Għajnuna legali

Malta
Autor treści:
European Judicial Network
Europejska sieć sądowa (w sprawach cywilnych i handlowych)

1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?

It-tariffi tal-proċeduri ġudizzjarji huma ffissati mil-liġi. Hemm ħlasijiet li jridu jsiru mal-bidu tal-proċeduri fil-qorti u oħrajn meta l-proċeduri fil-qorti jintemmu. Ġeneralment, dawn jieħdu l-forma ta’ tariffi fissi, liema tariffi jinkludu s-servizzi tal-qorti. Is-servizzi tal-qorti jinvolvu it-tariffi tar-reġistrazzjoni, l-ispejjeż dwar l-inġunzjonijiet għall-eżaminazzjoni tax-xhieda, spejjeż oħra relatati mal-proċediment tal-kawżi, u kopja tas-sentenza. Ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet, it-tariffi dovuti lill-avukati f’kawżi huma stabbiliti bil-liġi. Madankollu, il-partijiet jistgħu jaqblu mod ieħor bil-miktub.

It-tariffi msemmija hawn fuq ma jinkludux it-tariffi ġuridizzjarji addizzjonali li, madankollu, jekk jiġu kkontestati, jistgħu jiġu stabbiliti mill-qorti.

Fir-rigward ta’ min għandu jħallas l-ispejjeż, meta tingħata s-sentenza, l-qorti tiddetermina l-parti li għandha tħallas l-ispejjeż. Bħala regola ġenerali, il-parti li titlef il-kawża tkun obbligata wkoll li tħallas l-ispejjeż, iżda l-Qorti tista’ tvarja din id-deċiżjoni skond il-każ.

2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?

L-għajnuna legali hija forma ta’ għajnuna li tingħata a spejjeż tal-iStat lill-persuna li fuq t-talba tagħha, wara valutazzjoni tal-qagħda finanzjarja mill-uffiċjali tal-Aġenzija għall-Għajnuna Legali u l-meritu tat-talba tagħha mill-Avukat għall-Għajnuna Legali skont it-tip ta’ każ, jiġi ddikjarat jekk għandhiex jedd tajjeb biex tħarrek jew tiddefendi ruħha, jew li tkompli jew tkun parti fi proċedimenti biex ikollha aċċess għall-qrati tal-ġusitzzja.

Għalhekk, l-għajnuna legali hija l-provvista tal-assistenza legali lin-nies bi dħul baxx, li ma jistawx iħallsu sabiex ikunu rappreżentati u jkollhom aċċess għas-sistema ġudizzjarja. L-għajnuna legali hija importanti sabiex tipprovdi aċċess għall-ġustizzja sabiex tassigura l-ugwaljanza quddiem il-liġi, d-dritt għall-avukat u d-dritt ta’ smiegħ xieraq tan-nies foqra. Huwa fundamentali li jkun hemm ugwaljanza f’soċjetá demokratika.

L-għajnuna legali tingħata fil-każijiet kriminali kollha u kważi kollha f’dawk ċivili. F’każijiet ċivili, persuna trid tkun eliġġibli kemm mit-test tal-mezzi u kif ukoll minn dak tal-merti sabiex tkun eliġġibli.

3 Għandi dritt għal għajnuna legali?

F’kawżi ċivili: L-għajnuna legali tingħata biss lil persuni wara li jkunu sodisfatti l-kriterji kemm tat-test tal-mezzi u wkoll tat-test tal-merti.

Test tal-mezzi: Sabiex applikant jikkwalifika mill-kriterji tal-mezzi, persuna ma jridx ikollha kull xorta ta’ propjeta, inkluż flus disponibbli, li l-valur nett tagħhom jaċċedi €6,988.12 (jew skont dik stabilita mill-liġi) tul l-aħħar tnax-il xahar. Barra minn dan, id-dħul tal-applikant fl-aħħar tnax-il xahar mit-talba għall-għajnuna legali ma tistax taċċedi l-paga minima nazzjonali ta’ persuni ‘l fuq minn 18-il sena.

Fit-test tal-mezzi ma jiġux ikkunsidrati l-oġġetti bżonjużi kuljum fid-dar mill-applikant u l-familjari, u kif ukoll ir-residenza prinċipali tal-applikant jew propjeta’ (kemm mobbli jew immobbli) li jifformaw is-suġġett tal-proċeduri fil-Qorti.

Test tal-merti: Sabiex l-applikant jikkwalifika mill-kriterji tal-mertu, l-Avukat tal-Għajnuna legali wara li jeżamina n-natura tal-każ għandu jikkonkludi jekk l-applikant għandux jedd tajjeb biex iħarrek jew jiddefendi ruħu, jew li jkompli jew ikun parti fi proċedimenti quddiem il-Qorti, iġifieri li l-applikant għandu probabilis causa litiganti. Kull każ huwa eżaminat fuq il-merti tiegħu. L-evalwazzjoni tal-mertu ssir mill-Avukat għall-Għajnuna Legali li tinkludi eżami dwar il-każ, il-possibilita’ dwar ir-riżultat tal-proċeduri, u l-prospett ta’ suċċess.

Persuna li hija eliġġibli u ġiet assenjata mill-Qorti avukat u prokuratur legali għall-għajnuna legali f’kawżi ċivili tibqa’ tiġi assistita sakemm il-proċeduri jiġu definittivament konjużi.

F’kawżi kriminali: L-għajnuna legali mhiex soġġetta għat-test tal-mezzi. F’każijiet sommarji fil-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, l-Qorti tappunta avukat li jmissu t-turn tal-ġurnata. F’każijiet kriminali oħra, l-akkużat għandu jinforma lill-Qorti li jixtieq li jiġi assistit bl-għajnuna legali u din it-talba għandha tiġi reġistrata fl-atti tal-kawża. Il-Qorti tittrasmetti it-talba flimkien mad-dettalji tal-akkużat lill-Avukat tal-Għajnuna Legali li għandu jippreżenta risposta jekk it-talba ġietx aċċettata u l-isem tal-avukat.

Appelli kriminali: Jekk trid tappella permezz ta’ avukat għall-għajnuna legali minn sentenza deċiża fil-Qorti tal-Maġistrati, għandek b’mod immedjat dakinhar stess jew il-ġurnata ta’ wara li tingħata s-sentenza tirrikorri għand l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali sabiex isiru l-arranġamenti neċessarji ħalli tiġi riferut għand l-Avukat Kap tal-Għajnuna Legali. Ikun utli li ġġib miegħek kopja tas-sentenza li ngħatat.

Persuna taħt interogazzjoni u/jew arrest: Jekk ġejt imsejjaħ għall-interogazzjoni mill-pulizija jew ġejt arrestat għandek dritt li tkellem avukat tal-għajnuna legali li jkun fuq it-turn tal-ġurnata. Għandek titlob lill-pulizija li jinterrogawk jew li arrestawk għall-assistenza tal-avukat tal-għajnuna legali.

Vittma tal-kriminalità abbażi tal-ġeneru jew vjolenza domestika: Jekk inti vittma tal-kriminalità kif stipulat fil-liġi tista’ titlob li tiġi assistita minn avukat tal-għajnuna legali.

Il-proċedura

Fi proċeduri ċivili, sabiex isir appuntament mal-Avukat Kap tal-Għajnuna Legali, persuna għandha l-ewwel tipproduċi dawn id-dokumenti (jew dawk id-dokumenti li japplikaw għal persuna skont il-każ) hawn taħt imsemmija biex isir it-test tal-mezzi u jiġi stabilit jekk il-persuna hija eliġibli għall-għajnuna legali:

  • Dokument mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li juri l-ammont ta’ flus li l-persuna irċeviet tul l-aħħar tnax-il xahar;
  • FS3 tax-xogħol / Payslips tal-paga tal-aħħar tnax-il xahar;
  • Rendikont (statement) tal-aħħar tnax-il xahar ta’ kull kont bankarju li l-persuna għandha f’isimha;
  • Dokument mill-Aġenzija tax-Xogħol li juri l-job history tal-persuna;
  • Karta tal-identita’ jew passport.
  • Dokumenti li l-persuna rċeviet mill-Qorti għal każ li tixtieq li tiġi assistita bl-għajnuna legali;
  • Dokumenti oħra relatati, per eżempju: 
    • Għal separazzjoni personali: ċertifikat taż-żwieġ u ċertifikati tat-twelid tal-ulied;
    • Għall-annullament taż-żwieġ jew divorzju: kopja tal-kuntratt ta’ separazzjoni;
    • Għal bdil fid-detallji fiċ-ċertifikati tar-Reġistru Pubbliku: ċertifikat tat-twelid/tal-mewt/taż-zwieġ tal-persuna;
    • Kwistjonijiet dwar wirt: kopja tat-testment, etċ.

Fil-laqgħa mal-uffiċjal tal-Aġenzija jiġi stabilit jekk il-klijent huwiex eliġibbli mit-test tal-mezzi għas-servizz tal-għajnuna legali.  Jekk persuna tkun eliġibbli, tingħata appuntament mal-Avukat Kap tal-Għajnuna Legali sabiex tiddiskuti l-problema u/jew il-każ li għandha. L-Avukat Kap jinfurmaha, mit-test tal-mertu li jsir, jekk għandhiex raġunijiet tajba biex tibda proċedimenti jew biex tagħmel id-difiża tagħha skont kif ikun il-każ.

Persuna tkun eliġibbli għall-għajnuna legali wara li tgħaddi kemm mit-test tal-mezzi u anke dak tal-merti. La darba tkun eliġibbli, persuna tkun assistita sabiex timla’ l-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna legali appożita skont il-liġi u tieħu ġurament fuqha dwar l-mezzi finanzjarji tagħha u l-mertu tal-każ.

Persuna li ma tkunx eliġibbli, minn wieħed mit-testijiet jew mit-tnejn li huma, tinħarġilha ittra li t-talba ġiet miċħuda u r-raġunijiet għaċ-ċaħda tat-talba.

4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?

L-għajnuna legali tingħata lill-individwi, fil-każijiet kollha kriminali u kważi kollha f’dawk ċivili. F’każijiet ċivili, persuna trid tkun eliġġibli kemm mit-test tal-mezzi u kif ukoll minn dak tal-merti.

Iżda, f’każijiet li jirrigwardaw korrezzjoni jew kanċellament ta’ reġistrazzjoni, jew dwar reġistrazzjoni ta’ kwalunkwe ċertifikat tat-twelid, żwieġ jew mewt, il-kriterji t’evalwazzjoni tal-mezzi ma japplikawx.

Kumpaniji reġistrati taħt l-Att dwar il-Kumpaniji m’humiex intitolati għall-benefiċju tal-għajnuna legali a tenur tal-Artiklu 926 tal-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta.

5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?

Il-liġi tipprovdi dwar sitwazzjonijiet urġenti (bħal per eżempju ħruġ ta’ mandat) billi tippermetti li l-Avukat tal-Għajnuna Legali jottjeni awtorizzazzjoni proviżorja mill-Qorti kompetenti sabiex tippreżenta atti ġudizzjarji speċifiċi f’isem il-persuna li qed titlob l-għajnuna legali, u wara għandu jsir l-evalwazzjoni tad-dħul tal-mezzi u tal-mertu.

Jekk wara l-Qorti kompetenti taqta’ l-benefiċċju tal-għajnuna legali, l-atti ġudizzjarji ppreżentati mill-Avukat tal-Għajnuna Legli ma jsirux nulli, iżda l-benefiċċju futur jiġi maqtugħ u l-Qorti tista’ tordna li l-ispejjeż magħmulha matul l-awtorizzazzjoni proviżorja jiġu mħallsa mill-applikant.

6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?

Il-formola tal-applikazzjoni timtela’ fl-uffiċċju tal-Għajnuna Legali Malta bl-assistenza tal-uffiċjal fl-Aġenzija tal-Għajnuna Legali.  Il-kontenut tal-applikazzjoni għandu jiġi maħluf mill-applikant.  It-talba għall-għajnuna legali tista’ ssir ukoll b’rikors quddiem il-Qorti Ċivili.

7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?

L-applikazzjoni sabiex jinbdew il-proċeduri għall-għajnuna legali għandha tinkludi dokumenti li huma mitluba taħt il-paragrafu bit-titlu ‘il-proċedura’ fir-risposta numru 3 hawn fuq.

Id-dokumenti annessi mal-applikazzjoni għandhom jirriflettu l-materja tal-kwistjoni li l-persuna tkun qed titlob sabiex tipproċedi dwarha. Per eżempju, jekk hemm talba dwar annullament ta’ żwieġ, għandu jiġi mehmuż kopja taċ-ċertifikat taż-żwieġ. Dokumenti li l-Avukat tal-Għajnuna Legali jkollu bżonn sabiex jkun jista’ jilħaq ir-raġuni għat-talba tal-għajnuna legali jew le, għandha tiġi prodotta lill-Avukat tal-Għajnuna legali meta mitluba.

8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?

Għandek tirreferi għall-uffiċini ta’ Għajnuna Legali Malta: https://justice.gov.mt/mt/legalaidmalta/Pages/contact.aspx

9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?

L-applikant għas-servizz tal-għajnuna legali jiġi nfurmat formalment permezz ta’ notifikazzjoni b’SMS, bit-telefown, b’ittra jew b’imejl jekk l-applikazzjoni ġietx approvata għall-benefiċċju tal-għajnuna legali skont il-ħtieġa ta’ kull applikant. L-applikant jiġi nfurmat b’isem l-avukat u l-prokuratur legali u bin-numru tal-mowbajl tagħhom.

10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Jekk l-applikant jikkwalifika għall-għajnuna legali, huwa jiġi nfurmat b’isem l-avukat u l-prokuratur legali li jkun ġie assenjat sabiex jassisti fil-proċeduri. Huwa d-dmir tal-applikant li jikkomunika mal-avukat assenjat lilu sabiex jagħmel appuntament ħalli jiddiskuti l-każ u jsegwi l-proċedimenti mibdija.

11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Ladarba l-applikazzjoni tkun ġiet approvata, l-applikant jiġi assenjat avukat u prokuratur legali li isimhom jidher fuq il-lista disponibbli lill-Qorti u isimhom jkun imiss skont ir-roster. Jekk l-applikant, għal raġuni valida, jixtieq ibiddel l-avukat għall-avukat ieħor li jmissu skont ir-roster, ikun meħtieġ li jsir rikors quddiem il-Qorti. Huwa biss permezz ta’ digriet tal-Qorti li avukat tal-għajnuna legali jista’ jinbidel.

12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?

L-għajnuna legali lill-applikant tkopri l-ispejjeż tal-Qorti. Għaldaqstant, l-applikant huwa eżentat mill-ħlas tat-tariffi jew milli jagħti garanzija għall-ispejjeż.

Jekk l-applikant jirbaħ l-azzjoni tal-każ tiegħu, ikollu jħallas l-ispejjeż tal-avukat, tal-prokuratur legali, tal-kuraturi, lill-arbitri u l-esperti (jekk ikun hemm) mill-ammont li jkun daħħal jew mid-dħul tal-bejgħ bis-subbasta tal-immobbli jew mobbli skont is-sentenza mingħajr preġudizzju għad-dritt tiegħu li jiġi rimborżat mit-terza persuna li tista’ tkun ġiet ordnata tħallas tali spejjeż.

13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?

F’Malta, ma japplikax il-kunċett tas-servizz tal-għajnuna legali parzjali. Dan ifisser li l-applikant jew ikollu s-servizz tal-għajnuna legali kollu jew inkella t-talba għall-għajnuna legali tiġi miċħuda. Jekk il-parti li qed tingħata s-servizz tal-għajnuna legali tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż tal-kawża, ir-Reġistratur tal-Qorti Ċivili u Tribunali ma jkunx jista’ jitlob li jitħallsu lura l-ispejjez tar-Reġistru mill-parti rebbieħa.

14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?

Jekk l-applikant jikkwalifika għall-għajnuna legali, jkun intitolat għall-assistenza tal-għajnuna legali fil-livelli kollha, inkluż assistenza legali quddiem il-qrati tal-appell.

15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?

Jekk jiġi ppruvat lill-Qorti li tul iż-żmien li l-applikant kien jibbenefika mill-għajnuna legali, kien konxju li kellu fil-pussess tiegħu kapital jew dħul aktar minn dak li jistabilixxi l-liġi sabiex wieħed jibbenefika mill-għajnuna legali, jew anke matul is-smiegħ tal-każ l-applikant kien konxju li żdiedlu d-dħul tiegħu aktar minn dak li tistabilixxi l-liġi, u ma rraportax dan, il-Qorti tista’ tikkundanna lill-applikant għal disprezz lejn il-Qorti. Jista’ jinbeda ukoll każ ta’ sperġur kontra l-applikant.

Fiż-żewġ każijiet, l-applikant huwa responsabbli għall-ispejjeż kollha tal-każ bl-istess responsabilita’ daqs li kieku ma kienx jibbenefika mill-għajnuna legali.

16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?

M’hemmx appell mid-deċiżjoni meta tiġi rifjutata t-talba għall-għajnuna legali. Iżda, jekk ir-rapport magħmul mill-Avukat tal-Għajnuna Legali ma jkunx favur l-applikant, il-Qorti Ċivili għandha teżamina ir-rapport, u tagħti opportunita’ lill-partijiet sabiex jagħmlu sottomissjonijiet qabel tiddeċiedi jekk għandiex taċċetta r-rapport negattiv jew jekk tirrifjutax ir-rapport u tammetti lill-parti għat-talba.

L-aħħar aġġornament: 17/12/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Twoje uwagi

Za pomocą tego formularza możesz przesłać nam swoje komentarze i uwagi na temat nowej strony