Medjazzjoni tal-familja

Litwanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Fil-Litwanja, il-medjazzjoni f’tilwim ċivili (inkluż tilwim tal-familja) hija regolata mill-Att dwar il-Medjazzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja (verżjoni ġdida ta’ dan l-Att daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019). L-Att dwar il-Medjazzjoni japplika għar-riżoluzzjoni tat-tilwim ċivili nazzjonali u internazzjonali u jimplimenta d-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali.

Il-medjazzjoni hija proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim ċivili li matulha medjatur wieħed jew aktar (persuni terzi imparzjali) jassistu lill-partijiet biex isolvu t-tilwima b’mod amikevoli. Il-partijiet jistgħu jużaw dan il-metodu kemm għat-tilwim li jkun għadu ma tressaqx fil-qorti (medjazzjoni extra-ġudizzjarja) kif ukoll għall-kawżi li jkunu diġà qed jinstemgħu fil-qorti (medjazzjoni ġudizzjarja).

Ir-rikors għall-medjazzjoni huwa soġġett għall-ftehim bil-miktub tal-partijiet fit-tilwima. L-użu tal-medjazzjoni jista’ jintlaħaq qbil fuqu biss għat-tipi ta’ tilwim li dwarhom, bil-liġi, il-partijiet jistgħu jikkonkludu ftehim ta’ soluzzjoni. Il-medjatur jinħatar b’mod konġunt mill-partijiet jew, fuq talba tal-partijiet, jista’ jiġi nnominat mis-Servizz ta’ Għajnuna Legali ggarantit mill-Istat.

B’effett mill-1 ta’ Jannar 2019, is-servizzi ta’ medjazzjoni jistgħu jiġu pprovduti biss minn persuni li jkunu għaddew minn eżami speċifiku (bi ftit eċċezzjonijiet), li jissodisfaw rekwiżiti oħrajn stabbiliti fl-Att (li jkollhom reputazzjoni tajba, lawrja universitarja, ikunu temmew taħriġ fil-medjazzjoni) u li jkunu mdaħħlin fil-lista ta’ medjaturi tar-Repubblika tal-Litwanja. Il-lista ta’ medjaturi hija ppubblikata fuq is-sit web tas-Servizz ta’ Għajnuna Legali ggarantit mill-Istat (http://vgtpt.lrv.lt/). Il-medjaturi huma meħtieġa wkoll li jissodisfaw standards ta’ imparzjalità u professjonaliżmu. Skont il-ftehim milħuq, il-medjaturi jistgħu joffru s-servizzi tagħhom bi ħlas jew mingħajr ħlas. Il-partijiet u l-medjaturi jistgħu jaqblu fuq il-metodu u l-proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwima. Kwalunkwe waħda mill-partijiet tista’ tirtira mill-medjazzjoni mingħajr ma tagħti r-raġunijiet.

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li t-tnedija tal-medjazzjoni twassal għas-sospensjoni tal-perjodi ta’ limitazzjoni. Konsegwentement, anki jekk it-tilwima ma tkunx tista’ tissolva b’mod amikevoli, il-partijiet iżommu d-dritt tagħhom li jmorru l-qorti biex ifittxu rimedju. Jekk il-partijiet ikunu jistgħu jsolvu t-tilwima b’mod amikevoli bl-assistenza ta’ medjatur, jiġi konkluż ftehim ta’ soluzzjoni. Ladarba jiġi approvat minn qorti permezz ta’ proċedura ssimplifikata, dan il-ftehim ikun infurzabbli.

L-Att jistabbilixxi wkoll il-prinċipju tal-kunfidenzjalità bħala wieħed mill-prinċipji essenzjali tal-medjazzjoni. Dan ifisser li sakemm il-partijiet ma jaqblux mod ieħor, huma, il-medjaturi u l-amministraturi tas-servizzi ta’ medjazzjoni jridu jżommu l-informazzjoni kollha relatata mas-sigriet tal-medjazzjoni, ħlief l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi approvat jew implimentat il-ftehim ta’ soluzzjoni konkluż matul il-medjazzjoni u l-informazzjoni li n-nuqqas ta’ divulgazzjoni tagħha jmur kontra l-interess pubbliku. Din id-dispożizzjoni tiżgura li, minbarra l-eċċezzjonijiet imsemmija hawn fuq, kwalunkwe informazzjoni pprovduta matul il-medjazzjoni ma tkunx tista’ tintuża kontra l-parti li tipprovdiha.

L-Att dwar il-Medjazzjoni jirregola l-ispeċifiċitajiet ta’ medjazzjoni obbligatorja u ġudizzjarja u r-responsabbiltà dixxiplinarja tal-medjaturi.

Mill-1 ta’ Jannar 2020, il-medjazzjoni fit-tilwim tal-familja ser issir obbligatorja. Il-medjazzjoni obbligatorja u ġudizzjarja hija ffinanzjata mill-baġit tal-Istat (sa sitt sigħat) f’każijiet fejn l-għażla tal-medjaturi tiġi amministrata mis-Servizz ta’ Għajnuna Legali ggarantit mill-Istat. Il-partijiet iżommu d-dritt li jagħżlu medjatur biex jipprovdi servizzi ta’ medjazzjoni obbligatorji mil-lista ta’ medjaturi, iżda f’dan il-każ ikollhom iħallsu għalih huma stess.

Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-persuni li rrikorrew għall-medjazzjoni huma soġġetti għal miżati aktar baxxi meta jmorru l-qorti.

L-informazzjoni dwar il-medjazzjoni u l-leġiżlazzjoni relatata tista’ tinstab fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (bil-Litwan).

http://tm.lrv.lt/lt/veiklos-sritys-1/civiliniu-gincu-taikinamasis-tarpininkavimas-mediacija

Informazzjoni dwar il-medjazzjoni fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja (bl-Ingliż):

http://tm.lrv.lt/en/fields-of-activity/mediation

L-aħħar aġġornament: 10/04/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna