Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet

Portugall

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Portugall

Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet


*input mandatarju

Artikolu 50(1)(a) — Qrati kompetenti biex joħorġu l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet

Skont il-ġurisdizzjoni tal-qrati abbażi tas-suġġett u tal-valur, skont kif iddeterminat mil-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja (il-Liġi Nru 62/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013), il-qrati b’kompetenzi fil-proċeduri tal-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet huma dawn li ġejjin, f’każijiet li jirrigwardaw il-qasam ta’ ġurisdizzjoni rispettiv tal-qrati:

  • Id-diviżjonijiet ċivili ċentrali (Juízos Centrais Cíveis);
  • Id-diviżjonijiet lokali ċivili (Juízos Locais Cíveis) u d-diviżjonijiet b’ġurisdizzjoni ġenerali (Juízos de competência genérica);
  • Id-diviżjonijiet tal-familja u tal-minorenni (Juízos de família e menores);
  • Id-diviżjonijiet tax-xogħol (Juízos do Trabalho);
  • Id-diviżjonijiet kummerċjali (Juízos de Comércio);
  • Id-diviżjonijiet tal-eżekuzzjoni (Juízos de Execução);
  • Il-Qorti tal-Proprjetà Intellettwali (Tribunal da Propriedade Intelectual);
  • Il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tar-Regolamentazzjoni u tas-Superviżjoni (Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão);
  • Il-Qorti Marittima (Tribunal Marítimo).

Artikolu 50(1)(b) — l-awtorità nominata bħala kompetenti biex tikseb informazzjoni dwar il-kontijiet

L-Ordni tas-Solicitors u tal-Aġenti tal-Eżekuzzjoni (A Ordem dos Solicitadores e Agentes de Execução (OSAE)).

Rua Artilharia 1, no 63

1250-038 Lisbon

Tel.: (+351) 213894200

Faks: (+351) 213534870

E-mail: geral@osae.pt

http://osae.pt/pt/pag/osae/osae/1/1/1/1

Artikolu 50(1)(c) — Metodi għall-ksib ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet

Il-metodi segwenti huma previsti skont il-liġi nazzjonali:

  • Il-banek kollha fil-Portugall huma obbligati li jiżvelaw jekk id-debitur għandux kont magħhom (l-Artikolu 14(5)(a));
  • L-awtorità tal-informazzjoni tista’ taċċessa kull informazzjoni rilevanti fil-pussess tal-amministrazzjonijiet jew tal-awtoritajiet pubbliċi fir-reġistri jew fi mkejjen oħra (l-Artikolu 14(5)(b)).

Dawn il-metodi huma stipulati fl-Artikolu 749 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u rregolati permezz tal-Artikolu 17 tad-Digriet Ministerjali ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2013 tad-29 ta’ Awwissu 2013, kif emendat l-aħħar.

Sabiex l-awtorità kompetenti (l-Ordni tas-Solicitors u tal-Aġenti tal-Eżekuzzjoni, OSAE) ikollha aċċess għall-informazzjoni dwar l-eżistenza tal-kontijiet fil-Portugall, tintbagħat talba lill-Bank tal-Portugall. Fil-Portugall, dawn it-talbiet għall-informazzjoni jistgħu jsiru biss bl-użu tan-numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa (NIF) tad-debitur jew tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-persuna ġuridika (NIPC). Għaldaqstant, sabiex it-talbiet jiġu pproċessati f’qasir żmien, huwa rrakkomandat li fihom ikun hemm din l-informazzjoni li ġejja:

  • in-numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa (NIF) tad-debitur jew,
  • in-numru ta’ identifikazzjoni tal-persuna ġuridika (NIPC), jekk id-debitur ikun impriża,
  • l-indirizz tad-debitur.

Artikolu 50(1)(d) — Qrati li quddiehom jista' jsir appell kontra rifjut li tinħareġ l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet

Il-qrati tal-appell għandhom il-ġurisdizzjoni li jisimgħu l-appelli.

Madankollu, skont il-liġi nazzjonali, l-appell irid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti li tkun ħarġet id-deċiżjoni kkontestata.

Artikolu 50(1)(e) — Awtoritajiet nominati bħala kompetenti biex jirċievu, jittrażmettu jew iservu l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet u dokumenti oħra

  • Il-Qrati, speċifikament l-uffiċjali tal-qorti;
  • L-Ordni tas-Solicitors u tal-Aġenti tal-Eżekuzzjoni (OSAE), speċifikament l-aġenti tal-eżekuzzjoni.

F’termini ġenerali, l-aġenti tal-eżekuzzjoni għandhom is-setgħa li jwettqu n-notifiki neċessarji.

F’konformità mal-liġi proċedurali tal-Portugall, l-uffiċjali tal-qorti jintervjenu biss fis-sitwazzjonijiet segwenti:

  • Eżekuzzjonijiet li fihom l-Istat ikun il-kreditur.
  • Eżekuzzjonijiet li fihom l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Ministério Público) ikun qed jirrappreżenta lill-kreditur.
  • Meta ma jkun hemm l-ebda “aġent tal-eżekuzzjoni” fid-distrett li fih ikun hemm pendenti l-proċedimenti tal-eżekuzzjoni u l-użu ta’ “aġent tal-eżekuzzjoni” minn distrett ieħor iwassal għal spejjeż sproporzjonati. Dan l-intervent jiġi deċiż minn imħallef, fuq talba tal-kreditur.
  • Jekk il-passi proċedurali neċessarji jkunu jinkludi spejjeż sproporzjonati għall-ivvjaġġar u ma jkun hemm l-ebda “aġent tal-eżekuzzjoni” fiż-żona li fiha jitqiesu li qed iseħħu dawn il-passi proċedurali. Dan l-intervent jiġi deċiż minn imħallef, fuq talba tal-“aġent tal-eżekuzzjoni”.
  • Eżekuzzjonijiet b’valur ta’ EUR 10 000 jew anqas, jekk il-kredituri jkunu individwi u jekk it-talba ma tkunx tirrigwarda attività kummerċjali jew industrijali, dment li l-intervent jintalab fir-rikors għall-eżekuzzjoni u li jitħallsu l-ispejjeż proċedurali rilevanti.
  • Eżekuzzjonijiet b’valur ta’ EUR 30 000 jew anqas, jekk it-talba tkun relatata mal-okkupazzjoni u l-parti li tkun qed titlob għal eżekuzzjoni titlob għall-intervent fir-rikors għall-eżekuzzjoni u tħallas l-ispejjeż proċedurali rilevanti.

Artikolu 50(1)(f) — Awtorità kompetenti biex toħroġ l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet

L-Ordni tas-Solicitors u tal-Aġenti tal-Eżekuzzjoni (OSAE).

Artikolu 50(1)(g) — Il-punt sa fejn il-kontijiet konġunti jew ta' mandatarju jistgħu jiġu preżervati

Skont il-liġi tal-Portugall, jiġi preżunt li l-partijiet ikollhom sehem ugwali fil-kreditu, b’tali mod li, sakemm ma jkunx hemm evidenza kuntrarja, wieħed jassumi li kull depożitant għandu tiegħu nofs il-fondi depożitati fil-kont (l-Artikoli 513 u 516 tal-Kodiċi Ċivili). Għaldaqstant, l-ordni ta’ preservazzjoni tirrigwarda s-sehem tad-debitur fil-kont konġunt, filwaqt li jkun preżunt li l-ishma huma ugwali (l-Artikolu 780(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili - CPC).

Din il-preżunzjoni tista’ tinqaleb billi tingħata evidenza kuntrarja; trid tingħata prova li l-fondi ddepożitati fil-kont bankarju jappartjenu għal detentur tal-kont wieħed biss jew lil wieħed mid-detenturi tal-kont, jew li dawn għandhom ishma differenti fil-kont, jew saħansitra li l-fondi jappartjenu għal terzi.

Jekk l-ordni ta’ preservazzjoni tkun ippreżentata biss kontra wieħed mill-konjuġi, iżda jkun issekwestrat kont konġunt tat-tnejn li huma billi jkun mifhum li d-debitur ma għandux biżżejjed assi, il-konjuġi tal-persuna fil-konfront ta’ liema tkun ġiet ippreżentata l-ordni ta’ preservazzjoni jrid jiġi mħarrek / trid tiġi mħarrka sabiex tintalab is-separazzjoni tal-beni jew ikun iddikjarat li jaċċettaw il-kondiviżjoni tad-dejn; dan isir b’talba tal-konjuġi fil-konfront ta’ liema tkun ġiet ippreżentata l-ordni ta’ preservazzjoni. Jekk l-ordni ta’ preservazzjoni kienet ippreżentata biss kontra wieħed mill-konjuġi u kontra kont miżmum f’ismu/isimha biss, dan/din il-konjuġi jista’/tista’ ssostni li d-dejn huwa kondiviż, f’liema każ imbagħad tinħareġ ordni ta’ preservazzjoni kontra l-kont konġunt tal-konjuġi, jekk ikollhom wieħed (l-Artikolu 740(1), l-Artikolu 741(1) u l-Artikolu 742(1) tas-CPC).

Jekk id-detentur tal-kont ikun ukoll id-debitur, iżda l-fondi fil-kont ikunu presumibbilment ta’ terza persuna, it-terza persuna tista’ tagħmel l-oġġezzjonijiet (l-Artikolu 342(1) CPC). Jekk allegatament id-debitur ikun sid il-fondi ddepożitati f’kont miżmum minn terza persuna, it-terza persuna tista’ tappella mill-ordni ta’ preservazzjoni jew tagħmel oġġezzjonijiet, tippreżenta evidenza fattwali jew tagħti prova li ma tkunx tqieset mill-qorti u li tista’ timmina r-raġunijiet għall-ordni ta’ preservazzjoni (l-Artikolu 372(1) CPC). Fl-ewwel sitwazzjoni, tkun it-terza persuna li tipprova timpedixxi s-sekwestru tal-fondi, filwaqt li fit-tieni sitwazzjoni, ikun id-debitur li jipprova jimpedixxi s-sekwestru.

Artikolu 50(1)(h) — Ir-regoli applikabbli għall-ammonti eżenti minn qbid

F’konformità mal-Artikolu 391(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (CPC), id-dispożizzjonijiet applikabbli għas-sekwestru, adattati skont kif meħtieġ, japplikaw għall-ordnijiet ta’ preservazzjoni.

Is-sekwestru jrid ikun limitat għall-assi meħtieġa biex jitħallas id-dejn eżekutorju u l-ispejjeż mistennija tal-eżekuzzjoni (l-Artikolu 735(3) CPC).

F’konformità mal-Artikolu 738 CPC, is-segwenti huma eżenti mis-sekwestru: żewġ terzi tad-dħul nett, salarji, ammonti perjodiċi riċevuti bħala pensjoni tal-irtirar jew kull benefiċċju soċjali ieħor, assigurazzjoni, annwalità jew indennizz għall-inċidenti, jew kull pagament ieħor ta’ natura simili li jiggarantixxi l-għajxien tad-debitur. Għall-finijiet tal-ikkalkular tal-parti likwida tal-pagamenti msemmija hawn fuq, jitqiesu biss il-kontribuzzjonijiet li huma rikjesti bil-liġi. L-ammont massimu eżenti mis-sekwestru huwa ekwivalenti għal tliet pagi minimi nazzjonali fil-waqt ta’ kull sekwestru; jekk id-debitur ma jkollu ebda introjtu ieħor, l-ammont minimu eżenti huwa l-ekwivalenti ta’ paga minima nazzjonali waħda.

Fil-każ speċifiku tal-ordni ta’ sekwestru tal-kontijiet bankarji, ammont totali li jikkorrispondi għall-paga minima nazzjonali jkun eżenti mis-sekwestru.

Fid-dawl ta’ dan l-ammont, it-tip ta’ dejn pendenti, il-ħtiġijiet tal-persuni li tintalab eżekuzzjoni kontrihom u ċ-ċirkostanzi familjari tagħhom, bit-talba tal-persuna li tintalab eżekuzzjoni kontriha, l-imħallef jista’ b’eċċezzjoni jnaqqas l-ammont sekwestrabbli tal-introjtu, għal kemm jidhirlu li jkun raġonevoli (iżda mhux għal aktar minn sena) u jista’ jeżentah ukoll mis-sekwestru.

Fl-aħħar nett, id-depożiti bankarji huma eżenti mis-sekwestru jekk jirriżultaw minn pagament biex jinfeda self mhux sekwestrabbli, f’konformità mal-Artikolu 739 CPC.

Artikolu 50(1)(i) — Tariffi, jekk imposti mill-banek, għall-implimentazzjoni ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti jew biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kontijiet, u informazzjoni dwar il-parti responsabbli biex iħallas dawk it-tariffi

Il-banek għandhom id-dritt li jkunu remunerati biss għas-servizzi li jipprovdu f’każijiet li fihom il-kreditur ikun impriża kummerċjali li, fis-sena preċedenti, ikun ippreżenta 200 rikors jew aktar għal miżuri proviżorji f’qorti, uffiċċju ġudizzjarju tar-reġistrar jew punt ta’ kuntatt (l-Artikolu 780(12) CPC).

Id-Digriet ta’ Implimentazzjoni Nru 202/2011 tal-20 ta’ Mejju 2011, kif emendat l-aħħar, jistipula l-livell, il-metodi ta’ pagament u rkupru, u d-distribuzzjoni tal-ammonti relatati ma’ din ir-remunerazzjoni.

Din ir-remunerazzjoni tirrigwarda l-ispejjeż imġarrba fil-każ li huma r-responsabbiltà unika tal-kreditur u ma tinkludix it-tariffi u l-ispejjeż tal-aġent tal-eżekuzzjoni jew l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni; u lanqas ma tista’ tiġi reklamata bħala spejjeż tal-partijiet (l-Artikolu 1(2) tad-Digriet ta’ Implimentazzjoni Nru 202/2011 tal-20 ta’ Mejju 2011).

F’każ ta’ ordni ta’ sekwestru tal-fondi f’kont tal-bank f’isem il-persuna li tintalab eżekuzzjoni kontriha, ikunu dovuti wieħed fuq ħamsa (1/5) ta’ unità tal-kont, li jammontaw għal EUR 20.40.

Jekk ma jkunx possibbli li ssir ordni ta’ sekwestru (meta ma jkun hemm l-ebda kont tal-bank jew fondi fil-bank f’isem il-persuna li tintalab eżekuzzjoni kontriha), ikunu dovuti wieħed fuq għaxra (1/10) ta’ unità tal-kont, li jammontaw għal EUR 10.20.

Artikolu 50(1)(j) – l-iskala ta’ tariffi jew sett ieħor ta’ regoli li jistabbilixxu t-tariffi applikabbli imposti minn kwalunkwe awtorità jew korp ieħor involut fl-ipproċessar jew l-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni

Fil-Portugall, l-informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank tingħata mill-banek skont il-kundizzjonijiet, u fl-ammonti msemmija fl-Artikolu 50(1)(i).

Iridu jitħallsu t-tariffi segwenti għall-ipproċessar jew għall-eżekuzzjoni tal-Ordni ta’ Preservazzjoni:

  • EUR 25 jekk id-debitur ikollu domiċilju fl-Istat Membru ta’ oriġini;
  • EUR 51 jekk id-debitur ikollu domiċilju fl-Istat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' oriġini.

Artikolu 50(1)(k) — Gradazzjoni, jekk ikun hemm, ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti

Mhux applikabbli.

Artikolu 50(1)(l) — Qrati jew awtorità ta' eżekuzzjoni kompetenti biex tagħti rimedju

L-appelli minn ordni ta’ preservazzjoni skont l-Artikolu 33(1):

  • Il-qorti b’ġurisdizzjoni li tisma’ u tiddeċiedi dwar appell hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li tkun tat l-ordni ta’ preservazzjoni.

L-appelli mill-eżekuzzjoni ta’ preservazzjoni skont l-Artikolu 34:

  • F’eżekuzzjonijiet b’valur ta’ aktar minn EUR 50 000*, id-Diviżjonijiet Ċentrali Ċivili;
  • F’eżekuzzjonijiet b’valur ta’ EUR 50 000* jew anqas, id-Diviżjonijiet Lokali Ċivili jew, jekk dawn ma jkunux jeżistu, id-Diviżjonijiet b’ġurisdizzjoni ġenerali.

* Dan l-ammont jinkludi l-prinċipal u l-imgħax /il-penali kkalkulati sa dakinhar tal-preżentazzjoni tal-ordni ta’ preservazzjoni.

Artikolu 50(1)(m) — Qrati li quddiemhom għandhom jiġi ppreżentat appell u l-limitu ta’ żmien, jekk ikun il-każ, biex jiġi ppreżentat l-appell

L-appelli jridu jiġu ppreżentati lill-qorti li tkun ħarġet id-deċiżjoni li minnha jkun qed isir l-appell (l-Artikolu 637(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Wara li jiġu ppreżentati, l-appelli jiġu rinvijati għall-kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Appell (Tribunal da Relação).

Il-limitu ta’ żmien biex jiġi ppreżentat appell huwa ta’ 15-il jum min-notifika tad-deċiżjoni (l-Artikoli 638(1) u 363(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Artikolu 50(1)(n) — Tariffi tal-Qorti

  • Fil-kuntest ta’ miżuri interim, il-parti rikjedenti trid tħallas l-ispejjeż proċedurali ta’ EUR 306.
  • F’każ ta’ appell minn deċiżjoni, il-parti rikjedenti tista’ tħallas bejn EUR 306 u EUR 612 fi spejjeż proċedurali.

F’konformità mal-Artikolu 145(1) CPC, l-ispejjeż proċedurali jridu jitħallsu fil-bidu tal-proċedimenti rispettivi.

It-Tabelli II u III, imsemmija fl-Artikolu 7(1), (4), (5) u (7) tar-Regolament dwar l-Ispejjeż Proċedurali (il-Digriet Amministrattiv Nru 34/2008 tas-26 ta’ Frar 2008), jinsab hawnhekk: http://data.dre.pt/eli/dec-lei/34/2008/p/cons/20161228/pt/html

Artikolu 50(1)(o) — Il-lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti

Mhux applikabbli.

L-aħħar aġġornament: 26/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.