekwestrat fil-pajjiż tar-residenza abitwali tiegħu, il-medjazzjoni għandha tiġi kkunsidrata wkoll sabiex tiġi evitata aktar litigazzjoni l-quddiem.

Kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet amministrattivi/ġudizzjarji

F'każijiet ta' sekwestru tal-minuri fejn jiġu involuti l-awtoritajiet ċentrali u/jew l-awtoritajiet ġudizzjarji, il-medjatur irid jispjega lill-partijiet l-effetti tal-medjazzjoni fil-qafas tal-proċedura li għaddejja.

F'xi pajjiżi, l-awtoritajiet ċentrali għandhom medjaturi interni mħarrġa.

Fuq din il-paġna ssib lista tal-awtoritajiet ċentrali.

L-eżekuzzjoni tal-ftehim fil-ġuriżdizzjonijiet kollha konċernati (aċċess għall-informazzjoni legali rilevanti)

Sabiex ikun effettiv il-ftehim bil-medjazzjoni jrid ikollu effett legali u jkun eżegwibbli fil-ġuriżdizzjonijiet kollha rilevanti.

L-aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċeduri rilevanti fil-ġuriżdizzjonijiet konċernati jista' jiġi faċilitat mill-awtoritajiet ċentrali jew mill-punti ta' kuntatt ċentrali għall-medjazzjoni tal-familja internazzjonali.

Għal aktar informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni fl-Istati Membri żur il-paġna Medjazzjoni fl-Istati Membri.

Id-diffikultajiet tal-lingwa u l-mezzi moderni tal-komunikazzjoni

B'mod ġenerali, il-preżenza fiżika tal-partijiet matul il-medjazzjoni hija mportanti. F'dan ir-rigward, għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex tiġi ffaċilitata l-għotja tad-dokumenti neċessarji tal-ivvjaġġar bħal viża, mill-pajjiżi fejn ser iseħħ il-medjazzjoni.

Fejn xieraq u possibbli għandha tintuża l-ko medjazzjoni bi-nazzjonali.

Huwa vantaġġ kbir illi l-medjatur ikun jitkellem il-lingwi taż-żewġ partijiet, jew tal-inqas il-lingwa komuni (jekk il-koppja għandha lingwa komuni). F'każ ta' ko-medjazzjoni bi-kulturali jkun biżżejjed illi l-medjatur jitkellem bil-lingwa ta' waħda mill-partijiet u jifhem l-oħra jekk ma tkunx tista' tinsab soluzzjoni oħra. Il-partijiet iridu jkunu kapaċi jifmhu t-termini legali kollha. L-għan illi jinstab medjatur li jitkellem il-lingwa tal-partijiet mhux biss illi jitnaqqsu l-ispejjeż iżda wkoll illi ma jkunx hemm bżonn ta' interpretazzjoni. Hemm ukoll l-aspett psikoloġiku u l-bżonn illi l-partijiet jifhmu dwar xiex ikunu qiegħdin jaqblu.

Il-medjatur għandu juri sensittività lejn l-isfond kulturali tal-partijiet u għandu jkun konxju tad-diversità kulturali.

L-introduzzjoni tal-mezzi moderni ta' komunikazzjoni (telefown, vidjokonferenzi, webcams, eċċ) tgħin fit-tnaqqis tal-ispejjeż u l-organizzazzjoni tal-medjazzjoni jekk il-partijiet ma jistgħux jattendu personalment. Dawn l-istrumenti tekniċi għandhom ikunu disponibbli f'kull Stat Membru u għandha tiġi ppruvata l-medjazzjoni "mill-bogħod".

Għandu jkun hemm softwer sikur u interatttiv għall-medjazzjoni biex jgħin fil-medjazzjoni.

Barra minn hekk, tkun xi tkun il-lingwa użata fil-medjazzjoni, huwa importanti illi kull min ikun involut jifhem il-lingwa u t-terminoloġija wżata mill-medjatur(i).

Ir-rabta bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti relatati mat-tfal

Hemm diversi strumenti internazzjonali li jippromwovu l-kisba ta' soluzzjoni bonarja:

Ir-Regolament Brussell IIa: l-Artikolu 46 (mekkaniżmu li jagħti effett lill-ftehim miksub bil-medjazzjoni)

- il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980: l-Artikolu 7c) (miżuri xierqa mill-Awtorità Ċentrali biex jiġi assigurat ir-ritorn volontarju tat-tfal jew biex tinstab soluzzjoni bonarja), l-Artikolu 10 (miżuri xierqa sabiex jinkiseb ir-ritorn volontarju tat-tfal) l-Artikolu 16 (l-ebda deċiżjoni fuq il-mertu tad-drittijiet ta' kustodja fl-Istat rikjest).

- il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996: l-Artikolu 31 (miżuri xierqa mill-Awtorità Ċentrali biex jiffaċilitaw soluzzjoni xierqa permezz tal-medjazzjoni), l-Artikoli 23 u 26 (ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni), l-Artikolu 16 (il-liġi applikabbli = il-liġi tal-Istat fejn huma abitwalment residenti t-tfal), l-Artikolu 7 (l-Istat fejn huma abitwalment residenti t-tfal immedjatament qabel is-sekwestru jibqa' jkollu ġuriżdizzjoni biex jieħu miżuri għall-protezzjoni tat-tfal), l-Artikolu 24 ("rikonoxximent bil-quddiem").

- il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007: L-artikoli 19 sa 31 (id-deċiżjoni tinkludi wkoll soluzzjoni jew ftehim)

L-impatt tal-proċedimenti kriminali

Għandhom jitqiesu l-proċedimenti kriminali. Il-korpi ġudizzjarji u amministrattivi bħal l-awtoritajiet ċentrali għandhom jipprovdu informazzjoni ġenerali neċessarja dwar il-liġijiet rilevanti li jirregolaw il-bidu u t-tmiem tal-proċedimenti kriminali lill-partijiet.

Informazzjoni dwar l-awtorità ċentrali/il-punt ta' kuntatt ċentrali għall-medjazzjoni internazzjonali tal-familja.

L-aħħar aġġornament: 06/10/2020

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.