Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

Artikolu 50(1)(a) — Qrati kompetenti biex joħorġu l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet

Il-Qrati Ċivili Distrettwali (Eirinodikeía) u l-Qrati tal-Ewwel Istanza (Protodikeía).

Artikolu 50(1)(b) — l-awtorità nominata bħala kompetenti biex tikseb informazzjoni dwar il-kontijiet

Is-Sistema tar-Reġistri tal-Kontijiet Bankarji u l-Kontijiet tal-Ħlas (Sýstima Mitróon Trapezikón Logariasmón kai Logariasmón Pliromón) tal-Ministeru tal-Finanzi.

Is-Segretarjat Ġenerali għas-Sistemi tal-IT (Genikí Grammateía Pliroforiakón Systimáton), il-Ministeru tal-Finanzi, posta elettronika: gen-gramm@gsis.gr, tel. 0030-210 4802000, 0030-210 4803284, 0030-210 4803267.

Artikolu 50(1)(c) — Metodi għall-ksib ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet

Is-Sistema tar-Reġistri tal-Kontijiet Bankarji u l-Kontijiet tal-Ħlas tal-Ministeru tal-Finanzi nħolqot biex jiġu trażmessi talbiet għall-informazzjoni mill-awtoritajiet, is-servizzi, il-korpi tas-settur pubbliku u korpi oħrajn għall-istituzzjonijiet ta' kreditu. Dawn it-talbiet jintbagħtu b’mod elettroniku permezz ta' entità terza sikura (Tiresias) lill-istituzzjonijiet ta' kreditu, li jibagħtu t-tweġibiet tagħhom bid-dettalji tal-kont permezz tal-istess kanal (l-Artikolu 14(5)(a)).

Artikolu 50(1)(d) — Qrati li quddiehom jista' jsir appell kontra rifjut li tinħareġ l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet

Ċaħda min-naħa tal-imħallef tal-Qorti Ċivili Distrettwali tista' tiġi appellata lill-Qorti tal-Ewwel Istanza b'Membru Wieħed (Monomelés Protodikeío), u ċaħda min-naħa tal-Qorti tal-Ewwel Istanza b'Membru Wieħed tista' tiġi appellata lill-Qorti tal-Appell (Efeteío).

Artikolu 50(1)(e) — Awtoritajiet nominati bħala kompetenti biex jirċievu, jittrażmettu jew iservu l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet u dokumenti oħra

L-awtorità kompetenti għat-trażmissjoni hija l-Qorti tal-Ewwel Istanza. L-uffiċjali ġudizzjarji (dikastikoí epimelités) huma responsabbli li jirċievu u jinnotifikaw l-ordni ta' preservazzjoni u dokumenti oħrajn.

Artikolu 50(1)(f) — Awtorità kompetenti biex toħroġ l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet

L-uffiċjali ġudizzjarji.

Artikolu 50(1)(g) — Il-punt sa fejn il-kontijiet konġunti jew ta' mandatarju jistgħu jiġu preżervati

Kontijiet konġunti biss jistgħu jiġu ppreservati, kontijiet b'mandatarju le. Ma tapplika l-ebda kundizzjoni oħra għall-preservazzjoni ta' kontijiet konġunti.

Artikolu 50(1)(h) — Ir-regoli applikabbli għall-ammonti eżenti minn qbid

L-Artikolu 982(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (Kódikas Politikís Dikonomías) jistipula li talbiet għal manteniment, salarji, pensjonijiet, benefiċċji tal-assigurazzjoni, eċċ. huma eżentati mis-sekwestru. Ma hemm l-ebda ħolqa għall-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili fuq l-internet. L-ammonti ta’ hawn fuq huma eżenti mis-sekwestru mingħajr bżonn li d-debitur iressaċ rikors.

Artikolu 50(1)(i) — Tariffi, jekk imposti mill-banek, għall-implimentazzjoni ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti jew biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kontijiet, u informazzjoni dwar il-parti responsabbli biex iħallas dawk it-tariffi

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika li tirregola l-kwistjoni ta' kemm jinżamm għall-ispejjeż u t-tariffi tal-preservazzjoni jew tas-sekwestru ta' kont bankarju jew l-għoti tad-dettalji tal-kont. Madankollu, l-Assoċjazzjoni Bankarja Ellenika (Ellinikí Énosi Trapezón) tqis li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma intitolati jitolbu l-pagament tal-ispejjeż kif stipulat espliċitament, mutatis mutandis, fl-Artikoli 30A u 30B tal-Kodiċi tal-Ġbir ta' Introjtu Pubbliku (Kódikas Eispráxeos Dimosíon Esódon (KEDE) - Digriet Leġiżlattiv Nru 356/1974, kif emendat u fis-seħħ).

Artikolu 50(1)(j) – l-iskala ta’ tariffi jew sett ieħor ta’ regoli li jistabbilixxu t-tariffi applikabbli imposti minn kwalunkwe awtorità jew korp ieħor involut fl-ipproċessar jew l-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni

L-Awtorità Indipendenti għall-Introjtu Pubbliku (Anexártiti Archí Dimosíon Esódon) ma titlob l-ebda ħlas għall-involviment tagħha fl-ipproċessar tal-Ordni ta' Preservazzjoni. Billi l-eżekuzzjoni tal-Mandat issir mill-uffiċjali ġudizzjarji, jitolbu ħlas direttament mingħand kull wieħed mill-prinċipali tagħhom. Ma hemm l-ebda ħolqa għal sit fuq l-internet li jikkonċerna t-tariffi tal-uffiċjali ġudizzjarji. Il-Ministeru tal-Finanzi ma jżommx flus biex jipprovdi informazzjoni dwar kontijiet skont l-Artikolu 14.

Artikolu 50(1)(k) — Gradazzjoni, jekk ikun hemm, ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti

L-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet tiġi ttrattata bħala ekwivalenti tal-miżura kawtelatorja (asfalistikó métro) skont il-liġi nazzjonali. Ma hemm l-ebda klassifikazzjoni applikata għall-mandati nazzjonali ekwivalenti.

Artikolu 50(1)(l) — Qrati jew awtorità ta' eżekuzzjoni kompetenti biex tagħti rimedju

Il-qorti kompetenti li tagħti rimedju hija l-qorti li tkun ħarġet l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet; jiġifieri l-imħallef tal-Qorti Ċivili Distrettwali għal talbiet li huma kompitu tal-Qorti Ċivili Distrettwali u l-imħallef tal-Qorti tal-Ewwel Istanza b'Membru Wieħed għal kull talba oħra. Fir-rigward tar-rimedji legali msemmija fl-Artikolu 34(1) u (2), il-qorti kompetenti għal ammonti ta' sa EUR 20 000 hija l-Qorti Ċivili Distrettwali. Il-qorti kompetenti għal ammonti 'l fuq minn EUR 20 000 hija l-Qorti tal-Ewwel Istanza.

Artikolu 50(1)(m) — Qrati li quddiemhom għandhom jiġi ppreżentat appell u l-limitu ta’ żmien, jekk ikun il-każ, biex jiġi ppreżentat l-appell

Ċaħda min-naħa tal-imħallef tal-Qorti Ċivili Distrettwali tista' tiġi appellata lill-Qorti tal-Ewwel Istanza b'Membru Wieħed, u ċaħda min-naħa tal-Qorti tal-Ewwel Istanza b'Membru Wieħed tista' tiġi appellata lill-Qorti tal-Appell. L-appelli jridu jiġu ppreżentati fi żmien 30 jum min-notifika tad-deċiżjoni dwar id-debitur.

Artikolu 50(1)(n) — Tariffi tal-Qorti

It-tariffi tal-qorti jiġu kkalkulati bħala madwar erba’ minn kull elf tal-ammont mitlub. Dan il-kalkolu japplika kemm għal kawżi biex jinkiseb mandat u kemm għal kawżi għal kull rimedju legali kontra l-mandat.

Artikolu 50(1)(o) — Il-lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti

Id-dokumenti jiġu aċċettati bil-Grieg biss.

L-aħħar aġġornament: 17/09/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.