Notifika ta' dokumenti

Ġermanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

NB! Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1393/2007 inbidel bir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mill-1 ta’ Lulju 2022.

In-notifiki li saru skont ir-Regolament il-ġdid jistgħu jinstabu hawnhekk!


L-Artikolu 2(1) - Aġenziji Trażmettituri

L-aġenzija tat-trażmissjoni tal-atti ġudizzjarji hija l-qorti li tinnotifika l-att (l-Artikolu 1069(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (ZPO)).

L-aġenzija tat-trażmissjoni tal-atti extraġudizzjarji hija l-qorti distrettwali (Amtsgericht) tad-distrett li l-persuna li tinnotifika l-att tkun domiċiljata jew residenti abitwali fih; fil-każ ta’ atti notarili, hija wkoll il-qorti distrettwali tad-distrett li fih ikun jinsab l-uffiċċju tan-nutar li jkun stabbilixxa l-att; fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, hija l-qorti distrettwali tad-distrett li fih ikun jinsab l-uffiċċju reġistrat; Il-gvernijiet tal-Länder jistgħu joħorġu ordni eżekuttiva li tagħti struzzjonijiet lil qorti distrettwali waħda biex twettaq il-kompiti tal-aġenzija tat-trażmissjoni għad-distretti koperti minn għadd ta’ qrati distrettwali lokali (l-Artikolu 1069(1) ZPO).

L-Artikolu 2(2) - Aġenziji li jirċievu

Għan-notifika tal-atti fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-aġenzija riċeventi fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 hija l-qorti distrettwali tad-distrett li l-att jiġi nnotifikat fih. Il-gvernijiet tal-Länder jistgħu joħorġu ordni eżekuttiva li tagħti struzzjonijiet lil qorti distrettwali waħda biex twettaq il-kompiti tal-aġenzija riċeventi għad-distretti koperti minn għadd ta’ qrati distrettwali lokali.

L-Artikolu 2(4)(c) - Mezzi biex jiġu rċevuti d-dokumenti

Huma disponibbli l-mezzi ta’ komunikazzjoni segwenti:

- għar-riċeviment u l-konsenja: il-posta, is-servizzi ta’ kurjer privati, il-faks,

- għal komunikazzjonijiet oħra: it-telefon u l-email.

L-Artikolu 2(4)(d) - Il-lingwi li jistgħu jintużaw għat-tlestija tal-formola standard fl-Anness I

Il-formola tista’ timtela bil-Ġermaniż jew bl-Ingliż.

L-Artikolu 3 - Korp ċentrali

Il-kompitu tal-korp ċentrali jitwettaq f’kull Land minn korp deżinjat mill-gvern tal-Land. Normalment dawn ikunu l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Land jew Qorti Reġjonali Superjuri (Oberlandesgericht) fil-Land inkwistjoni.

L-ewwel indirizz li jingħata huwa qabelxejn l-indirizz tal-uffiċċju, meta jkun disponibbli, inkella, u f’xi każijiet flimkien miegħu, l-indirizz postali mogħti.

Għall-oġġetti u l-pakketti express (inklużi pakketti żgħar), għandu jintuża l-indirizz tal-uffiċċju biss.

Ikklikkja fuq il-link hawn taħt biex tara l-awtoritajiet kollha kompetenti relatati ma' dan l-Artikolu.
Lista ta' awtoritajiet kompetenti

L-Artikolu 4 - Trasmissjoni tad-dokumenti

Il-formola fl-Anness I (talba) tista’ timtela bil-Ġermaniż jew bl-Ingliż.

L-Artikolu 8(3) u 9(2) - Termini preskrittivi stabbiliti mil-liġi nazzjonali għan-notifika tad-dokumenti

Mill-perspettiva tal-applikant, li huwa l-uniku kkunsidrat fl-Artikolu 8(3) u 9(2), skont il-liġi Ġermaniża, id-data preċiża tan-notifika rari tkun importanti għall-kalkolu tal-limiti ta’ żmien, billi normalment ikun biżżejjed li l-att jasal għand il-qorti sal-iskadenza jekk in-notifika tal-att isseħħ eżatt wara (l-Artikolu 167 ZPO). Jekk f’xi każ individwali, id-data preċiża tan-notifika tkun sinifikattiva, japplika l-Artikolu 222(2) ZPO b’mod konġunt mal-Artikoli 187 et seq. tal-Kodiċi Ċivili tal-Ġermanja.

L-Artikolu 10 - Ċertifikat tas-servizz u kopja tad-dokument innotifikat

Il-formola fl-Anness I (ċertifikat) tista’ timtela bil-Ġermaniż jew bl-Ingliż.

L-Artikolu 11 - Spejjeż tas-servizz

F’ċirkostanzi normali, jaf jiġġarrbu l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 11(2) sa massimu ta’ EUR 20.50. Dawn jiġu kkalkulati f’konformità mal-liġijiet dwar l-ispejjeż tal-qorti skont it-tip ta’ servizz mitlub.

L-Artikolu 13 - Servizz minn aġenti diplomatiċi jew konsulari

Fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, in-notifika permezz tal-aġenti diplomatiċi jew konsulari fis-sens tal-Artikolu 13(1) mhijiex permessa ħlief jekk l-att ikun se jiġi nnotifikat lil ċittadin tal-Istat tat-trażmissjoni.

L-Artikolu 15 - Servizz dirett

Skont l-Artikolu 15, fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jistgħu jiġu nnotifikati dawk l-atti biss li fir-rigward tagħhom il-liġi Ġermaniża dwar il-proċedura ċivili tippermetti espliċitament tali notifika diretta (l-Artikolu 166(2) ZPO). Rikors għall-bidu ta’ proċediment ma jistax ikun innotifikat b’dan il-mod. In-notifika diretta hija permessa, pereżempju, fil-każ ta’ mandat ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 750 ZPO, titolu eżekuttiv skont l-Artikoli 794(1)(5) u 797 ZPO, mandati ta’ sekwestru skont l-Artikolu 922(2) ZPO u proċeduri interlokutorji skont l-Artikoli 935 u 936 ZPO. Id-dettalji dwar in-notifika diretta permessa huma rregolati mill-Artikoli 191 et seq. ZPO.

L-Artikolu 19 - Meta l-konvenut ma jidhirx għall-proċeduri

Fil-każijiet fejn il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 19(2) ikunu ssodisfati, il-qrati Ġermaniżi jistgħu jagħtu s-sentenza ladarba ċitazzjoni jew att ekwivalenti jkun ġie nnotifikat pubblikament fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

L-eżenzjoni mid-dekadenza, fis-sens tal-Artikolu 19(4), ma tistax tintalab aktar tard minn sena wara li jkun skada l-limitu ta’ żmien.

L-aħħar aġġornament: 30/06/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.