Medjazzjoni tal-familja

Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Il-medjazzjoni tal-familja

Huwa prinċipju ġenerali tal-liġi Żvediża illi s-soluzzjonijiet kunsenswali jitqiesu l-aħjar għat-tfal. Għalhekk ġew imfassla regoli b'mod illi l-ewwel irid isir tentattiv biex il-ġenituri jiġu persważi jiftiehmu fuq l-affarijiet li jikkonċernaw lit-tfal tagħhom.

Lil min tikkuntattja

Is-servizzi soċjali għandhom responsabbiltà speċjali u jridu, fost affarijiet oħra, joffru l-konċilazzjoni lill-ġenituri (samarbetssamtal). L-għan tal-proċess ta' konċiljazzjoni huwa sabiex jgħin lill-ġenituri jilħqu ftehim; ara aktar informazzjoni dwar il-konċiljazzjoni. Jekk il-ġenituri jiftiehmu, is-soluzzjoni kunsenswali tagħhom tiġi inkorporata fi ftehim li jiġi approvat mis-servizzi soċjali. Il-qrati wkoll għandhom dmir illi l-ewwel jaslu għal ftehim kunsenswali bejn il-ġenituri. Jekk dan ma jirnexxix, il-qorti tista' tordna l-konċiljazzjoni jew il-medjazzjoni (medling).

F'liema oqsma huwa ammissibbli jew aktar komuni l-użu tal-medjazzjoni?

Il-medjazzjoni tal-familja f'każijiet quddiem il-qorti hija intiża sabiex tintuża fejn, pereżempju, l-konċiljazzjoni ma tatx riżultati iżda għad hemm il-possibbiltà li l-ġenituri jiftiehmu dwar il-kwistjonijiet li jaffettwaw it-tfal tagħhom.

Hemm xi regoli speċifiċi li jridu jiġu segwiti?

Il-qorti tiddeċiedi lil min taħtar bħala medjatur. Deċiżjoni li tordna l-medjazzjoni minnha nnifisha ma għandhiex bżonn il-kunsens tal-ġenituri, iżda jista' jkun diffiċli għall-medjatur biex iwettaq dmirijietu jekk ġenitur minnhom jopponi bis-sħiħ il-ħatra ta' medjatur. Il-medjatur jiddeċiedi, wara li jikkonsulta l-qorti, kif għandha tiġi organizzata l-medjazzjoni. Ma hemmx kodiċi ta' kondotta jew arranġament simili għall-medjaturi.

Informazzjoni u taħriġ

Ma hemmx organizzazzjoni nazzjonali tat-taħriġ għall-medjaturi.

Kemm tqum il-medjazzjoni?

Il-medjaturi għandhom dritt għal rimunerazzjoni xierqa għal xogħolhom, il-ħin u l-ispejjeż involuti. Dan jitħallas mill-Istat.

L-aħħar aġġornament: 25/01/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.