Sib espert

Polonja

Il-kontenut ipprovdut minn
Polonja

I. Listi u reġistri ta’ esperti

Kull qorti reġjonali għandha l-lista ta’ esperti tagħha stess. Il-president tal-qorti reġjonali huwa responsabbli għall-pubblikazzjoni. Ara: https://lublin.so.gov.pl/lista-bieglych,m,m1,2,270 għal Lublin jew http://www.krakow.so.gov.pl/fck_pliki/file/Testowy/Biegli/Biegli_20180205_strona.pdf pliki/file/Testowy/Biegli/Biegli 20180205 strona.pdf għal Krakow. Ir-reġistri huma aċċessibbli għall-pubbliku.

Hemm kwalifika tal-età – persuna li trid tkun espert irid ikollha mill-inqas 25 sena. L-esperti jrid ikollhom għarfien speċjali teoretiku u prattiku f’fergħa speċifika tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-arti, tas-sengħa jew ta’ ħila oħra. Il-kriterji ma humiex formalizzati. Huwa l-president tal-qorti reġjonali li jiġġudika jekk kandidat jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha biex isir espert. L-esperti jridu jieħdu ġurament sabiex ikunu rreġistrati. Persuna li tixtieq tiddaħħal fil-lista ta’ esperti trid tippreżenta rikors lill-president tal-qorti reġjonali.

L-espert jista’ jitneħħa mir-reġistru mill-president tal-qorti reġjonali:

  • fuq talba tiegħu;
    • jekk l-espert jibqa’ ma jissodisfax ir-rekwiżiti biex iwettaq din il-funzjoni jew jekk jiġi ddeterminat li ma jkunx issodisfahom meta ġie stabbilit u jkun għadu mhux responsabbli għalihom;
  • għal raġunijiet importanti, b’mod partikolari jekk ma jwettaqx l-attivitajiet tiegħu kif suppost.

Ma hemm ebda kodiċi ta’ kondotta jew etika speċifiċi applikabbli għall-esperti iżda l-espert ikollu jirrispetta l-kodiċi tal-proċedura ċivili/amministrattiva/kriminali.

Ir-reġistri jiġu aġġornati regolarment. F’Jannar ta’ kull sena, il-president tal-qorti reġjonali jħabbar il-lista ta’ esperti tal-qorti lill-qrati distrettwali u lill-Ministeru għall-Ġustizzja, u jinnotifika lil kulħadd minnufih dwar kwalunkwe bidla fil-lista u l-bidu ta’ proċedimenti kriminali jew inabilitazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-persuni.

L-esperti jiġu rreġistrati għal perjodu ta’ ħames snin.

L-esperti jiġu elenkati għal fergħat partikolari tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-arti, tas-snajja’, kif ukoll għal ħiliet oħra. Il-lista ta’ speċjalitajiet hija twila ħafna u varjata.

Ladarba jkunu elenkati, l-esperti ma għandhom l-ebda obbligu partikolari. Ma jkunux obbligati jkomplu jistudjaw, għalkemm jeżistu studji u korsijiet postgradwatorji rilevanti. Madankollu, fil-prattika, jekk ikunu jridu jinħatru għall-perjodu sussegwenti, ikunu jridu jagħtu prova li żiedu l-għarfien tagħhom (billi attendew korsijiet, konferenzi, studji postgradwatorji, eċċ.).

II. Kwalifiki tal-espert

L-esperti jrid ikollhom għarfien speċjali teoretiku u prattiku f’fergħa speċifika tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-arti, tas-sengħa jew ta’ ħila oħra. Il-kriterji ma humiex formalizzati. Huwa l-president tal-qorti reġjonali li jiġġudika jekk kandidat jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha biex isir espert.

L-esperti ma humiex meħtieġa jkunu membru ta’ korp professjonali. Formalment ma jiġux mitluba jtejbu l-ħiliet tagħhom b’mod regolari u ma hemm l-ebda sistema ta’ żvilupp professjonali kontinwu. Għalkemm ikunu esperti, ma għandhomx għalfejn juru li jipparteċipaw f’korsijiet edukattivi ulterjuri u ma hemm l-ebda metodu biex jiġi ttestjat l-għarfien miksub. Iżda jekk ikunu jridu jinħatru għall-perjodu sussegwenti, iridu jkunu jistgħu juru li huma żiedu l-għarfien tagħhom.

III. Remunerazzjoni tal-esperti

Ir-remunerazzjoni tal-espert hija ddeterminata mir-Regolament tal-Ministru għall-Ġustizzja tal-24 ta’ April 2013 dwar id-determinazzjoni tat-tariffi tal-esperti, is-somom f’daqqa u kif jiġu ddokumentati l-ispejjeż meħtieġa biex tingħata opinjoni. Ir-rati fis-siegħa tal-espert huma stabbiliti, u huma parti mill-ammont bażi ddeterminat mill-att dwar il-baġit. B’mod ġenerali, ir-remunerazzjoni tal-espert hija relatata mal-għadd ta’ sigħat li huwa jkun iddedika għall-għarfien espert u l-grad ta’ edukazzjoni tiegħu. Ir-regolament jistabbilixxi rata minima u rata massima.

Id-dmir tal-ħlas tar-remunerazzjoni tal-esperti huwa ġestit mis-sistema ġudizzjarja jew imħallas minn waħda mill-partijiet. Il-partijiet jistgħu jiksbu għajnuna legali għar-remunerazzjoni tal-espert mingħajr rati preskritti.

Ir-remunerazzjoni hija stabbilita b’regolament. F’każijiet speċifiċi, speċjalment għal missjonijiet diffiċli, it-tariffa legali tista’ tinqabeż b’deċiżjoni speċifika tal-qorti. Iżda fil-prattika, fil-proċedura ċivili, l-esperti jeħtieġu l-qbil tal-partijiet biex jirċievu tariffi ogħla.

F’materji ċivili, meta l-espert jinħatar mill-qorti, waħda mill-partijiet tiġi ordnata tħallsu bil-quddiem. L-esperti jistgħu jirċievu ħlas bil-quddiem tat-tariffi tagħhom. Iżda fit-tmiem tal-proċedimenti, fis-sentenza dwar il-merti, il-qorti tiddeċiedi min għandu jagħmel tajjeb għall-piż finali tal-ispejjeż. Dan jista’ jinqasam bejn il-partijiet.

F’materji kriminali l-esperti jitħallsu mill-istat (u jiġu imposti fuq l-imputat biss jekk jiġi kkundannat): il-fondi mħallsa mill-istat huma soġġetti għall-kontroll finanzjarju tal-istat, li jista’ jikkontesta l-ħlas magħmula bi ksur tal-liġi dwar il-finanzi pubbliċi.

IV. Responsabbiltà tal-esperti

F’konformità mal-liġi penali, espert li jippreżenta opinjoni falza jista’ jiġi kkundannat sa 10 snin priġunerija.

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni ċivili speċjali għal dan is-suġġett. Ir-regolamenti ġenerali tad-dritt ċivili (il-liġi tal-obbligi/kuntrattwali) huma applikabbli għar-responsabbiltà tal-esperti.

L-esperti mhumiex obbligati jkopru r-responsabbiltà possibbli tagħhom permezz ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali.

V. Informazzjoni addizzjonali dwar il-proċedimenti tal-esperti

Il-ħatra tal-esperti hija regolata mill-Ordinanza tal-Ministru għall-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 2005. Regolamenti addizzjonali huma ddikjarati fil-Kodiċijiet tal-Proċedura Ċivili, tal-Proċedura Kriminali u tal-Proċedura Amministrattiva. Fil-proċeduri ċivili, il-partijiet jistgħu jitolbu l-ħatra ta’ espert. Normalment, fi proċedura ċivili, il-ħatra ta’ espert tiddependi fuq il-ħlas bil-quddiem mill-partijiet rikorrenti għall-ispejjeż relatati mat-tħejjija ta’ opinjoni.

B’mod ġenerali, l-istess regoli japplikaw fi proċeduri ċivili, kriminali u amministrattivi. Ma hemmx differenzi fundamentali bejn il-proċeduri tal-ħatra fi kwistjonijiet ċivili, amministrattivi u kriminali.

It-titolu ta’ espert ġudizzjarju jista’ jintuża biss matul u għall-finijiet tat-tħejjija tal-opinjoni ta’ espert għall-qrati jew għall-prosekuzzjoni. L-għadd ta’ esperti fil-Polonja huwa madwar 15 000.

1. Ħatra tal-esperti

Il-qrati u l-prosekuzzjoni biss jistgħu jaħtru esperti bl-istatus ta’ esperti ġudizzjarji ex officio jew fuq talba tal-parti). Opinjoni mħejjija dwar il-ħatra ta’ qorti jew prosekuzzjoni tikkostitwixxi tip speċjali ta’ prova msejħa opinjoni tal-espert.

Il-partijiet jistgħu jqabbdu esperti privatament, iżda r-rapport tagħhom jiġi ppreżentat bħala prova oħra.

a) Ħatra minn qorti

Il-qorti tuża lista ta’ esperti. Kull qorti reġjonali għandha l-lista ta’ esperti tagħha stess. Il-ħatra ta’ espert mir-reġistru (lokali) hija prattika segwita b’mod wiesa’ mill-qorti. Madankollu, l-użu ta’ reġistru mhuwiex obbligatorju.

b) Ħatra mill-partijiet

Filwaqt li l-esperti ġudizzjarji qatt ma jinħatru mill-partijiet, il-partijiet fi proċeduri ċivili u amministrattivi jistgħu jqabbdu l-espert tagħhom stess. Ma għandhomx għalfejn isegwu proċessi jew proċeduri partikolari.

2. Proċedura

a) Proċedura ċivili

Fi proċedimenti ċivili, l-espert ma għandu l-ebda obbligu li jattendi seduta preliminari (jekk ikun hemm). Il-qorti timmonitorja l-progress tal-investigazzjoni tal-esperti f'dak li jirrigwarda l-ħin. Il-qorti hija “l-ogħla espert” u tiġġudika l-kwalità tal-opinjoni. Il-qrati mhumiex marbuta bl-opinjoni espressa fir-rapporti tal-esperti u jiddeċiedu jekk l-opinjoni tistax tkun il-bażi biex jiġu stabbiliti l-fatti fil-kawża.

  1. Rapport tal-espert

L-espert jippreżenta r-rapport tiegħu bil-miktub. Ma hemm l-ebda struttura partikolari li l-espert irid isegwi fir-rapport tiegħu. L-esperti mhumiex obbligati jipprovdu rapport preliminari. Fir-rapport finali l-espert għandu jindirizza l-argumenti tal-partijiet. F’ħafna każijiet, l-espert għandu jagħti rapport addizzjonali meta l-parti tippreżenta tali talba u l-imħallef jaċċettaha jew fuq talba tal-imħallef. Dan jista’ jseħħ meta l-espert ma jkunx wieġeb il-mistoqsijiet kollha inklużi fil-kompitu tiegħu jew meta jinqalgħu mistoqsijiet addizzjonali aktar ’il quddiem.

Il-qorti toħroġ ordni ġdida li tiddikjara l-ħtieġa ta’ input addizzjonali u tispeċifika l-mistoqsijiet li jridu jiġu mwieġba. Il-partijiet jistgħu jagħmlu talba għal kjarifika ulterjuri lill-qorti. Fil-prattika, madankollu, huwa aktar probabbli li jinħatar espert ieħor, skont kemm il-partijiet ikunu sodisfatti bl-ewwel rapport.

  1. Seduta fil-qorti

L-esperti huma meħtieġa jattendu seduta sabiex iwieġbu mistoqsijiet mill-qorti u mill-partijiet wara li jippreżentaw ir-rapport tagħhom. Dawn jistgħu jiġu kontroeżaminati fil-qorti.

b) Oħrajn

Xi esperti jinħatru biex jattendu għas-smigħ ta’ xhieda jew partijiet, l-aktar psikologi. Huma jevalwaw il-kapaċità ta’ perċezzjoni tan-nies u jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

 

L-informazzjoni ppreżentata hawn inġabret waqt il-Proġett Sib Espert minn kuntatti għal kull pajjiż magħżula mill-Istitut Ewropew tal-Kompetenzi u l-Esperti EEEI.

L-aħħar aġġornament: 27/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.