Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet

Spanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

Artikolu 50(1)(a) — Qrati kompetenti biex joħorġu l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet

Il-Qrati tal-Ewwel Istanza (Juzgados de Primera Instancia).

Il-qorti bil-ġuriżdizzjoni fit-territorju partikolari jkun iddeterminat mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 545(3) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil) relatata mal-eżekuzzjoni bbażata fuq strumenti nonġudizzjarji.

Dan ifisser li bħala regola, il-qorti kompetenti tkun il-Qorti tal-Ewwel Istanza fil-post iddeterminat skont l-Artikoli 50 u 51 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili. L-eżekuzzjoni tista' tintalab ukoll mill-parti li titlob l-eżekuzzjoni quddiem il-Qorti tal-Ewwel Istanza fil-post tal-prestazzjoni tal-obbligu, kif speċifikat fil-mandat, jew fi kwalunkwe post fejn ikun hemm beni sekwestrabbli tal-parti li qed tintalab l-eżekuzzjoni kontriha. Ir-regoli dwar sottomissjoni espliċita jew taċita għall-ġuriżdizzjoni qatt ma japplikaw hawnhekk. Jekk l-eżekuzzjoni tkun qed tintalab kontra bosta partijiet, il-qorti kompetenti tkun il-qorti bil-ġuriżdizzjoni għal kwalunkwe waħda minn dawk il-partijiet, bl-għażla tkun tal-parti li tkun qed titlob l-eżekuzzjoni.

Jekk il-mandat eżekuttiv ikun jikkonċerna beni speċifikatament ipotekati jew oġġetti ta' rahan, il-qorti kompetenti tkun iddeterminata skont l-Artikolu 684 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.

Artikolu 50(1)(b) — l-awtorità nominata bħala kompetenti biex tikseb informazzjoni dwar il-kontijiet

Is-Sottodirettorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali (Subdirección General de Cooperación Jurídica Internacional). Il-Ministeru tal-Ġustizzja.

Dettalji ta’ kuntatt:

paula.monge@mjusticia.es

telefown: +34 91 390 4411

Artikolu 50(1)(c) — Metodi għall-ksib ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet

Aċċess mill-awtorità tal-informazzjoni għall-informazzjoni rilevanti meta dik l-informazzjoni tinżamm mill-awtoritajiet jew mill-amministrazzjonijiet pubbliċi f'reġistri jew b'xi mod ieħor.

Artikolu 50(1)(d) — Qrati li quddiehom jista' jsir appell kontra rifjut li tinħareġ l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet

Irid jiġi ppreżentat appell mal-qorti li tkun ċaħdet it-talba għall-mandat. Jekk id-deċiżjoni tkun ittieħdet minn Qorti tal-Ewwel Istanza jew minn Qorti Kummerċjali (Juzgado de lo Mercantil), l-appell jinstema’ mill-Qorti Provinċjali (Audiencia Provincial). Jekk id-deċiżjoni ttieħdet minn qorti tat-tieni istanza, l-appell jinstema' mill-istess qorti.

Artikolu 50(1)(e) — Awtoritajiet nominati bħala kompetenti biex jirċievu, jittrażmettu jew iservu l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet u dokumenti oħra

Il-qorti kompetenti li teżegwixxi l-mandat skont l-Artikolu 50(f).

Għall-finijiet tal-Artikolu 28(3), il-qorti kompetenti hija l-Qorti tal-Ewwel Istanza tad-domiċilju tad-debitur.

Artikolu 50(1)(f) — Awtorità kompetenti biex toħroġ l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet

Il-Qorti tal-Ewwel Istanza fil-post fejn jinstab il-kont bankarju u, jekk il-kontijiet jinstabu f'bosta postijiet, il-Qorti tal-Ewwel Istanza b'ġuriżdizzjoni fi kwalunkwe wieħed minn dawk il-postijiet.

Artikolu 50(1)(g) — Il-punt sa fejn il-kontijiet konġunti jew ta' mandatarju jistgħu jiġu preżervati

Ordni ta' preservazzjoni tista' tinħareġ biss fil-konfront ta' kontijiet konġunti li d-debitur ikun kodetentur tagħhom u ta' kontijiet li d-debitur ikun innominat għalihom f'isem terzi. Madankollu, ordni ta' preservazzjoni ma tistax tinħareġ fil-konfront ta' kontijiet miżmuma minn terzi nominati f'isem debitur.

Artikolu 50(1)(h) — Ir-regoli applikabbli għall-ammonti eżenti minn qbid

Ir-regoli li jirrigwardaw is-salarji u l-pensjonijiet huma stabbiliti fl-Artikolu 607 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.

https://www.boe.es/buscar/act.php?id=BOE-A-2000-323&tn=1&p=20151028&vd=#a607

Jekk l-awtoritajiet pubbliċi jkunu involuti fi proċedimenti ċivili jew kummerċjali għal raġunijiet mhux relatati mal-eżerċizzju tal-awtorità tagħhom, il-fondi depożitati minnhom fil-kontijiet bankarji jkunu eżenti mis-sekwestru meta dawn il-fondi jkunu effettivament ġew allokati għal servizz jew għan pubbliku.

Dawk l-ammonti huma eżenti minn sekwestru mingħajr ebda bżonn li ssir talba għaliha.

Artikolu 50(1)(i) — Tariffi, jekk imposti mill-banek, għall-implimentazzjoni ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti jew biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kontijiet, u informazzjoni dwar il-parti responsabbli biex iħallas dawk it-tariffi

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni għat-tariffi mitluba għal dawn il-finijiet.

Artikolu 50(1)(j) – l-iskala ta’ tariffi jew sett ieħor ta’ regoli li jistabbilixxu t-tariffi applikabbli imposti minn kwalunkwe awtorità jew korp ieħor involut fl-ipproċessar jew l-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni

Ma jintalab l-ebda ħlas.

Artikolu 50(1)(k) — Gradazzjoni, jekk ikun hemm, ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti

Il-mandati jiġu kklassifikati kronoloġikament, mill-mument li l-bank jirċievi dak il-mandat.

Artikolu 50(1)(l) — Qrati jew awtorità ta' eżekuzzjoni kompetenti biex tagħti rimedju

Il-qorti li tkun ħarġet jew eżegwiet il-mandat.

Artikolu 50(1)(m) — Qrati li quddiemhom għandhom jiġi ppreżentat appell u l-limitu ta’ żmien, jekk ikun il-każ, biex jiġi ppreżentat l-appell

L-appell jiġi ppreżentat fl-istess qorti li tkun ħarġet id-deċiżjoni.

Jekk id-deċiżjoni tkun ttieħdet minn Qorti tal-Ewwel Istanza jew minn Qorti Kummerċjali, it-terminu biex jiġi ppreżentat appell huwa ta' 20 jum u l-appell jinstema’ mill-Qorti Provinċjali. Jekk id-deċiżjoni tittieħed minn qorti oħra, l-appell irid jiġi ppreżentat fi żmien ħamest ijiem u jinstema’ mill-istess qorti.

It-terminu għall-preżentazzjoni ta' appell jibda meta tiġi nnotifikata d-deċiżjoni.

Artikolu 50(1)(n) — Tariffi tal-Qorti

Ma hemm l-ebda tariffa tal-qorti, ħlief fil-mument tal-preżentazzjoni ta' appell meta jintalab depożitu fil-każijiet u fil-manjiera stipulati fid-Dispożizzjoni Addizzjonali 15 tal-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura (Ley Orgánica del Poder Judicial, "LOPJ").

Artikolu 50(1)(o) — Il-lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti

Mhux applikabbli.

L-aħħar aġġornament: 26/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.