Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Medjazzjoni tal-familja

L-Irlanda ta’ fuq
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Il-proċedura tal-medjazzjoni għall-familja

Il-medjazzjoni għall-familja hija proċess kompletament volontarju u bħalissa ma hemm l-ebda rekwiżit fl-Irlanda ta’ Fuq biex wieħed jikkunsidra li jsolvi tilwima permezz tal-medjazzjoni qabel ma jressaq rikors il-qorti. Madankollu, il-qrati jappoġġjaw u jinkoraġġixxu l-użu tagħha f’każijiet xierqa. Għalkemm il-proċess li għandu jiġi applikat mhuwiex speċifikat b’mod statutorju, il-qrati x’aktarx jippermettu aġġornament f’kawżi fejn jidher li l-kwistjonijiet jistgħu jiġu solvuti permezz tal-medjazzjoni. Il-partijiet jistgħu jressqu rikors il-qorti biex ftehim medjat isir eżegwibbli daqslikieku kien ordni tal-qorti.

Il-finanzjament pubbliku huwa disponibbli f’xi każijiet. L-Aġenzija tas-Servizzi Legali tal-Irlanda ta’ Fuq (Legal Services Agency Northern Ireland) ħallset l-ispiża ta’ xi medjazzjoni minn fondi ta’ għajnuna legali u d-Dipartiment tas-Saħħa, is-Servizzi Soċjali u s-Sikurezza Pubblika (Department of Health, Social Services and Public Safety) attwalment jipprovdi finanzjament għal medjazzjoni qabel il-qorti f’tilwimiet tal-familja. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit web ta’Appoġġ għall-Familja fl-Irlanda ta’ Fuq (Family Support Northern Ireland).

Il-professjoni tal-medjazzjoni għall-familja

It-taħriġ u l-akkreditazzjoni ma humiex irregolati mill-gvern. Il-professjoni hija awtoregolata u r-rekwiżiti tal-kwalifiki u tal-esperjenza jvarjaw minn organizzazzjoni professjonali affiljata għal oħra. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mis-siti web ta’ fornituri u mill-ktejjeb ta’ informazzjoni Alternattivi għall-Qorti fl-Irlanda ta’ Fuq (Alternatives to Court in Northern Ireland) disponibbli fuq is-sit web NI Dirett (NI Direct).

L-aħħar aġġornament: 11/02/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.