Sib espert

I. Listi u reġistri ta’ esperti

Il-qorti tista’ tuża lista jew reġistru tal-persuni interessati biex iservu bħala esperti. Il-lista jew ir-reġistru huma miżmuma mid-Dipartiment tal-Ġustizzja. Il-membri tal-Ġudikatura jżommu d-diskrezzjoni tagħhom dwar min jaħtru bħala espert tal-qorti mil-lista/reġistru li jkunu disponibbli għalihom għall-użu intern. Dan ir-reġistru huwa maħsub biss għall-użu mill-Ġudikatura. Il-persuni interessati li jservu bħala esperti tal-qorti jridu jesprimu l-interess tagħhom sabiex isimhom u d-dettalji tagħhom jiġu inklużi fil-lista mad-Dipartiment tal-Ġustizzja. Huma ma jiħdux ġurament; madankollu, huma mitluba jimlew formola ta’ diliġenza dovuta li biha jagħtu l-kunsens tagħhom għall-verifiki li jitwettqu mid-Dipartiment tal-Ġustizzja u li jissottomettu flimkien mal-formola kopja awtentikata tal-warrant u/jew tal-kwalifiki tagħhom, Ċertifikat tal-Kondotta tal-Pulizija reċenti, Curriculum Vitae Europass u ittra motivazzjonali miktuba bl-idejn. L-għadd totali ta’ persuni interessati li jservu bħala esperti tal-qorti huwa ta’ madwar 1,000. Madankollu, l-Imħallfin u l-Maġistrati jistgħu jaħtru kwalunkwe persuna li jqisu xierqa u kompetenti anke jekk ma tkunx inkluża fil-listi (il-qrati għandhom il-libertà tal-għażla). Fl-aħħar nett, il-Qrati jippubblikaw ukoll tliet listi ta’ esperti tal-qorti, jiġifieri periti u inġiniera ċivili, kontabilisti u inġiniera. Dawn jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern kull sena.

Il-lista ta’ esperti għall-2019 hija ppubblikata hawnhekk (p. 4 et seq. tal-PDF).

II. Kwalifiki tal-esperti

L-esperti jridu jkunu kwalifikati sabiex ikunu jistgħu jsejħu lilhom infushom esperti, iżda ma għandhomx għalfejn ikunu membri ta’ korp professjonali. Ma hemm l-ebda sistema ta’ żvilupp professjonali kontinwu jew xi rekwiżit għal titjib regolari. Ma hemmx korsijiet għall-esperti. It-titolu ta’ espert mhuwiex protett u ma hemm ebda distinzjoni bejn tipi differenti ta’ esperti. Il-lista/reġistru ta’ persuni interessati li jservu bħala esperti tal-qorti, li tinżamm mid-Dipartiment tal-Ġustizzja, hija kkategorizzata skont il-qasam ta’ kompetenza.

III. Rimunerazzjoni tal-esperti

Ir-rimunerazzjoni tal-espert tiġi kkalkulata skont tariffa fissa, iżda ma hemm l-ebda restrizzjoni fuq kif jista’ jiġi rimunerat espert. L-espert jitħallas minn waħda mill-partijiet, iżda huwa f’idejn il-qorti li tiddeċiedi liema parti għandha tħallas l-ispejjeż. Hemm il-possibbiltà għall-partijiet li jirċievu għajnuna legali u ma hemm l-ebda rata preskritta. Fir-rigward tal-pagament bil-quddiem, il-qorti tista’ tordna lill-partijiet jagħmlu depożitu fil-qorti u dan jinġibed mill-espert ladarba x-xogħol tiegħu jiġi finalizzat.

IV. Responsabbiltà tal-esperti

Japplikaw il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-obbligi mingħajr l-ebda limitu massimu fuq ir-responsabbiltà. L-esperti mhumiex meħtieġa li jkollhom assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali.

V. Informazzjoni addizzjonali

Il-ħatra tal-esperti hija rregolata mill-Artikoli 644 sa 682 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, Kap 12 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Barra minn hekk, fil-qasam kriminali, il-ħatra tal-esperti hija rregolata mill-Artikoli 650 sa 657 tal-Kodiċi Kriminali, Kap 9 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Ħatra ta’ esperti

Fil-proċedimenti ċivili, l-esperti jinħatru minn qorti u jistgħu anki jiġu suġġeriti mill-partijiet. Għalhekk, l-esperti jinħatru fuq talba tal-qorti jew tal-partijiet f’każijiet fejn ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti punti tekniċi. Dan huwa l-każ, pereżempju, fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ bini, inċidenti tat-traffiku, kwistjonijiet kontabilistiċi, problemi mediċi u stimi tad-danni.

Fil-kawżi kriminali, l-esperti jintgħażlu mill-qorti. Il-proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ dawn l-esperti hija l-istess bħal dik għall-kawżi ċivili. Fil-kawżi kriminali, l-esperti jistgħu jagħmlu r-rapport tagħhom oralment jew bil-miktub, skont id-direzzjonijiet tal-qorti. Ir-rapport irid jiddikjara l-fatti u ċ-ċirkostanzi li l-konklużjonijiet tal-esperti jkunu bbażati fuqhom. Jekk ir-rapport isir oralment, dan għandu jiġi redatt f’forma miktuba mir-reġistratur jew mill-persuna li taġixxi f’ismu.

1. Ħatra minn qorti

L-esperti għandhom obbligu legali li jiddikjaraw il-kunflitti ta’ interess. Ir-rapporti tal-esperti maħtura mill-qorti għandhom aktar piż minn dawk maħtura mill-partijiet.

2. Ħatra mill-partijiet

Ma hemm l-ebda proċess partikolari għall-ħatra minn parti. Espert uniku jista’ jinħatar b’mod konġunt bi ftehim. Qorti tista’ tordna lill-partijiet biex jaħtru espert uniku.

VI. Proċedura

A) Proċedura ċivili

Ma hemm l-ebda differenza fil-proċedura tal-ħatra għall-proċedimenti preliminari jew ta’ qabel il-proċess.

1. Rapport tal-espert

Il-partijiet mistennija jipprovdu struzzjonijiet dettaljati lill-espert u mistoqsijiet li l-espert għandu jindirizza. Id-digriet tal-qorti li jaħtar l-espert għandu jinkludi t-termini ta’ referenza li l-espert jeħtieġ li jeżamina. Ladarba jippreżentaw ir-rapporti tagħhom u jitħallsu, l-esperti jiġu msejħa biex jieħdu ġurament fuq ir-rapport tagħhom u f’dak il-punt jiġu kontroeżaminati miż-żewġ partijiet.

Ma hemm l-ebda struttura stabbilita għar-rapport, u l-esperti mhumiex meħtieġa jipproduċu rapport preliminari. Huma mistennija jindirizzaw il-mistoqsijiet tal-partijiet fir-rapport finali. L-Artikolu 665 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, il-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta, jistipula x’għandu jkun fih ir-rapport. Huwa jistipula li r-rapport għandu jiddikjara l-inkjesti magħmula u r-raġunijiet tas-sejbiet. Barra minn hekk, huwa jistipula li r-rapport għandu jkun ittajpjat jew miktub bil-linka b’mod ċar u li jinqara. Ir-rapport ma għandux jiġi ssupplimentat bi pjanti jew mudelli, sakemm il-qorti ma tordnax li jsir hekk jew il-partijiet ma jagħtux il-kunsens tagħhom.

2. Smigħ fil-qorti

Ma hemm l-ebda rekwiżit biex l-espert jattendi seduta ta’ smigħ preliminari. Normalment huwa mistenni li l-esperti jinfurmaw biss lill-partijiet bi kwalunkwe seduta li jkunu se jistabbilixxu u kwalunkwe talba li ssir mill-esperti lill-partijiet għandha ssir waqt tali seduti. L-esperti normalment jiġu kontroeżaminati fis-seduta. Il-qorti ma timmonitorjax jew tikkontrolla l-progress tal-investigazzjonijiet tal-espert u ma hemm l-ebda kontroll tal-kwalità mill-qorti. Il-partijiet jistgħu jikkontestaw ir-rapport tal-espert kemm permezz ta’ dikjarazzjonijiet kif ukoll permezz ta’ kontrokompetenza. Il-qorti mhijiex marbuta li tadotta r-rapport tal-espert kontra l-konvinzjoni proprja tagħha.

 

L-informazzjoni ppreżentata hawnhekk inġabret matul il-Proġett Sib Espert minn kuntatti għal kull pajjiż magħżula mill-Istitut Ewropew tal-Kompetenzi u l-Esperti EEEI.

L-aħħar aġġornament: 10/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna