Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Medjazzjoni tal-familja

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Il-professjoni tal-medjazzjoni tal-familja

Il-Gvern Skoċċiż jinkoraġġixxi l-użu ta’ Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR), inkluża l-medjazzjoni, biex jiġi solvut it-tilwim tal-familja għalkemm il-medjazzjoni ma hijiex xierqa fejn ikun hemm abbuż domestiku. Il-medjazzjoni tal-familja ġeneralment hija proċess volontarju. Ma hemm l-ebda obbligu fl-Iskozja li tuża l-ADR jew il-medjazzjoni għalkemm ladarba kawża tal-familja tkun fil-qorti, l-imħallef jista’ jitlob li tinbeda l-medjazzjoni.

Jekk tixtieq li l-kontenut ta’ ftehim ta’ medjazzjoni jiġi eżegwit fl-Iskozja, tista’ ssegwi waħda mill-proċeduri li ġejjin:

• Tista’ tressaq rikors quddiem il-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session) jew il-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court) biex titlob lill-Qorti “tintervjeni” bl-awtorità tagħha fil-ftehim medjat. Dan ifisser li l-qorti tuża s-setgħat tagħha biex tibdel il-ftehim ta’ medjazzjoni f’ordni tal-qorti.

• B’mod alternattiv, tista’ tirreġistra ftehimiet bil-miktub “awtoprobatorji” għall-eżekuzzjoni fil-Kotba tal-Kunsill u tal-Qorti Suprema (Books of Council and Session) jew fil-Kotba tal-Qorti tax-Xeriff (Sheriff Court Books). Dokument awtoprobatorju huwa wieħed li jissodisfa l-formalitajiet li għandhom jiġu ttrattati bħala ffirmati mingħajr bżonn ta’ prova. Ir-regoli dwar id-dokumenti awtoprobatorji jinsabu fl-Att tal-1995 dwar ir-Rekwiżiti tal-Kitba (l-Iskozja) (Requirements of Writing (Scotland) Act 1995). Biex tirreġistra l-ftehim fil-Kotba tal-Kunsill u tal-Qorti Suprema (Books of Council and Session), għandek tapplika mal-Kustodju tar-Reġistri tal-Iskozja (Registers of Scotland).

Meta ftehim ikun irreġistrat għall-eżekuzzjoni, id-dokument isir strument awtentiku.

Ftehimiet li ġew approvati mill-Qorti jew irreġistrati b’wieħed mill-metodi msemmija hawn fuq jistgħu jkunu eżegwibbli fi Stati Membri oħra tal-UE.

Informazzjoni dwar il-Medjazzjoni fl-Iskozja tista’ tinstab fuq is-sit web tan-Network Skoċċiż għall-Medjazzjoni (Scottish Mediation Network).

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-medjazzjoni tal-familja

Peress li ma hemm l-ebda obbligu li tintuża l-medjazzjoni fit-tilwim tal-familja, hemm relattivament ftit leġiżlazzjoni nazzjonali.

Madankollu, l-Att tal-1995 dwar l-Evidenza Ċivili (Medjazzjoni tal-Familja) (Skozja) (Civil Evidence (Family Mediation) (Scotland) Act, 1995) jipprevedi l-inammissibbiltà ta’ informazzjoni dwar dak li seħħ matul il-medjazzjoni tal-familja bħala evidenza fi proċedimenti ċivili fl-Iskozja.

L-aħħar aġġornament: 11/02/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.