Sib espert

I. Listi u reġistri ta’ esperti

Hemm reġistri komprensivi ta’ esperti. Hemm madwar 200-300 qasam ta’ speċjalizzazzjoni differenti.

Il-ħatra ta’ espert mir-reġistru hija prattika largament segwita mill-qrati. Jekk ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati, l-espert jiġi rreġistrat awtomatikament. Il-kmamar tar-reġistrazzjoni nnominati mill-Istat huma responsabbli biex jaġġornaw ir-reġistri fil-pront.

Id-dispożizzjonijiet legali prinċipali applikabbli għall-użu ta’ esperti ġudizzjarji fil-Ġermanja huma:

  • l-Artikolu 401 ff. ZPO (l-Att dwar il-Proċedura Ċivili);
  • l-Artikolu 36 tal-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kummerċ;
  • l-Artikolu 91 tal-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tas-Snajja’;
  • ir-Regoli tal-Proċedura Amministrattiva;
  • ir-Regoli tal-Proċedura Kriminali;
  • il-Kodiċi ta’ Prattika tal-Kmamar.

II. Il-Kwalifiki tal-Esperti

Persuna tista’ tiġi elenkata bħala espert jekk ikollha livell partikolarment għoli ta’ kwalifika fil-qasam ta’ kompetenza tagħha. Sabiex jiġi elenkat, huwa obbligatorju li l-applikant ikollu esperjenza professjonali xierqa. Il-kompetenza trid tintwera billi tiġi ppreżentata dokumentazzjoni xierqa tal-ħidma tal-espert. (eż. CV, kopji taċ-ċertifikati għall-kwalifiki akkademiċi u professjonali rilevanti kollha, esperjenzi tax-xogħol, referenzi, rapporti, taħriġ). Hemm ukoll eżami mill-kmamar tal-industrija u l-kummerċ/il-kmamar tas-snajja’, u, fil-każ tal-periti u l-inġiniera, mill-kmamar professjonali tagħhom. Minbarra l-kwalifiki, għandhom jintwerew ukoll edukazzjoni u esperjenza, indipendenza u integrità ulterjuri.

L-esperti rikonoxxuti normalment jiġu ċċertifikati u rreġistrati għal ħames snin. Qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin huma jridu juru l-kompetenza, l-integrità u t-taħriġ tagħhom sabiex jiġu ċċertifikati u għalhekk irreġistrati għal perjodu ta’ ħames snin ieħor (eż. permezz ta’ verifika u rieżami tar-rapporti li jridu jiġu sottomessi għal reġistrazzjoni ta’ perjodu ta’ 5 snin ġdid). L-entitajiet responsabbli jridu jipprovdu t-taħriġ. Jekk l-espert jonqos milli jsegwi r-regoli tiegħu jew ma jżommx il-ħiliet tiegħu aġġornati, il-kmamar ikunu awtorizzati jneħħuh mir-reġistru.

III. Rimunerazzjoni tal-esperti

F’materji ċivili, amministrattivi u kriminali, ir-rimunerazzjoni tiġi kkalkulata abbażi tal-Att dwar ir-Rimunerazzjoni u l-Gratifiki Ġudizzjarji (JVEG) tal-Ġermanja.

Tista’ ssir applikazzjoni għal pagamenti bil-quddiem u pagamenti akkont.

Kull meta l-espert jaħdem f’missjoni barra mill-qorti, ir-rimunerazzjoni tiddependi mill-ftehim ta’ kumpens individwali.

IV. Responsabbiltà tal-esperti

L-espert huwa responsabbli għal opinjoni esperta skorretta sew jekk jiġi kkummissjonat minn persuni privati u sew jekk mill-qrati. Jekk l-espert li jaħdem għal qorti ħejja opinjoni esperta skorretta b’intenzjoni jew b’negliġenza gravi u din l-opinjoni esperta skorretta tifforma l-bażi ta’ deċiżjoni tal-qorti, il-parti li ssofri dannu tista’ tieħu azzjoni legali sabiex tiġi kkumpensata għal dan id-dannu (l-Artikolu 839 a BGB).

Kull meta l-espert jaħdem f’missjoni barra mill-qorti, japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-responsabbiltà (kuntrattwali).

V. Informazzjoni addizzjonali dwar il-proċedimenti tal-esperti

1. Ħatra tal-esperti

L-espert jinħatar mill-qorti. Madankollu, il-partijiet għandhom id-dritt li jagħmlu proposti dwar min għandu jinħatar.

a) Ħatra minn qorti

Il-qorti normalment tuża lista jew reġistru ta’ esperti. Il-qorti tista’ taħtar ukoll kwalunkwe espert li tqis li jkun xieraq u kompetenti. Espert maħtur mill-qorti huwa espert maħtur u mogħti l-istruzzjonijiet mill-qorti. Id-dmir ewlieni huwa li jassisti lill-qorti bl-għarfien espert tiegħu.

b) Ħatra mill-partijiet

Jekk il-partijiet jaqblu dwar ċerti persuni li jridu jinħatru bħala esperti, il-qorti tkun marbuta li ssegwi l-qbil tagħhom; iżda l-qorti tista’ tillimita l-għażla magħmula mill-partijiet għal ċertu għadd ta’ persuni.

Jekk parti tkun tixtieq taħtar espert fuq in-naħa tagħha sabiex tassistiha, dan l-espert ma jitqiesx bħala espert ġudizzjarju iżda bħala wieħed privat.

2. Proċedura

a) Proċedura ċivili

Il-qorti trid tagħti l-motivazzjonijiet tad-deċiżjonijiet tagħha u trid tagħmel referenza għall-konklużjonijiet tal-espert jekk il-qorti ssegwi l-opinjoni tal-espert. Il-qorti mhijiex marbuta bl-opinjoni tal-espert, iżda madankollu, l-opinjoni tal-espert spiss tkun kruċjali għas-sentenza. F’każ ta’ spezzjoni fuq il-post, l-espert irid jikkuntattja lill-partijiet kollha. Meta, pereżempju, l-espert ikun jeħtieġ aktar informazzjoni mill-partijiet, din ġeneralment tkun trid tiġi ġestita mill-qorti.

i. Rapport tal-espert

Il-partijiet jistgħu jikkontestaw ir-rapport tal-espert maħtur permezz ta’ dikjarazzjonijiet jew billi jimpjegaw espert privat u jissottomettu r-rapport tagħhom lill-qorti, u b’hekk jipprovdu għarfien espert kuntrarju.

ii. Seduta tal-qorti

Għall-ġbir tal-provi, jistgħu jinbdew proċedimenti indipendenti qabel il-proċess (“selbständiges Beweisverfahren”). F’dan il-kuntest, l-espert jista’ jinħatar qabel ma jseħħu l-proċedimenti prinċipali. L-ambitu ta’ dawn il-proċedimenti huwa ristrett għall-preservazzjoni tal-provi għall-proċedimenti ġudizzjarji sussegwenti jew biex tiġi evitata l-litigazzjoni.

Is-seduta tal-qorti ssegwi Kodiċi ta’ Prattika u regoli proċedurali. L-espert irid iwieġeb l-interrogatorju b’mod oġġettiv, komprensibbli u komprensiv. Ma hemm l-ebda kontroeżami fid-dritt proċedurali Ġermaniż, iżda jistgħu jsiru mistoqsijiet mhux biss mill-imħallef, iżda wkoll mil-litiganti.

b) Oħrajn

Fil-kawżi kriminali, il-qorti għandha taħtar l-espert minn reġistru rikonoxxut ta’ esperti ġudizzjarji; għandha tintgħażel persuna oħra biss jekk ikun meħtieġ minħabba ċirkostanzi speċjali, l-Artikolu 73 al. 2 StPO. Il-qorti tista’ tiggwida l-attività tal-espert. Regoli oħrajn jinsabu fil-Kodiċi ta’ proċedura kriminali.

 

L-informazzjoni ppreżentata hawnhekk inġabret matul il-Proġett Sib Espert minn kuntatti għal kull pajjiż magħżula mill-Istitut Ewropew tal-Kompetenzi u l-Esperti (European Expertise Experts Institute - EEEI).

L-aħħar aġġornament: 03/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna