Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ispanjol ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Medjazzjoni tal-familja

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Il-Proċedura tal-Medjazzjoni tal-Familja

Il-medjazzjoni tal-familja hija kollha kemm hi volontarja fi Spanja u biex tiffaċilitaha fil-każijiet li jinvolvu, fost l-oħrajn, il-medjazzjoni transfruntiera tal-familja, il-leġiżlazzjoni dwar il-medjazzjoni ġenerali tippermetti espressament li din titwettaq permezz tal-vidjokonferenza jew ta’ mezzi elettroniċi oħra li jippermettu t-trażmissjoni tal-leħen jew tal-immaġni. Il-partijiet jistgħu jirrikorru għall-medjazzjoni jew qabel il-bidu tal-proċedimenti tal-qorti jew inkella sakemm dawn ikunu jinsabu għaddejjin, u anki wara li dawn jiġu konklużi, sabiex jibdlu l-eżitu jew biex jiffaċilitaw l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti. Jekk dawn jagħmlu dan qabel il-proċedimenti u jilħqu ftehim, il-proċess legali jitħaffef għaliex il-partijiet jgħaddu għal proċedura simplifikata li fiha ż-żewġ partijiet jippreżentaw il-ftehim lill-Qorti tal-Familja (Juzgado de Familia), li tapprova l-Ftehim jekk ma jkunx imur kontra l-liġi jew l-interessi tat-tfal minorenni jew b’diżabbiltà li jaf ikollha l-koppja. Bl-istess mod, jekk ma jkunx hemm tfal minorenni jew b’diżabbiltà, il-partijiet jistgħu wkoll jagħżlu li jippreżentaw il-ftehim direttament quddiem nutar, li jirreġistrah f’att notarili, u jingħata l-istess effetti bħal deċiżjoni tal-qorti.

Jekk il-proċedimenti tal-qorti jkunu nbdew mingħajr ma l-partijiet jirrikorru għall-medjazzjoni, l-imħallef, filwaqt li jqis iċ-ċirkostanzi tal-każ, jista’ jaqbel li l-partijiet għandhom jirrikorru għall-medjazzjoni u l-Qorti tal-Familja tirreferihom għal sessjoni ta’ informazzjoni bla ħlas. Jekk dawn jiddeċiedu li jirrikorru għall-medjazzjoni, il-proċedimenti legali ma jiġux sospiżi, sakemm il-partijiet ma jitolbux sospensjoni tal-proċedimenti, u jekk fl-aħħar mill-aħħar jintlaħaq ftehim, dan jiġi approvat mill-qorti. Madankollu, jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim jew il-partijiet ma jkunux riedu li jużaw il-medjazzjoni, tinqata’ sentenza fuq dawk il-punti kollha li l-partijiet ma jaqblux dwarhom.

Il-medjazzjoni tal-familja mhijiex possibbli fil-każijiet li fihom ikun hemm proċedimenti bejn il-partijiet minħabba vjolenza abbażi tas-sess ta’ dak li jkun.

Is-sessjoni ta’ informazzjoni hija bla ħlas, iżda l-medjazzjoni minnha nnifisha tinvolvi spiża li għandha tiġġarrab mill-partijiet sakemm dawn ma jikkwalifikawx għall-għajnuna legali. L-informazzjoni kollha dwar il-kontenut u r-rekwiżiti sabiex tinkiseb l-għajnuna legali hija disponibbli hawnhekk

http://www.mjusticia.gob.es/cs/Satellite/Portal/es/servicios-ciudadano/tramites-gestiones-personales/asistencia-juridica-gratuita

2 Il-professjoni ta’ medjatur tal-familja u aċċess għal medjatur

Il-medjatur irid ikollu lawrea universitarja jew taħriġ vokazzjonali għoli u, apparti minn hekk irid ikollu taħriġ speċifiku biex jipprattika l-medjazzjoni li jingħata f’istituzzjonijiet akkreditati għal dak l-iskop.

Ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ reġistrazzjoni f’xi reġistru sabiex wieħed ikun jista’ jipprattika l-medjazzjoni tal-familja, iżda ġew stabbiliti reġistri li l-medjaturi jistgħu jirreġistraw ruħhom fihom kemm fil-livell nazzjonali (ir-Reġistru tal-Medjaturi u l-Istituzzjonijiet tal-Medjazzjoni li s-sit web tagħhom qiegħed jingħata aktar ’l isfel – Registro de Mediadores e Instituciones de Mediación) kif ukoll fil-livell tal-Komunitajiet Awtonomi.

F’dan il-livell tal-aħħar, kważi l-Komunitajiet Awtonomi kollha ħolqu servizz pubbliku ta’ medjazzjoni. Għal informazzjoni dwar dan, żur it-taqsima dwar il-medjazzjoni tas-siti web istituzzjonali tagħhom li fiha ssib spjegazzjoni f’għadd ta’ dettalji dwar kif taħdem is-sistema tal-medjazzjoni, kif inhuwa rregolat ir-Reġistru tal-Medjaturi, b’ħolqa li twasslet għalih, meta jkun hemm wieħed. Is-siti web tagħhom is-soltu jkollhom ukoll formoli għal rikjesta ta’ medjazzjoni li jirreferu għall-aġenziji speċjalizzati mwaqqfa minnhom biex iwettqu l-medjazzjoni.

Sabiex issib medjatur tal-familja, trid tiddistingwi bejn jekk il-medjazzjoni hijiex se ssir ladarba jinbdew il-proċedimenti jew indipendentement mill-proċedimenti. Jekk il-medjazzjoni tintalab ladarba jinbdew il-proċedimenti, il-Qorti tal-Familja rilevanti tirreferi lill-partijiet għall-entitajiet ta’ medjazzjoni tal-familja li jaqgħu taħtha, filwaqt li jekk il-medjazzjoni tintuża qabel jew apparti l-proċedimenti tal-qorti, il-parti jkollha tfittex medjatur tal-familja għal rasha. Is-sorsi ta’ informazzjoni li ġejjin jistgħu jkunu ta’ siwi:

– Ir-Reġistru tal-Medjaturi u l-Istituzzjonijiet ta’ Medjazzjoni fil-livell nazzjonali msemmija aktar ’il fuq http://www.mjusticia.gob.es/cs/Satellite/Portal/es/areas-tematicas/registros/mediadores-instituciones

– L-istituzzjonijiet segwenti, suġġeriti mill-Ministeru tal-Ġustizzja https://www.administraciondejusticia.gob.es/paj/publico/pagaj/home/)

– Is-Servizzi ta’ Medjazzjoni ssuġġeriti għall-provinċji mill-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura  (Consejo General del Poder Judicial) http://www.poderjudicial.es/cgpj/es/Temas/Mediacion/Organos-judiciales-que-ofrecen-mediacion/Mediacion-Familiar/

– Is-Servizzi ta’ Medjazzjoni mwaqqfa mill-Komunitajiet Awtonomi varji. Normalment, fis-siti web istituzzjonali tal-Komunitajiet Awtonomi jkun hemm l-informazzjoni.

Apparti dak li jissemma hawn fuq, aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta’ medjazzjoni tal-familja, il-leġiżlazzjoni applikabbli, is-servizzi ta’ medjazzjoni li jeżistu fil-Komunitajiet Awtonomi differenti u l-formalitajiet rilevanti huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura http://www.poderjudicial.es/cgpj/es/Temas/Mediacion

L-aħħar aġġornament: 04/09/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna