Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet

Artikolu 50(1)(a) — Qrati kompetenti biex joħorġu l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet

Qorti Distrettwali ta’ Helsinki

Porkkalankatu 13

FI – 00180 Helsinki

Indirizz postali:

Box 650

FI – 00181 Helsinki

Tel:: +358 2956 44200 (swiċċbord)

Faks: +358 29 2956 44218

Posta elettronika: helsinki.ko@oikeus.fi

Artikolu 50(1)(b) — l-awtorità nominata bħala kompetenti biex tikseb informazzjoni dwar il-kontijiet

Il-bailiff huwa l-awtorità kompetenti biex tinkiseb informazzjoni dwar il-kont. It-talba għal informazzjoni dwar il-kont tista’ tintbagħat jew direttament lill-bailiff jew lill-Uffiċċju Nazzjonali Amministrattiv għall-Eżekuzzjoni (Valtakunnanvoudinvirasto), li jibgħatha lill-bailiff.

Dettalji ta’ kuntatt tal-Uffiċċju Nazzjonali Amministrattiv għall-Eżekuzzjoni:

National Administrative Office for Enforcement

Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet

Box 330

FI-20101 Turku

Finlandja

Tel.: +358 29 2956 65150

Faks: +358 29 2956 65159

Posta elettronika: vvv@oikeus.fi

Dettalji ta’ kuntatt tal-bailiff

Il-bailiffs jaħdmu f’uffiċċji għall-eżekuzzjoni. L-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawn l-uffiċċji huma disponibbli bil-Finlandiż, bl-Iżvediż u f’xi każijiet bl-Ingliż, onlajn, fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzjahttps://oikeus.fi/fi/.

Artikolu 50(1)(c) — Metodi għall-ksib ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet

Kif wieħed jikseb informazzjoni tal-kont disponibbli skont il-liġi Finlandiża huwa stipulat fl-Artikolu 14(5)(a) tar-Regolament (il-banek kollha fit-territorju Finlandiż għandhom l-obbligu li jiżvelaw, fuq talba mill-awtorità ta’ informazzjoni (jiġifieri l-bailiff), jekk id-debitur għandux kont magħhom).

Artikolu 50(1)(d) — Qrati li quddiehom jista' jsir appell kontra rifjut li tinħareġ l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet

Appell mid-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Helsinki jista’ jsir quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Helsinki. Ir-rikors tal-appell għandu jiġi indirizzat lill-Qorti tal-Appell ta’ Helsinki u għandu jintbagħat lir-reġistru tal-qorti distrettwali li tat dik id-deċiżjoni, jiġifieri l-Qorti Distrettwali ta’ Helsinki. Għad-dettalji ta’ kuntatt tal-Qorti Distrettwali ta’ Helsinki ara l-Artikolu 50(1)(a).

Artikolu 50(1)(e) — Awtoritajiet nominati bħala kompetenti biex jirċievu, jittrażmettu jew iservu l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet u dokumenti oħra

L-Artikolu 10(2): L-awtorita’ li għandha l-kompetenza biex tirrevoka jew ittemm l-Ordni ta’ Preservazzjoni huwa l-bailiff. Il-formola tar-revoka tista’ tintbagħat jew direttament lill-bailiff jew lill-Uffiċċju Nazzjonali Amministrattiv għall-Eżekuzzjoni (Valtakunnanvoudinvirasto), li jibgħatha lill-bailiff (ara l-Artikolu 50(1)(b)).

L-Artikolu 23(3): Jekk l-Ordni ta’ Preservazzjoni inħarġet fil-Finlandja, (il-Finlandja huwa l-pajjiż tal-oriġini), il-qorti li ħarġitu (jiġifieri l-Qorti Distrettwali ta’ Helsinki) hija responsabbli għat-twassil tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament (ara l-Artikolu 50(1)(a)).

Jekk l-Ordni ta’ Preservazzjoni għandha tiġi eżegwita fil-Finlandja (il-Finlandja hija l-istat ta’ eżekuzzjoni), il-bailiff huwa l-awtorità kompetenti tal-istat ta’ eżekuzzjoni. Id-dokumenti meħtieġa għall-eżekuzzjoni jistgħu jintbgħatu jew direttament lill-bailiff jew lill-Uffiċċju Nazzjonali Amministrattiv għall-Eżekuzzjoni (Valtakunnanvoudinvirasto), li jibgħatuhom lill-bailiff (ara l-Artikolu 50(1)(f)).

L-Artikolu 23(5): Ara t-tweġiba għall-Artikolu 50(1)(f).

L-Artikolu 23(6): Ara t-tweġiba għall-Artikolu 50(1)(f).

L-Artikolu 23(3): Il-bailiff responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-Ordni ta’ Preservazzjoni joħroġ id-dikjarazzjoni dwar il-preservazzjoni tal-fondi, msemmija fl-Artikolu 25, u jibgħatha lill-qorti li ħarġet l-Ordni ta’ Preservazzjoni u lill-kreditur.

L-Artikolu 27(2): L-awtorità kompetenti għar-rilaxx ta’ ammonti żejda li ġew preservati huwa l-bailiff responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-Ordni ta’ Preservazzjoni. Il-formola tar-revoka tista’ tintbagħat jew direttament lill-bailiff li ħareġ id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 25 jew lill-Uffiċċju Nazzjonali Amministrattiv għall-Eżekuzzjoni (Valtakunnanvoudinvirasto), li jibgħatha lill-bailiff (ara l-Artikolu 50(1)(b)).

L-Artikolu 28(3): Jekk il-Finlandja hija l-pajjiż tal-oriġini, ir-responsabblità għan-notifika u għat-trażmissjoni tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 28(1) lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn għandu d-domiċilju d-debitur hija tal-qorti li ħarġet l-Ordni ta’ Preservazzjoni, jiġifieri l-Qorti Distrettwali ta’ Helsinki.

Jekk id-debitur huwa domiċiljat fil-Finlandja, l-awtorità kompetenti għan-notifika tiddependi minn jekk il-kontijiet bankarji li jridu jiġu ppreservati humiex il-Finlandja. Jekk il-kontijiet bankarji li jridu jiġu ppreservati qiegħdin il-Finlandja, l-awtorità kompetenti għan-notifika huwa l-bailiff. F’dak il-każ, id-dokumenti li jridu jiġu nnotifikati jistgħu jintbagħtu jew direttament lill-bailiff jew lill-Uffiċċju Nazzjonali Amministrattiv għall-Eżekuzzjoni (Valtakunnanvoudinvirasto), li jibgħathom lill-bailiff. Jekk il-kontijiet bankarji li jridu jiġu ppreservati mhux qiegħdin il-Finlandja, l-awtorità kompetenti għan-notifika hija l-Qorti Distrettwali ta’ Helsinki.

L-Artikolu 36(5), it-tieni subparagrafu: L-awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar rimedju huwa l-bailiff. Id-deċiżjoni dwar rimedju tista’ tintbagħat jew direttament lill-bailiff jew lill-Uffiċċju Nazzjonali Amministrattiv għall-Eżekuzzjoni (Valtakunnanvoudinvirasto), li jibgħatha lill-bailiff.

Artikolu 50(1)(f) — Awtorità kompetenti biex toħroġ l-Ordni Ewropea tal-Preżervazzjoni tal-Kontijiet

L-awtorità kompetenti għall-eżekuzzjoni ta’ miżuri kawtelatorji (mandati) fil-Finlandja huwa l-bailiff. Jekk il-Finlandja hija l-istat ta’ eżekuzzjoni, id-dokumenti meħtieġa għall-eżekuzzjoni, imsemmija fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament, jistgħu jintbagħtu jew direttament lill-bailiff jew lill-Uffiċċju Nazzjonali Amministrattiv għall-Eżekuzzjoni (Valtakunnanvoudinvirasto), li jibgħathom lill-bailiff. (ara l-Artikolu 50(1)(b))

Artikolu 50(1)(g) — Il-punt sa fejn il-kontijiet konġunti jew ta' mandatarju jistgħu jiġu preżervati

Is-sekwestru tal-propjetà mobbli, bħal flus kontanti miżmuma f’kontijiet bankarji, isir skont il-Kapitolu 8, Artikolu 7 tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni (705/2007) u jħares ukoll, fejn japplikaw, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 4 dwar il-qbid.

Skont il-Kapitolu 4, Artikolu 11, tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni, il-propjetà mobbli li qiegħda b’mod konġunt għand id-debitur u parti terza titqies li hija tagħhom f’sehem indaqs, sakemm il-parti terza ma turix, jew hija ċara mod ieħor, li hija l-sid uniku tal-propjetà jew għandha l-ikbar sehem minn dik il-propjetà. Abbażi ta’ din il-preżunzjoni dwar id-dritt tas-sjieda, nofs il-fondi f’kont bankarju miżmum b’mod konġunt minn debitur u parti terza jitqiesu li huma tad-debitur, jiġifieri li dan in-nofs jista’ jkun soġġett għal miżura ta’ preservazzjoni (barra l-ammonti eżenti mill-preservazzjoni skont l-Artikolu 31).

Il-preżunzjoni ta’ sjieda konġunta tieqaf tapplika, madankollu, jekk joħroġ li l-assi kienu fil-fatt il-propjetà kollha tad-debitur jew ta’ parti terza, jew li ma kellhomx sehem indaqs. Il-partijiet terzi li jsostnu li huma l-propjetarji waħdiena jew li huma sidien ta’ aktar minn nofs l-assi għandhom iġibu prova ta’ dan.

Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni: http://www.finlex.fi/fi/laki/ajantasa/2007/20070705

Artikolu 50(1)(h) — Ir-regoli applikabbli għall-ammonti eżenti minn qbid

Skont il-Kapitolu 4, l-Artikolu 21(1) punt 6 tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni, f’każ ta’ debitur li huwa persuna fiżika, jiġi separat ammont mis-sekwestru li huwa ugwali għal darba u nofs il-porzjoni protetta tal-assi fi flus kontanti tad-debitur jew propjetà oħra msemmija fl-Artikolu 48, għal perjodu ta’ xahar, sakemm id-debitur ma għandux iktar dħul korrispondenti.

Skont il-Kapitolu 4, l-Artikolu 48(3), l-ammont tal-porzjoni protetta jiġi rivedut annwalment mid-Digriet tal-Ministeru tal-Ġustizzja, kif provdut fl-Att dwar l-Indiċi tal-Pensjonijiet Nazzjonali (456/2001). Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet 1123/2019 tal-Ministeru tal-Ġustizzja li jiddetermina l-porzjoni protetta fis-sekwestru ta’ pagi jew salarji mħallsa perjodikament, il-porzjoni protetta tad-debitur fl-2020 hija ta’ EUR 22.63 kuljum għad-debitur innifsu u EUR 8.12 kuljum għal konjuġi dipendenti, għat-tfal jew għat-tfal tal-konjuġi sad-data li jmiss tal-ħlas tal-paga jew salarju. Għall-għanijiet ta’ kalkolu tal-porzjoni protetta, xahar jikkorispondi għal 30 ġurnata.

Konjuġi jfisser sieħeb miżżewweġ jew sieħeb mhux miżżewweġ li jgħix f’relazzjoni ekwivalenti għaż-żwieġ. Dawk li jitqiesu bħala dipendenti fuq id-debitur għall-manteniment huma persuna li għandha dħul li huwa inqas mill-porzjoni protetta ikkalkulata għad-debitur innifsu u għat-tfal f’pożizzjoni simili, irrispettivament minn jekk is-sieħeb l-ieħor iħallas ukoll għall-manteniment tat-tfal. Il-manteniment imħallas mid-debitur jista’ jiġi meqjus kif provdut fil-Kapitolu 4, Artikoli 51-53 tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni.

L-ammont imsemmi hawn fuq jiġi eżentat mis-sekwestru mingħajr l-ebda talba mid-debitur; il-baliff responsabbli għall-Ordni ta’ Preservazzjoni u għall-eżenzjoni ta’ dawn l-ammonti huwa għalhekk meħtieġ, skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament biex jeżenta l-ammont rilevanti mill-preservazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess.

Artikolu 50(1)(i) — Tariffi, jekk imposti mill-banek, għall-implimentazzjoni ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti jew biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kontijiet, u informazzjoni dwar il-parti responsabbli biex iħallas dawk it-tariffi

Taħt il-liġi Finlandiża l-banek ma għandhomx dritt jitlobu l-ħlas ta’ tariffi biex jimplimentaw ordnijiet nazzjonali ekwivalenti jew biex jagħtu informazzjoni dwar il-kontijiet.

Artikolu 50(1)(j) – l-iskala ta’ tariffi jew sett ieħor ta’ regoli li jistabbilixxu t-tariffi applikabbli imposti minn kwalunkwe awtorità jew korp ieħor involut fl-ipproċessar jew l-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni

Il-bailiffs iżommu tariffa ta’ EUR 225 għall-eżekuzzjoni ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni. It-tariffa hija regolat mill-Artikolu 2(5) tal-Att dwar it-Tariffi tal-Eżekuzzjoni (34/1995) u l-Artikolu 5(1) punt 3 tad-Digriet dwar it-Tariffi ta’ Eżekuzzjoni (35/1995). Skont l-Artikolu 4(3) tal-Att dwar it-Tariffi għall-Eżekuzzjoni, it-tariffa trid titħallas biss mir-rikorrent, mhux mid-debitur.

L-ebda tariffa ma għandha titħallas għal miżuri meħuda mill-bailiff matul il-proċedura għall-kisba ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet skont l-Artiklu 14 tar-Regolament.

Artikolu 50(1)(k) — Gradazzjoni, jekk ikun hemm, ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti

Il-miżuri kawtelatorji skont il-liġi Finlandiża ma jipprovdu l-ebda klassifikazzjoni għas-sekwestru. Il-bażi ġuridika huwa l-Kapitolu 4, l-Artikolu 43 tal-Kodiċi għall-Eżekuzzjoni li jgħid li qbid jew miżuri kawtelatorji oħra ma jwaqqfux is-sekwestru.

Artikolu 50(1)(l) — Qrati jew awtorità ta' eżekuzzjoni kompetenti biex tagħti rimedju

L-Artikolu 33(1): Qorti Distrettwali ta’ Helsinki Għad-dettalji ta’ kuntatt ara l-Artikolu 50(1)(a).

L-Artikolu 34(1): Il-bailiff. Ir-rikors għal rimedju jista’ jintbagħat jew direttament lill-bailiff jew lill-Uffiċċju Nazzjonali Amministrattiv għall-Eżekuzzjoni (Valtakunnanvoudinvirasto), li jibgħatha lill-bailiff. Għad-dettalji ta’ kuntatt ara l-Artikolu 50(1)(b).

L-Artikolu 34(2): Qorti Distrettwali ta’ Helsinki Għad-dettalji ta’ kuntatt ara l-Artikolu 50(1)(a).

Artikolu 50(1)(m) — Qrati li quddiemhom għandhom jiġi ppreżentat appell u l-limitu ta’ żmien, jekk ikun il-każ, biex jiġi ppreżentat l-appell

Appell mid-deċiżjoni dwar rimedju, meħuda mill-Qorti Distrettwali ta’ Helsinki, jista’ jsir quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Helsinki. Ir-rikors tal-appell indirizzat lill-Qorti tal-Appell ta’ Helsinki għandu jintbagħat lir-reġistru tal-qorti distrettwali li tat dik id-deċiżjoni, jiġifieri l-Qorti Distrettwali ta’ Helsinki.

L-iskadenza għall-preżentata ta’ appell huwa 30 ġurnata mid-data li fiha ngħatat id-deċiżjoni tal-qorti distrettwali jew meta saret disponibbli għall-partijiet In-notifika tal-appell trid tintbagħat lir-reġistru tal-qorti distrettwali qabel il-ħinijiet tal-għeluq fl-aħħar data tal-iskadenza. Ir-reġistru jagħlaq fl-4.15pm.

Appell kontra deċiżjoni meħuda minn bailiff dwar rimedju jista’ jsir quddiem il-qorti distrettwali li tisma’ l-appelli dwar l-eżekuzzjoni skont il-Kapitolu 11, l-Artikolu 2 tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni. In-notifika tal-appell indirizzata lill-qorti distrettwali trid tintbagħat lill-uffiċċju tal-bailiff li ħa d-deċiżjoni. Għad-dettalji ta’ kuntatt tal-bailiff ara l-Artikolu 50(1)(b).

L-appelli dwar l-eżekuzzjoni jinstemgħu mill-qrati distrettwali tal-Gżejjer Åland, Helsinki, Länsi‑Uusimaa, Oulu, Pirkanmaa, Pohjanmaa, Pohjois-Savo, Päijät-Häme u Varsinais‑Suomi. L-appell jinstema’ mill-qorti distrettwali li fil-ġuriżdizzjoni tagħha twettqet il-miżura ta’ eżekuzzjoni. Id-dettalji ta’ kuntatt huma disponibblu fuq is-sit elettroniku https://oikeus.fi/fi/.

Hemm skadenza ta’ tliet ġimgħat għall-preżentata tal-appelli. Dan il-perjodu ta’ tliet ġimgħat jiġi kkalkulat mid-data li fiha tittieħed id-deċiżjoni, jekk il-persuna kkonċernata ġiet innotifikata bil-quddiem jew kienet preżenti meta ngħatat. Inkella, il-perjodu għall-preżentata ta’ appell jiġi kkalkulat mid-data li fiha l-persuna kkonċernata ġiet infurmata bid-deċiżjoni. Il-Kapitolu 3, l-Artikolu 39(2) tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni jistipula meta r-riċevitur jitqies li ġie infurmat b’deċiżjoni mibgħuta bil-posta normali jew dik elettronika. Sakemm mhux pruvat mod ieħor, in-notifika titqies li saret tliet ijiem wara li jkun ġie mibgħut messaġġ elettroniku jew seba’ ijiem wara li d-dokument ikun ġie impustat jew iddepożitat f’post riservat għall-konsenji postali. Id-data tal-impustjar jew tad-depożitu trid tkun tidher fuq id-dokument.

In-notifika tal-appell trid tintbagħat lill-uffiċċju tal-bailiff li jkun ħa id-deċiżjoni qabel il-ħinijiet tal-għeluq fl-aħħar data tal-iskadenza. Ir-reġistru jagħlaq fl-4.15pm.

Artikolu 50(1)(n) — Tariffi tal-Qorti

It-tariffi tal-qorti u t-tariffi għall-appelli huma regolati mill-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (1455/2015). It-tariffa għar-rikors il-qorti għal Ordni ta’ Preservazzjoni hija l-istess bħal dik għall-ipproċessar ta’ miżuri kawtelatorji skont il-liġi nazzjonali. It-tariffi li jridu jitħallsu għall-ipproċessar ta’ dawn il-miżuri kawtelatorji skont l-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti huma attwalment ibbażati fuq it-tariffa għas-smigħ tal-proċedimenti prinċipali marbuta mar-rikors jew intitolament tar-rikorrent.

L-ammont tat-tariffa għalhekk jiddependi mill-proċedimenti prinċipali li bdew il-kawża għal Ordni ta’ Preservazzjoni. Jekk il-proċedimenti prinċipali kienu jinvolvu tilwima, it-tariffa għal proċedimenti fil-qorti distrettwali għal rikors għal Ordni ta’ Preservazzjoni hija ta’ massimu ta’ EUR 500 skont l-Artikolu 2 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti. It-tariffi tal-qorti jistgħu jkunu iktar baxxi, pereżempju, jekk il-proċedimenti ewlenin jinvolvu tilwima sommarja, kif imsemmi fil-Kapitolu 5, l-Artikolu 3 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ġudizzjarja: It-tariffa tal-qorti tista’ tkun ta’ EUR 65.86 jew 250, skont kif jiġu deċiżi il-proċedimenti prinċipali u jekk il-konvenut ikkontestax il-kawża.

It-tariffi tal-qorti għall-qorti tal-appell huma massimu ta’ EUR 500.

It-tariffa tal-qorti titħallas mat-tlestija tal-proċedura, jiġifieri meta l-kawża tiġi konkluża l-qorti.

Ma titħallax l-ebda tariffa għall-invokazzjoni ta’ rimedju kontra Ordni ta’ Preservazzjoni.

Att dwar it-Tariffi tal-Qorti: http://www.finlex.fi/fi/laki/ajantasa/2015/20151455

Artikolu 50(1)(o) — Il-lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti

Il-Finlandiż, l-Iżvediż u l-Ingliż.

L-aħħar aġġornament: 23/11/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.