Suċċessjonijiet

Franza

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

L-Artikolu 78 (a) - l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti b'ġuriżdizzjoni biex jittrattaw applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà skont l-Artikolu 45(1) u appelli kontra deċiżjonijiet dwar tali applikazzjonijiet skont l-Artikolu 50(2)

It-talbiet imsemmija fl-Artikolu 45 jiġu ppreżentati lid-direttur tar-reġistru tat-tribunal de grande instance (L-Artikoli 509-1 u 509-2 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) meta jkunu relatati ma' deċiżjoni jew tranżazzjoni ġudizzjarja u lill-president tal-Kamra tan-Nutara jew is-sostitut tiegħu f'każ ta' assenza jew impediment, meta t-talba tkun tikkonċerna att awtentiku (l-Artikolu 509-3 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

Ir-rikorsi msemmija fl-Artikolu 50(2) jitressqu quddiem il-president tat-tribunal de grande instance (l-Artikolu 509-9 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

L-Artikolu 78 (b) - il-proċeduri ta’ biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni mogħtija fuq appell imsemmija fl-Artikolu 51

Rikors kontra deċiżjoni finali tal-president tat-tribunal de grande instance jista' jsir biss permezz ta' appell fuq punt tad-dritt.

Il-bażijiet għal appell fuq punt tad-dritt huma varji (deċiżjoni li tikser il-liġi, deċiżjoni ultra vires, nuqqas ta' kompetenza, nuqqas ta' bażi legali, nuqqas ta' motivazzjonijiet, sentenzi kontradittorji...) imma li għandhom komuni huwa li l-imħallef jittratta biss l-applikazzjoni tal-liġi. Għalhekk, il-Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation) tivverifika li d-deċiżjoni ma tiksirx il-liġi jew tinjora l-istat tad-dritt, imma qatt ma teżamina l-fatti.

La Cour de cassation

5 quai de l’horloge

75055 Paris

L-Artikolu 78 (c) - informazzjoni rilevanti rigward l-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu ċ-Ċertifikat skont l-Artikolu 64

Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĊES) jinħareġ minn nutar (l-Artikolu 1381–1 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Il-Kunsill Superjuri tan-Nutara (Conseil supérieur du notariat) huwa l-korp inkarigat mill-organizzazzjoni tan-nutara fi Franza.

Conseil supérieur du notariat

60 boulevard de la Tour-Maubourg

75007 Paris

Kuntatt: http://www.notaires.fr/fr

L-Artikolu 78 (d) - il-proċeduri ta’ rimedju msemmija fl-Artikolu 72

Ir-rikorsi msemmija fl-Artikolu 72 jistgħu jiġu mressqa quddiem il-president tat-tribunal de grande instance li jinkludi l-uffiċċju notarili taħt il-kompetenza tiegħu (l-Artikolu 1381-4 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Dan ir-rikors irid isir fi żmien ħmistax-il jum mill-ħruġ jew in-notifika tal-kopja ċċertifikata taċ-ĊES jew mir-riċeviment tad-deċiżjoni relatata maċ-ĊES.

Il-president tat-tribunal de grande instance jagħti l-aħħar deċiżjoni dwar it-talba. Ir-rikorrent, in-nutar li ħareġ iċ-ċertifikat, u, jekk ikun il-każ, min ikun talab iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jekk ma jkunx ir-rikorrent, jinstemgħu jew jitħarrku. In-nutar ikun infurmat bid-deċiżjoni.

Meta l-president tal-qorti jordna l-ħruġ, ir-rettifika jew il-modifika taċ-ċertifikat, huwa jista' jagħmlu hu stess jew jistieden lin-nutar biex jagħmlu hu.

Jekk il-president tal-qorti jordna l-irtirar jew is-sospensjoni tal-effetti taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, in-nutar jinforma lill-persuni kollha li jkunu ngħataw kopji ċċertifikati mingħajr dewmien. Ma tista' tinħareġ l-ebda kopja ċċertifikata waqt il-perjodu ta' sospensjoni tal-effetti.

L-Artikolu 79 - Stabbiliment u emendar sussegwenti tal-list li fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)

Mhux applikabbli

L-aħħar aġġornament: 30/09/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.