Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna it-Taljan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Għajnuna legali

Italja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?

(Sorsi leġiżlattivi) – Ir-regoli li jirregolaw il-kategoriji u l-proċeduri għall-ispejjeż tal-proċedimenti legali, inkluża l-għajnuna legali, huma spjegati b’mod komprensiv fid-Digriet Presidenzjali Nru 115 tat-30 ta’ Mejju 2002 (Gazzetta Uffiċjali Nru 139/2002), kif emendat l-aħħar bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 24 tas-7 ta’ Marzu 2019 (Gazzetta Uffiċjali Nru 72 tas-26 ta’ Marzu 2019 biex tiġi estiża l-għajnuna legali sabiex tkopri persuni mfittxa soġġetti għal proċedimenti legali għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew), li fih it-Test Konsolidat dwar l-ispejjeż legali (l-Artikoli 74 sa 145, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet komuni tal-Artikoli 74 sa 89, Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-għajnuna legali fi proċedimenti ċivili, amministrattivi, tal-awditjar u fiskali, l-Artikoli 119 sa 145).

Il-Liġi Nru 794 tat-13 ta’ Ġunju 1942, kif emendata, tirregola l-onorarji tal-avukati għat-trattament ta’ proċedimenti ċivili, kummerċjali, amministrattivi u fiskali; l-onorarji għal servizzi legali individwali jitħallsu fuq il-bażi tat-tariffa approvata mill-Ordni Ministerjali Nru 585 tal-1994.

(Spejjeż tal-proċedimenti) – L-ispejjeż, mifhuma fis-sens wiesa’, tal-proċedimenti ċivili u kummerċjali jinkludu kemm l-ispejjeż tal-proċedimenti kif ukoll l-ispejjeż u l-onorarji tar-rappreżentanti legali.
L-ispejjeż tal-proċedimenti jikkonsistu fi ħlas standard għad-dħul fir-reġistru tal-kawżi u elementi oħra ta’ nfiq li jistgħu jinqalgħu (bħal opinjonijiet tal-esperti u tariffi għall-ikkupjar ta’ dokumenti).

Il-pagament standard imsemmi fit-test Konsolidat Nru 115 tal-2002 huwa pagabbli f’kull istanza tal-proċedimenti, inklużi proċedimenti ta’ falliment u proċedimenti mhux kontenzjużi, ħlief fejn ikun speċifikament eżentat mil-liġi.

Il-ħlas ma jkunx meħtieġ, b’mod partikolari, fi proċedimenti li jirrigwardaw il-familja u l-istat ċivili ta’ persuna, kif stabbilit fil-Ktieb IV tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (pereżempju, f’kawżi ta’ separazzjoni legali, dispożizzjonijiet relatati mal-minorenni; relazzjonijiet ta’ proprjetà bejn il-konjuġi; ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ rifuġjat), proċedimenti ta’ prevenzjoni (pereżempju qbid biex jitħallsu djun); proċedimenti dwar ir-reġistru tal-artijiet, proċedimenti biex jiġu eżegwiti l-kunsinna u r-rilaxx, proċedimenti rigward il-ħlasijiet ta’ manteniment tat-tfal, il-proċedimenti kollha li jikkonċernaw it-tfal (pereżempju proċedimenti dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri) u r-regoli dwar il-kompetenza u l-ġuriżdizzjoni.

Ir-raġunijiet għal kwalunkwe eżenzjoni jridu jiġu ddikjarati b’mod xieraq mill-parti fil-konklużjonijiet tal-att promotur.

Il-ħlas standard ma jkunx meħtieġ fil-każ ta’ azzjonijiet ċivili għal kumpens b’rabta ma’ proċedimenti kriminali fejn ir-rikors ikun biss sabiex it-trażgressur jiġi kkundannat; jekk isir rikors għal kumpens, anke b’mod provviżorju, il-ħlas ikun dovut jekk ir-rikors jintlaqa’. L-ammont ivarja bejn minimu ta’ EUR 62 u massimu ta’ EUR 930, skont in-natura u l-valur tal-kawża.

(Obbligi ta’ ħlas) – Kull parti jkun jeħtiġilha tħallas l-ispejjeż tal-atti proċedurali li hija timla jew titlob u tħallas għad-dokumenti meħtieġa għall-azzjoni jekk il-liġi jew l-imħallef jitlobhom jagħmlu hekk (pereżempju tariffi għall-opinjonijiet tal-esperti). Meta l-parti tkun eliġibbli għal għajnuna legali, l-Istat jagħmel tajjeb għall-ispejjeż.
Fir-rigward tal-ħlas standard, dan irid jitħallas mill-parti li tidħol fil-kawża, li tippreżenta l-appell inizjali jew, fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, li tippreżenta rikors għall-assenjazzjoni jew għall-bejgħ.

Il-valur tal-kawża jkun indikat fil-konklużjonijiet tal-att promotur; parti li temenda rikors, tippreżenta kontrotalba jew tintervjeni b’mod indipendenti u b’hekk iżżid il-valur tal-kawża, tkun meħtieġa tħallas ammont addizzjonali.

(Il-kriterju għall-għoti tal-ispejjeż) – Skont il-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 91 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-imħallef jordna lill-parti telliefa tħallas lura l-ispejjeż tal-proċedimenti li tkun ġarrbet il-parti rebbieħa bħala parti mis-sentenza tiegħu dwar il-proċedimenti.
L-imħallef igawdi minn setgħat diskrezzjonali fir-rigward tal-ispejjeż u jista’ jordna li jitħallsu parzjalment jew kompletament, filwaqt li jqis l-eżitu ġenerali tat-tilwima. Huwa jkun jeħtieġlu jqis il-punt sa fejn it-talba inġenerali tkun fondata sew. Id-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata.

Il-parti telliefa jkun jeħtiġilha tħallas lura l-ispejjeż u t-tariffi tal-avukat tal-parti rebbieħa, kif ukoll l-ammonti mħallsa lill-esperti maħtura mill-qorti jew lix-xhieda esperti kif rimunerati mill-imħallef. Il-parti telliefa hi wkoll meħtieġa tkopri l-ispejjeż l-oħra involuti fit-twettiq tal-proċedimenti, li jitħallsu lill-iskrivan tal-qorti flimkien mal-ispejjeż tan-notifika tas-sentenza.

2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?

Fis-sistema legali Taljana, l-istabbiliment ta’ “għajnuna legali” biex tipprovdi difiża għaċ-ċittadini b’mezzi insuffiċjenti li r-raġunijiet tagħhom ma jkunux manifestament infondati, kif ukoll għaċ-ċittadini barranin residenti legalment fl-Italja meta sseħħ is-sitwazzjoni jew il-fatt li jwassal għal proċedimenti legali u għall-persuni mingħajr Stat (l-Artikolu 119 tad-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002), jinvolvi l-eżenzjoni ta’ dawn il-persuni milli jkollhom iħallsu ċerti spejjeż (“spese prenotate a debito” jew tariffi tal-qorti mħallsa minn qabel) u li l-Istat iħallas spejjeż oħrajn.

Meta jkun hemm dritt għal għajnuna legali, ċerti tariffi ma jitħallsux, filwaqt li oħrajn jitħallsu mill-Istat. Tal-ewwel jinkludu l-ħlas standard, l-ispejjeż ta’ somma f’daqqa għan-notifiki fuq talba uffiċjali, ċerti tariffi (tariffi tar-reġistri, tariffi tal-ipoteki u tar-reġistru tal-artijiet) u tariffi għall-kopji.

L-Istat iħallas dan li ġej:

  1. l-onorarji u l-ispejjeż tal-avukat;
  2. l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż imġarrba mill-imħallfin, l-uffiċjali u l-uffiċjali ġudizzjarji għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom barra l-qorti;
  3. l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ispejjeż imġarrba mix-xhieda, l-uffiċjali tal-qorti u x-xhieda esperti, u l-ispejjeż imġarrba minn dawn tal-aħħar fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom jiġu rimborżati wkoll;
  4. l-ispiża tal-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe avviż legali dwar id-deċiżjoni tal-imħallef;
  5. l-ispejjeż tan-notifiki fuq talba uffiċjali;
  6. allowances għall-kura tat-tfal.

L-Istat għandu d-dritt ta’ rimborż u, meta ma jirkuprax il-flus mill-parti telliefa, jista’ jitlob ħlas lura mill-parti eliġibbli għal għajnuna legali fil-każijiet li ġejjin: 1) jekk il-benefiċjarju jirbaħ il-kawża jew is-soluzzjoni tat-tilwima u jirċievi mill-anqas sitt darbiet l-ispejjeż jew 2) jekk il-kawża tiġi rtirata jew itterminata. Hemm dispożizzjonijiet speċjali sabiex jiġi żgurat ir-rimborż fil-każ li l-kawża tinqata’ mir-reġistru tal-kawżi jew tintemm minħabba li l-partijiet jonqsu milli jieħdu azzjoni jew milli jissodisfaw ir-rekwiżiti legali.

3 Għandi dritt għal għajnuna legali?

Fil-proċedimenti ċivili u fil-proċedimenti mhux kontenzjużi (pereżempju s-separazzjoni legali, il-kustodja tat-tfal jew deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri), iċ-ċittadini b’mezzi insuffiċjenti huma intitolati għal għajnuna legali biex jiddefendu lilhom infushom, sakemm ir-raġunijiet tagħhom ma jkunux manifestament infondati.

Persuni mingħajr stat u ċittadini barranin residenti legalment huma trattati bl-istess mod bħaċ-ċittadini, bil-kundizzjoni li r-residenza fl-Italja trid tkun legali mid-data meta tkun seħħet is-sitwazzjoni jew il-fatt li wassal għal proċedimenti legali. Organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li ma jkunux involuti f’attivitajiet kummerċjali jistgħu jikkwalifikaw ukoll; għalhekk mhumiex biss eliġibbli organizzazzjonijiet tal-karità mingħajr skop ta’ qligħ jew organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jipprovdu edukazzjoni lill-foqra, li diġà jikkwalifikaw taħt il-Liġi Nru 217/90, iżda wkoll assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u utenti inklużi fil-lista fl-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 281/98.

Skont l-Artikolu 76 tad-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002, sabiex jikkwalifika għal għajnuna legali, ir-rikorrent ikun jeħtieġlu jkollu dħul taxxabbli annwali, kif jidher fuq id-dikjarazzjoni tat-taxxa l-aktar reċenti, ta’ mhux aktar minn EUR 11,493.82 (id-Digriet Ministerjali tas-16 ta’ Jannar 2018 fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 49 tat-28 ta’ Frar 2018).

Il-limiti tad-dħul huma aġġustati kull sentejn b’ordni tal-Ministeru tal-Ġustizzja, b’konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi (l-Artikolu 77 tad-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002), biex jitqiesu l-varjazzjonijiet fl-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur għall-familji ta’ ħaddiema li jagħmlu xogħol manwali u xogħol mhux manwali, identifikat minn ISTAT tul is-sentejn ta’ qabel.

Meta l-parti kkonċernata tkun tgħix ma’ konjuġi, ma’ sieħeb ċivili jew ma’ membri oħra tal-familja, id-dħul totali miksub matul l-istess perjodu minn kull membru tal-familja, inkluż dak tar-rikorrent, jitqies bħala d-dħul.

Fir-rigward ta’ koabitanti li d-dħul tagħhom għandu jiżdied ma’ dak tar-rikorrent, il-limiti tad-dħul għall-proċedimenti kriminali jiżdiedu għal EUR 1,032.91 għal kull membru tal-familja li jgħix miegħu.

Għandu jiġi nnutat li l-benefiċċju tad-divorzju riċevut mir-rikorrent irid jiġi inkluż għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 76, sakemm dan ma jitħallasx bħala somma f’daqqa.

Id-dħul minn attivitajiet illeċiti wkoll għandu effett fuq l-eliġibbiltà biex wieħed jirċievi għajnuna legali, filwaqt li jiġi ċċarat li l-awditjar tad-dħul ma jistax jiddependi fuq proċeduri awtomatiċi u minflok jeħtieġ reviżjoni tal-fatti speċifiċi tal-kawża individwali, u b’hekk tiġi eskluża kull possibbiltà li sentenza mhux finali tiġi attribwita sinifikat, sakemm dan ikun ta’ ħsara għall‑preżunzjoni tal-innoċenza. Ir-rifjut li tingħata għajnuna fuq il-bażi ta’ sentenza mhux finali li minnha wieħed jista’ jassumi l-eżistenza ta’ dħul minn attivitajiet illeċiti huwa għalhekk illegali (il-Qorti Kriminali tal-Kassazzjoni, ir-Raba’ Awla, sentenza tal-20 ta’ Frar 2013, Nru 18591).

Eċċezzjoni: id-dħul personali biss għandu jitqies meta l-kawża tikkonċerna d-drittijiet personali, jew fi proċedimenti fejn l-interessi tar-rikorrent ikunu f’kunflitt ma’ dawk tal-membri l-oħrajn tal-familja li jgħix magħhom.

L-eliġibbiltà għal għajnuna legali għandha tibqa’ valida għall-istadji kollha jew għall-istanzi kollha tal-proċedimenti; madankollu, f’materji ċivili u amministrattivi, b’kuntrast ma’ materji kriminali, jekk il-parti li tingħata l-għajnuna titlef, hija ma tkunx tista’ tuża għajnuna legali biex tikkontesta s-sentenza mingħajr ma tkun reġgħet għamlet rikors għal dik l-għajnuna.

Barra minn hekk, l-eliġibbiltà għal għajnuna legali fi proċedimenti ċivili ma tfissirx li l-Istat huwa responsabbli għall-ispejjeż li l-klijent ikun ordnat iħallas lill-parti rebbieħa, minħabba li l-ispejjeż u l-onorarji huma biss dawk dovuti lill-avukat tal-parti li tingħata l-għajnuna, li l-Istat, meta jissostitwixxi lil din il-parti, jintrabat li jħallas, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja instabbli tagħha u minħabba l-fatt li t-talbiet tagħha ma jkunux manifestament infondati (ara s-sentenza tal-Qorti Ċivili tal-Kassazzjoni Nru 10053 tal-2012).

Każijiet speċifiċi

B’deroga mil-limiti tad-dħul stabbiliti mill-paragrafu 1 tal-Artikolu 76 tad-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002, dawn li ġejjin jistgħu, f’xi każijiet, jikkwalifikaw għal għajnuna legali:

  1. il-partijiet leżi tar-reati msemmija fl-Artikoli 572, 583-bis, 609-bis, 609‑quater, 609-octies u 612-bis tal-Kodiċi Kriminali, u meta mwettqa kontra minorenni, ir-reati msemmija fl-Artikoli 600, 600-bis, 600-ter, 600‑quinquies, 601, 602, 609-quinquies u 609-undecies tal-Kodiċi Kriminali, jistgħu jkunu eliġibbli għall-għajnuna, inkluż b’deroga mil-limiti tad-dħul stabbiliti bid-dritt (l-Artikolu 76, paragrafu 4-ter);
  2. minorenni barranin mhux akkumpanjati involuti fi proċedimenti tal-qorti fi kwalunkwe kapaċità għandhom id-dritt li jiġu infurmati bl-għażla li jinħatar konsulent legali ta’ fiduċja, inkluż permezz tat-tutur maħtur tagħhom jew persuna b’responsabbiltà tal-ġenituri skont l-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 184 tal-4 ta’ Mejju 1983, kif emendata, u li jagħmlu rikors, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli, għal għajnuna legali fi kwalunkwe stadju jew istanza tal-proċedimenti (l-Artikolu 76, il-paragrafu 4-quater);
  3. tfal minorenni jew adulti li ma jkunux finanzjarjament awtosuffiċjenti u li jkunu tilfu ġenitur minħabba li l-ġenitur ikun inqatel mill-konjuġi, irrispettivament minn jekk kinux legalment separati jew iddivorzjati, mis-sieħeb ċivili tal-ġenitur, anki jekk is-sħubija ċivili tkun spiċċat, jew minn persuna li jkollha jew kellha relazzjoni intima u fit-tul li tinvolvi l-koabitazzjoni mal-ġenitur, jistgħu jkunu eliġibbli għal għajnuna legali, inkluż b’deroga mil-limiti tad-dħul statutorji, billi dik l-eliġibbiltà tiġi applikata, bħala eċċezzjoni, għall-proċedimenti kriminali assoċjati u għall-proċedimenti ċivili kollha li jirriżultaw mir-reat, inklużi l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 76, il-paragrafu 4-quater);
  4. vittmi ta’ atti terroristiċi jew atti simili jew is-superstiti tagħhom (Artikolu 10, paragrafu 1, Liġi Nru 206/204).

4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?

Kif iddikjarat hawn fuq, fil-proċedimenti ċivili u fil-proċedimenti mhux kontenzjużi (pereżempju s-separazzjoni legali, il-kustodja tat-tfal jew deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri), iċ-ċittadini b’mezzi insuffiċjenti huma intitolati għal għajnuna legali biex jiddefendu lilhom infushom, sakemm ir-raġunijiet tagħhom ma jkunux manifestament infondati.

Hemm raġunijiet suġġettivi għall-esklużjoni mill-għajnuna inkwistjoni:

  • L-applikant ikun persuna kkundannata b’sentenza finali għal reati marbuta mal-ksur tar-regoli dwar is-soppressjoni tat-taxxa fuq id-dħul u l-evażjoni tal-VAT;
  • l-applikant ikun assistit minn aktar minn avukat wieħed, ħlief għal avukat li jkun inħatar biex jipparteċipa fi proċedimenti kriminali mill-bogħod f’kawżi fejn tapplika l-Liġi Nru 11/1998.

Madankollu, hemm każijiet minbarra dawk ta’ hawn fuq li fihom jista’ jiġi preżunt li l-applikant għandu mezzi suffiċjenti, jiġifieri dawn li ġejjin:

  • f’kawżi li jinvolvu t-trasferiment tar-riċevibbli u l-imgħaxijiet ta’ oħrajn (sakemm it-trasferiment ma jsirx bi ħlas ta’ riċevibbli jew imgħaxijiet preeżistenti);
  • fil-każ ta’ kundanna permezz ta’ sentenza finali għar-reati taħt l-Artikoli 416-bis tal-Kodiċi Kriminali u l-Artikolu 291-quater tat-Test Konsolidat imsemmi fid-Digriet Presidenzjali Nru 43 tat-23 ta’ Jannar 1973, limitat għax-xenarji aggravati taħt l-Artikoli 80 u 74(1) tat-Test Konsolidat imsemmi fid-Digriet Presidenzjali Nru 309 tad-9 ta’ Ottubru 1990, u għar-reati mwettqa bl-isfruttament tal-kundizzjonijiet identifikati mill-Artikolu 416-bis imsemmi qabel jew sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet identifikati minn dak l-artikolu, id-dħul jitqies li jkun ogħla mil-limiti stabbiliti. Madankollu, hija permessa prova kuntrarja (sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Nru 139 tal-2010).

5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?

Ma hemmx proċedura speċifika għall-emerġenzi. Madankollu, għandu jiġi indikat li, skont l-Artikolu 126 tat-Test Konsolidat, il-Kunsill tal-Avukati jista’, fi żmien 10 ijiem minn meta jiġi ppreżentat ir-rikors jew minn meta dan tal-aħħar jirċevih u meta r-rekwiżiti jkunu ssodisfati, jipprovdi provviżorjament għajnuna legali lir-rikorrent bil-quddiem.

6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?

Fi proċedimenti ċivili, ir-rikorsi għal għajnuna legali, abbozzati skont il-metodi u bil-kontenut stabbiliti mill-Artikoli 79 u 122 tat-Test Konsolidat, għandhom jiġu ppreżentati jew mibgħuta permezz ta’ konsenja reġistrata lill-Kunsill tal-Avukati, u mir-rikorrent jew mill-avukat tar-rikorrent biss.

Mhuwiex ċar jekk il-konsenja reġistrata teħtieġx konferma tar-riċevuta; għalhekk, din mhijiex meqjusa bħala kundizzjoni ta’ eliġibbiltà, iżda hija fid-diskrezzjoni tar-rikorrent.

Il-formoli tar-rikors huma disponibbli mill-uffiċċji tal-Kunsill tal-Avukati.

Ir-rikorsi għal għajnuna legali fi proċedimenti ċivili jridu jiġu ppreżentati lill-uffiċċju tal-Kunsill tal-Avukati li huwa kompetenti fir-rigward ta’:

  • il-post fejn ikun ibbażat l-imħallef li quddiemu jkunu pendenti l-proċedimenti;
  • il-post fejn ikun ibbażat l-imħallef li jkun kompetenti biex jiddeċiedi fuq il-merti tal-kawża, jekk il-proċedimenti jkunu għadhom għaddejjin;
  • il-post fejn ikun ibbażat l-imħallef li jkun ħareġ id-deċiżjoni kkontestata għall-appelli quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Kunsill tal-Istat jew il-Qorti tal-Awdituri.

Ir-rikors skont l-Artikolu 78 tad-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002 ikun inammissibbli jekk ma jkunx iffirmat mir-rikorrent. Il-firma trid tiġi awtentikata mill-avukat jew permezz tal-proċeduri stabbiliti mill-Artikolu 38(3) tad-Digriet Presidenzjali Nru 445 tat-28 ta’ Diċembru 2000.

7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?

Ir-rikors, iffirmat mir-rikorrent, irid isir fuq karta sempliċi (mhux ittimbrata) u jrid jindika dan li ġej (l-Artikolu 79 tad-Digriet Presidenzjali ta’ hawn fuq):

  • it-talba għal għajnuna legali
  • id-dettalji personali u l-kodiċi tat-taxxa tar-rikorrent u tal-membri tal-familja tiegħu
  • dikjarazzjoni tad-dħul riċevut is-sena ta’ qabel ir-rikors (awtodikjarazzjoni)
  • impenn li jiġi nnotifikat kwalunkwe ċaqliq sinifikanti fid-dħul għall-finijiet tal-eliġibbiltà għall-għajnuna
  • jekk il-kawża tkunx diġà pendenti
  • id-data tas-seduta li jkun imiss
  • id-dettalji u l-post ta’ residenza tal-kontroparti
  • raġunijiet fattwali u legali għall-valutazzjoni tal-bażi tat-talba li tkun qed tiġi asserita
  • evidenza (kopji ta’ dokumenti, dettalji ta’ kuntatt, dikjarazzjonijiet tax-xhieda, opinjonijiet esperti, eċċ. mehmużin).

8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?

Kif intqal aktar ’il fuq, ir-rikorsi għal għajnuna legali fi proċedimenti ċivili jridu jiġu ppreżentati lill-uffiċċju tal-Kunsill tal-Avukati li huwa kompetenti fir-rigward ta’:

  • il-post fejn ikun ibbażat l-imħallef li quddiemu jkunu għaddejjin il-proċedimenti;
  • il-post fejn ikun ibbażat l-imħallef li jkun kompetenti biex jiddeċiedi fuq il-merti tal-kawża, jekk il-proċedimenti jkunu għadhom għaddejjin;
  • il-post fejn ikun ibbażat l-imħallef li jkun ħareġ id-deċiżjoni kkontestata għall-appelli quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Kunsill tal-Istat jew il-Qorti tal-Awdituri.

Fir-rigward tal-proċeduri kriminali, ir-rikorsi jridu jiġu ppreżentati lill-imħallef li quddiemu jkunu pendenti l-proċedimenti, filwaqt li jiġi ċċarat li, jekk il-proċedimenti jkunu pendenti quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni, huwa l-imħallef li jkun ħareġ id-deċiżjoni kkontestata li jkun kompetenti (l-Artikoli 93 u 96 tad-Digriet Presidenzjali msemmi hawn fuq).

Ir-rikors irid jiġi ppreżentat lill-iskrivan tal-Qorti li fiha jkun ibbażat l-imħallef tal-proċediment, mir-rikorrent jew mill-avukat tar-rikorrent, jew jista’ jintbagħat lill-iskrivan permezz ta’ kunsinna reġistrata.

Jekk ir-rikorrent ikun detenut jew miżmum il-ħabs, ir-rikors jista’ jintlaqa’ mid-direttur tal-ħabs jew minn uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja.

Ma għadux possibbli li jiġu ppreżentati rikorsi matul seduta ta’ smigħ.

9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?

Kopja tad-dokument li permezz tiegħu l-Kunsill tal-Avukati jagħti, jiċħad jew jiddikjara r-rikors bħala inammissibbli tintbagħat lir-rikorrent u lill-imħallef.

Wara li jkun ġie ppreżentat ir-rikors, il-Kunsill tal-Avukati:

  • jivvaluta l-bażi tat-talba li tkun qed tiġi asserita u jekk il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà ġewx issodisfati,
  • joħroġ waħda mid-deċiżjonijiet li ġejjin fi żmien 10 ijiem:
    • rikors aċċettabbli
    • rikors inammissibbli
    • rikors miċħud
  • jibgħat kopja tad-deċiżjoni lir-rikorrent, lill-imħallef kompetenti u lid-Dipartiment tat-Taxxa, sabiex jivverifika d-dħul iddikjarat.

Jekk il-Kunsill tal-Avukati jiċħad jew jiddikjara r-rikors inammissibbli, dan jista’ jitressaq quddiem l-imħallef li jkun qed jisma’ l-kawża, li mbagħad jieħu deċiżjoni fil-forma ta’ ordni. It-terminu huwa obbligatorju.

Wara li jitlestew il-kontrolli, l-imħallef joħroġ ordni motivata li tiddikjara r-rikors inammissibbli, jew inkella aċċettabbli jew miċħud.

Ladarba tinħareġ, l-iskrivan tal-Qorti jinnotifika lir-rikorrent dwar l-ordni.

Madankollu, fi proċedimenti kriminali, l-imħallef ikun jeħtieġlu joħroġ ordni fi żmien 10 ijiem mid-data tal-preżentata jew tal-wasla tar-rikors.

10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

-

11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Ir-rikorrenti li jingħataw għajnuna legali jistgħu jaħtru avukat mil-listi ta’ avukati tal-għajnuna legali stabbiliti mill-kunsilli tal-Avukati tad-distrett tal-Qorti tal-Appell fejn ikun ibbażat l-imħallef kompetenti biex jiddeċiedi fuq il-merti tal-kawża jew l-imħallef li quddiemu jkunu pendenti l-proċedimenti.
Ir-rikorrenti li jingħataw l-għajnuna legali jistgħu jaħtru wkoll xhud espert, fejn dan ikun permess mil-liġi.

Jekk il-kawża tkun quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni, l-avukat jintgħażel mil-listi stabbiliti mill-Kunsilli tal-Avukati tad-distrett tal-Qorti tal-Appell fejn ikun ibbażat l-imħallef li jkun ħareġ id-deċiżjoni kkontestata.

Il-lista ta’ avukati tal-għajnuna legali tinkludi professjonisti li jkunu applikaw biex jitpoġġew fiha u li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa biex jibnu difiża.

Il-Kunsill tal-Avukati jieħu d-deċiżjoni li jinkludi avukati fuq il-lista abbażi tal-kapaċitajiet tagħhom, l-esperjenza professjonali miksuba matul mill-anqas sitt snin u l-fatt li ma kinux soġġetti għal miżuri dixxiplinari.

L-avukati jistgħu jitneħħew mil-lista f’kull ħin. Din tiġġedded kull sena u tkun disponibbli għall-pubbliku fl-uffiċċji ġudizzjarji kollha fid-distrett.

L-avukati li jirrappreżentaw il-parti li tkun ingħatat għajnuna jkun jeħtiġilhom jitolbu notifika li l-proċedimenti waqfu jekk ikunu tneħħew mil-lista tal-kawżi minħabba li l-partijiet ikunu naqsu milli jieħdu azzjoni (skont l-Artikolu 309 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). In-nuqqas ta’ konformità ma’ dan l-obbligu huwa kwistjoni dixxiplinarja.

12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?

Il-benefiċjarji tal-għajnuna legali (l-Artikolu 107 tad-Digriet Presidenzjali) huma eżentati milli jħallsu ċerti spejjeż, filwaqt li oħrajn jitħallsu mill-Istat, kif stipulat fl-Artikolu 131 tad-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002. L-għajnuna tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti meħtieġa mil-liġi, inkluża l-ħatra ta’ xhud espert li jaġixxi għar-rikorrent. Madankollu, ma tkoprix l-ispejjeż tal-konsultazzjonijiet barra mill-qorti.

L-onorarji u l-ispejjeż dovuti lill-avukat tar-rikorrent jitħallsu mill-imħallef fl-aħħar ta’ kull stadju jew istanza tal-proċedimenti u, fi kwalunkwe każ, mat-tmiem tal-ħatra.

L-ispejjeż u t-tariffi tal-assistent tal-imħallef u ta’ kull xhud espert li jkun qed jaġixxi għar-rikorrent, jitħallsu wkoll.

Il-benefiċjarju u l-partijiet involuti, inkluż il-prosekutur pubbliku, jiġu nnotifikati dwar l-ordni ta’ pagament u jistgħu jikkontestawha.

L-avukat tar-rikorrent, l-assistent tal-imħallef u x-xhud espert li jaġixxi għar-rikorrent ma jistgħux jitolbu jew jirċievu remunerazzjoni jew kumpens mill-klijent tagħhom ħlief għal dak previst mil-liġi. Kwalunkwe ftehim kuntrarju jkun null u bla effett u kwalunkwe ksur ta’ din il-projbizzjoni huwa reat dixxiplinari serju.

Fil-każ ta' azzjoni ċivili mressqa b’konnessjoni ma’ proċedimenti kriminali, l-ispejjeż tal-proċedimenti huma rregolati mill-Artikolu 108 tat-Test Konsolidat. Madankollu, b’mod ġenerali, l-eliġibbiltà għal għajnuna legali tagħti lill-benefiċjarju l-istess drittijiet bħal dawk koperti mir-regoli ġenerali.

13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?

Ir-regoli dwar l-għajnuna legali ma jipprevedux għajnuna parzjali.

14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?

L-eliġibbiltà tkopri l-istanzi u l-istadji kollha tal-proċedimenti u kwalunkwe proċedura derivata jew konnessa b’mod ieħor (bħall-eżekuzzjoni).

Madankollu, jekk il-parti li tkun ingħatat l-għajnuna titlef, hija ma tkunx tista’ tuża l-għajnuna legali biex tikkontesta d-deċiżjoni, minbarra t-talbiet għal kumpens b’rabta ma’ proċedimenti kriminali.

15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?

Jekk ikun hemm bidliet fir-rigward tad-dħul tal-benefiċjarju matul il-proċedimenti li jkollhom effett fuq l-eliġibbiltà tiegħu għal għajnuna legali, l-imħallef tal-proċedura jirtira l-għajnuna.
L-imħallef tal-proċedura jista’ wkoll jirtira l-għajnuna legali fi kwalunkwe ħin jekk jirriżulta li l-kriterji ta’ eliġibbiltà ma jkunux ġew issodisfati jew li l-parti kkonċernata tkun aġixxiet jew irreaġiet b’mala fide jew b’negliġenza gravi.

L-irtirar jidħol fis-seħħ mill-mument li l-bidla fid-dħul tkun ġiet ivverifikata, iżda f’każijiet oħra dan ikun retroattiv u jirrikjedi l-irkupru tas-somom imħallsa mill-Istat.

Jekk jinstab li jkunu saru dikjarazzjonijiet foloz, l-uffiċċju tal-finanzi jitlob l-irtirar tal-għajnuna u jgħaddi l-evidenza lill-Prosekutur Pubbliku responsabbli għall-preżentata ta’ kwalunkwe proċediment kriminali li jirriżulta.

Il-verifiki li l-kriterji tal-eliġibbiltà jkomplu jiġu ssodisfati jistgħu jiġu ripetuti matul il-proċedimenti fuq talba tal-awtoritajiet ġudizzjarji jew fuq l-inizjattiva tal-uffiċċji finanzjarji.

Jekk ikunu saru dikjarazzjonijiet foloz dwar id-dħul, dan iġorr sentenza ta’ bejn sena u ħames snin ħabs u multa ta’ bejn EUR 309.87 u EUR 1,549.37. Is-sentenza jew il-multa tiżdied jekk id-dikjarazzjoni falza tkun wasslet sabiex ir-rikorrent jikseb l-għajnuna legali jew ikompli jikseb għajnuna legali.

Il-kundanna tirriżulta fl-irtirar retroattiv tal-għajnuna u l-irkupru tas-somom imħallsa mill-Istat mit-trasgressur (cf. l-Artikolu 136 tad-Digriet Presidenzjali msemmi aktar ’il fuq).

16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?

Jekk il-Kunsill kompetenti tal-Avukati jiċħad ir-rikors għal għajnuna legali jew jekk jiddikjarah inammissibbli, ir-rikorrent jista’ jerġa’ jressaq ir-rikors quddiem l-imħallef li jkun qed jisma’ l-kawża, li mbagħad jieħu deċiżjoni fil-forma ta’ ordni.

Madankollu, fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali, l-Artikolu 99 tad-Digriet Presidenzjali jistabbilixxi li r-rikorrent jew l-avukat tar-rikorrent jistgħu jressqu appell lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti tal-Appell, li l-imħallef li jkun ċaħad it-talba jappartjeni għaliha, fi żmien 20 jum min-notifika tar-rikors miċħud.

L-aħħar aġġornament: 06/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.