Titolu eżekuttiv ewropew

Ġermanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Ġermanja

Ir-Rikonoxximent u l-Infurzar ta' Sentenzi fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali - Ordni ta' Infurzar Ewropew


*input mandatarju

1. Proċeduri għall-korrezzjoni u l-irtirar (Art. 10(2))

Permezz ta' liġi li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 805/2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati (il-Liġi ta' Implimentazzjoni tal-Ordni Ewropew ta' Infurzar) żdiedu d-dispożizzjonijiet li ġejjin mal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (ZPO):

'Sezzjoni 1081

Rettifika u rtirar

(1)          Applikazzjoni taħt l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 għar-rettifika jew l-irtirar ta’ ċertifikat tal-qorti għandha ssir lill-qorti li tkun ħarġet iċ-ċertifikat. Dik il-qorti għandha tiddeċiedi l-applikazzjoni. L-applikazzjoni għar-rettifika jew l-irtirar ta’ ċertifikat notarili jew amministrattiv għandha ssir lill-entità li tkun ħarġet iċ-ċertifikat. In-nutar jew l-awtorità amministrattiva għandhom minnufih jgħaddu l-applikazzjoni għal deċiżjoni lill-qorti distrettwali li taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha huma jkunu bbażati.

(2)          Id-debitur jista’ jressaq applikazzjoni għall-irtirar fi żmien xahar. Jekk iċ-ċertifikat ikollu jiġi notifikat barra l-pajjiż, it-terminu għandu jkun ta’ xahrejn. Dan huwa limitu ta' żmien statutorju li għandu jibda jgħodd minn meta jiġi notifikat iċ-ċertifikat iżda f’kull każ mhux qabel in-notifika tal-ordni li miegħu jkollu x'jaqsam iċ-ċertifikat. L-applikazzjoni għall-irtirar għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex l-ordni kienet mogħtija b’mod kjarament żbaljat.

(3)          L-Artikolu 319(2) u (3) għandu japplika, mutatis mutandis, għar-rettifika u l-irtirar.'

Is-Sezzjoni 319(2) u (3) ZPO tistipula kif ġej:

'Sezzjoni 319

Ir-Rettifika ta’ sentenzi

(1) ...

(2)          Id-deċiżjoni dwar rettifika għandha tkun imsemmija fis-sentenza u fil-kopji tas-sentenza. F'każ li r-riżoluzzjoni li tiddikjara l-korrezzjoni ssir fil-forma speċifikata fis-Sezzjoni 130b, din għandha tinżamm f'dokument elettroniku separat. Id-dokument għandu jintehmeż mas-sentenza b'mod li ma jkunx jista' jinfired minnha.

(3)          M’għandux ikun hemm dritt ta’ appell kontra ordni li tirrifjuta applikazzjoni għal rettifika; jista’ jitressaq ilment minnufih kontra ordni li taċċetta rettifika.'

2. Proċeduri għar-reviżjoni (Art.19 (1))

Taħt ir-regoli Ġermaniżi preżenti dwar il-proċedura ċivili, id-debitur huwa intitolat, bħala regola ġenerali u mhux biss fil-każijiet eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004, li jitlob reviżjoni ta' deċiżjoni li tkun ingħatat għaliex ikun naqas milli jqajjem oġġezzjoni għas-sentenza, jew għax ma jkunx deher (cf. l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004).

(a)   Sentenzi f’kontumaċja u ordnijiet ta’ eżekuzzjoni.

Taħt is-Sezzjoni 338 ZPO id-debitur jista' japplika biex is-sentenza f'kontumaċja titwarrab. L-istess rimedju japplika f'każ ta' ordni maħruġ fi proċedimenti għal ordni ta’ ħlas (cf. is-Sezzjoni 700 ZPO moqrija flimkien mas-Sezzjoni 338 ZPO). L-applikazzjoni titressaq billi jiġi ppreżentat avviż ta' oġġezzjoni mal-qorti fejn ikun qed isir il-proċess. Il-limitu ta' żmien biex jiddaħħal l-avviż ta' oġġezzjoni huwa ta' ġimagħtejn. Dan huwa limitu ta' żmien statutorju u jibda jgħodd min-notifika tad-deċiżjoni. Jekk l-applikazzjoni tkun ammissibbli l-proċeduri jirritornaw għall-istadju kif kienu qabel il-kontumaċja. L-ammissibbiltà tal-applikazzjoni mhix affettwata mir-raġunijiet għaliex id-debitur ikun naqas milli jikkontesta t-talba jew milli jidher fis-seduta tal-qorti.

Jekk fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 ikun hemm mhux biss nuqqas ta' notifika kif suppost tad-dokument li jagħti bidu għall-proċeduri, jew ta' dokument simili, jew nuqqas tat-taħrika għal smigħ fil-qorti, iżda n-nuqqasijiet fin-notifika tas-sentenza jkunu jeżistu, pereżempju għaliex in-notifika fiż-żewġ każijiet tkun intbagħtet f’indirizz li d-debitur ikun ilu żmien twil ma joqgħod fih, il-pożizzjoni hija kif ġej: jekk ma jkunx jista’ jiġi ppruvat li s-sentenza f’kontumaċja jew l-ordni ta’ infurzar kienet notifikata kif suppost, jew jekk in-notifika kienet vizzjata bi ksur tar-regoli essenzjali dwar in-notifika, it-terminu ta' ġimagħtejn għall-applikazzjoni jibda jgħodd biss minn meta d-debitur attwalment ikun irċieva s-sentenza f'kontumaċja jew l-ordni ta’ eżekuzzjoni. Barra minn dan, id-debitur jibqagħlu d-dritt li japplika biex is-sentenza titwarrab.

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004, jiġifieri fejn in-notifika ma tkunx vizzjata iżda d-debitur, minħabba force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkunux tort tiegħu, ma jkunx jista’ jikkontesta t-talba, il-pożizzjoni hija kif ġej: jekk l-impediment jitneħħa fi żmien tajjeb qabel ma jiskadi ż-żmien biex issir l-applikazzjoni biex is-sentenza titwarrab, id-debitur jista' joqgħod fuq ir-rimedju normali, jiġifieri jippreżenta l-applikazzjoni (ara hawn fuq). Jekk, pereżempju, id-debitur ma setax jidher fil-qorti minħabba inċident tat-traffiku, normalment ikun jista’, fi żmien ġimagħtejn min-notifika tas-sentenza, jew jippreżenta appell hu stess jew jaħtar rappreżentant biex jagħmel dan f’ismu. Jekk l-impediment jippersisti wara l-iskadenza taż-żmien għall-appell, is-Sezzjoni 233 taz-ZPO tippermetti li d-debitur jitlob li l-proċedimenti jmorru lura għall-istadju preċedenti tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex ristretti għal każijiet ta’ force majeure iżda pjuttost jippermettu lill-parti li tapplika biex il-proċedimenti jiġu rritornati fl-istadju preċedenti tagħhom kull meta, mingħajr ma tkun ħtija tagħha, tkun ġiet imċaħħda milli żżomm mat-terminu statutorju (jew ċerti termini ta’ żmien speċifikati oħrajn). L-applikazzjoni biex il-proċedimenti jiġu miġjuba fl-istat preċedenti tagħhom trid issir fi żmien ġimagħtejn li jibdew mid-data li fiha jitneħħa l-impediment. Ma tista' tiddaħħal l-ebda applikazzjoni aktar tard minn sena wara t-tmiem tal-iskadenza li tinqabeż. L-applikazzjoni se tiġi deċiża mill-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tisma’ l-applikazzjoni biex is-sentenza titwarrab (jiġifieri, il-qorti tal-kawża), li wkoll għandha tiġi ppreżentata fi żmien ġimagħtejn.

Jekk id-debitur ikun daħħal applikazzjoni ammissibbli biex is-sentenza titwarrab, iżda mbagħad ma jidhirx fis-seduta li jkun imiss, huwa ma jkun fadallu l-ebda rimedju ieħor kontra s-sentenza f'kontumaċja li fiha tinċaħad l-applikazzjoni tiegħu (cf. Sezzjoni 345 ZPO). Madankollu, id-debitur għandu d-dritt, sa ċertu punt, li jressaq appell. Skont is-Sezzjoni 514(2) ZPO f'dawn il-każijiet huwa jista' jsostni l-appell tiegħu bil-fatt li huwa ma deherx mhux minħabba negliġenza. Ir-restrizzjoni ġenerali dwar l-ammissibbiltà tal-appelli (cf. is-Sezzjoni 511(2) taz-ZPO) ma tapplikax. L-appell jitressaq billi jiġi ppreżentat avviż ta' appell mal-qorti tal-appelli. Iż-żmien li fih ikun jista' jiddaħħal appell huwa ta’ xahar; dan huwa limitu ta' żmien statutorju u jibda jgħodd meta s-sentenza fil-forma kompluta tiġi notifikata, u mhux aktar tard minn ħames xhur wara li tkun ingħatat is-sentenza. Peress li dan jikkostitwixxi limitu ta' żmien statutorju, id-debitur jista' japplika biex il-proċedimenti jitreġġgħu lura għall-istadju preċedenti skont is-Sezzjoni 233 ZPO jekk ma jkunx seta' jżomm mal-limitu ta' żmien għal raġunijiet li ma jkunux tort tiegħu (ara aktar 'l fuq).

(b)   Sentenzi skont l-istat tas-sottomissjonijiet

Jekk id-debitur ma jidhrix għall-proċedimenti orali u l-qorti ma tippronunzjax sentenza b'kontumaċja iżda pjuttost, fuq talba tal-kreditur, tippronunzja sentenza skont l-istat tas-sottomissjonijiet (cf. is-Sezzjoni 331a(2) ZPO), ikun jista' jsir appell kontra dik is-sentenza. Skont is-Sezzjoni 511 taz-ZPO hemm dritt ta' appell jekk il-valur tat-talba jkun aktar minn EUR 600 jew jekk il-qorti tal-ewwel istanza tkun tat permess għall-appell fis-sentenza għal raġunijiet ta’ prinċipju (is-Sezzjoni 511(4) taz-ZPO). Rigward ir-rekwiżiti formali għall-appell u d-dritt li l-proċedimenti jmorru lura għall-istadju preċedenti tagħhom, għandha ssir referenza għal dak li ntqal hawn fuq.

3. Lingwi aċċettati (Art. 20(2)(c))

Il-Liġi ta' Implimentazzjoni tal-Ordni Ewropew ta' Infurzar żiedet id-dispożizzjonijiet li ġejjin maz-ZPO:

'Sezzjoni 1083

Traduzzjoni

Fejn il-kreditur huwa meħtieġ li jipprovdi traduzzjoni taħt l-Artikolu 20(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004, din għandha tkun bil-Ġermaniż u attestata minn persuna kwalifikata biex tagħmel dan f'wieħed mill-Istati Membri.'

4. Awtoritajiet nominati biex jiċċertifikaw id-dokumenti awtentiċi (Art. 25)

Fil-Ġermanja l-istrumenti awtentiċi għall-iskopijiet tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 huma strumenti infurzabbli mħejjija min-nutara u minn uffiċjali tal-benesseri taż-żgħażagħ. Fis-Sezzjoni 1079 ġdida li għandha tiżdied maz-ZPO, il-Liġi ta' Implimentazzjoni tal-Ordni Ewropew ta’ Infurzar tagħti l-awtorità għall-ħruġ taċ-ċertifikat tal-ordni ta’ infurzar Ewropea għall-iskopijiet tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 lill-uffiċċju responsabbli mill-ħruġ ta’ kopja infurzabbli (cf. is-Sezzjoni 724 taz-ZPO). Dawn id-dispożizzjonijiet huma kif ġej:

'Sezzjoni 1079

Kompetenza

Ċertifikati taħt:

1.            l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 24(1), l-Artikolu 25(1) u

2.            l-Artikolu 6(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU L 143, p.15) jistgħu jinħarġu mill-qrati, l-awtoritajiet jew in-nutara li jkunu responsabbli mill-ħruġ ta' kopja infurzabbli.'

Taħt is-Sezzjoni 797(2) taz-ZPO kopja infurzabbli (u għalhekk ukoll ċertifikat ta’ ordni Ewropew ta’ infurzar) ta’ att notarili għandha tinħareġ min-nutar li jkollu l-kustodja tal-att; jekk l-att ikun taħt il-kustodja ta’ awtorità, dik l-awtorità tkun kompetenti. Is-sitwazzjoni normali hija li l-att ikun miżmum min-nutar li jkun attestah.

Taħt is-Sezzjoni 60(3)(1) tal-Volum VIII (Benesseri tat-tfal u ż-żgħażagħ) tal-Kodiċi tal-Benesseri Soċjali, l-Uffiċċju tal-Benesseri taż-Żgħażagħ li hu responsabbli mill-awtentikazzjoni tal-impenji huwa kompetenti biex joħroġ kopja infurzabbli ta’ att ta’ benesseri ta’ żagħżugħ/żgħażagħ. L-eżitu huwa li l-Uffiċċju tal-Benesseri taż-Żgħażagħ li jkun ħareġ l-att awtentiku ikun kompetenti biex joħroġ ċertifikat ta’ ordni Ewropew ta’ infurzar. Il-Liġi ta' Implimentazzjoni tal-Ordni Ewropew ta’ Infurzar daħħlet kjarifika permezz ta’ reviżjoni tas-Sezzjoni 60(3)(1) tal-Volum VIII tal-Kodiċi tal-Benesseri Soċjali.

Mis-sitwazzjoni dwar il-kompetenza tal-ħruġ ta’ kopji infurzabbli jsegwi li fil-Ġermanja n-nutara u l-uffiċċji tal-benesseri kollha taż-żgħażagħ jistgħu bħala regola joħorġu ċertifikati ta’ ordni Ewropew ta’ infurzar. Peress illi fil-Ġermanja hemm madwar 8 000 nutar u mijiet ta’ uffiċċji tal-benesseri taż-żgħażagħ, ma jidhirx li huwa l-lok li tingħata lista tagħhom għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali; barra minn hekk, l-ispiża biex lista bħal din tinżamm aġġornata tkun sproporzjonata. Għalissa, il-Gvern Ġermaniż mhux se jittrażmetti l-lista u minflok se jinnotifika l-arranġamenti regolatorji msemmija fis-Sezzjoni 1079 taz-ZPO flimkien mas-Sezzjoni 797(2) taz-ZPO jew mas-Sezzjoni 60(3)(1) tal-Volum VIII tal-Kodiċi tal-Benesseri Soċjali għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali. Dan it-tagħrif jippermetti lill-kreditur li jsib l-awtorità kompetenti għall-iskopijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 805/2005 mingħajr diffikultà. Barra minn hekk, fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet l-awtorità kompetenti tkun l-awtorità li tkun ħarġet l-istrument awtentiku, kif spjegat aktar ’il fuq.

L-aħħar aġġornament: 30/06/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.