Għajnuna legali

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?

L-ispejjeż tal-proċedimenti legali jvarjaw skont in-natura u l-ambitu tal-każ. L-ispejjeż legali jinkludu, pereżempju, it-tariffi u l-ispejjeż tal-assistenza legali, l-ispejjeż li jirriżultaw mill-kumpens għax-xhieda u mill-forniment ta’ servizzi ta’ interpretazzjoni u ta’ traduzzjoni, l-ispejjeż tal-immaniġġjar u l-ħlasijiet għad-dokumenti miġburin mill-awtoritajiet, u t-tariffi tal-eżekuzzjoni pagabbli lill-Istat. It-tariffi tal-assistenza legali jammontaw għall-parti l-kbira tal-ispejjeż involuti fil-proċedimenti legali. Bħala regola, kull parti tħallas l-ispejjeż legali proprji tagħha. Madankollu, il-qorti tista’ tordna lill-parti telliefa tħallas l-ispejjeż imġarrba mill-kontroparti.

2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?

L-għajnuna legali tingħata bl-ispejjeż għall-Istat lil persuni li jkunu jeħtieġu assistenza esperta fi kwistjoni legali iżda li ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-ispejjeż tal-proċedimenti minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. L-għajnuna legali tkopri l-konsulenza legali, il-miżuri u r-rappreżentanza meħtieġa quddiem il-qrati u awtoritajiet oħra, kif ukoll l-eżenzjoni mill-ispejjeż tal-proċedimenti. Mhuwiex meħtieġ test tal-mezzi meta tiġi pprovduta konsulenza legali minuri lill-applikant bit-telefown jew b’mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni oħrajn.

3 X’inhuma r-rekwiżiti biex tingħata l-għajnuna legali?

L-għajnuna legali tingħata fi kwistjonijiet fil-ġuriżdizzjoni Finlandiża lil persuni b’muniċipalità ta’ residenza fil-Finlandja u lil persuni domiċiljati jew abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea (UE) jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Barra minn hekk, l-għajnuna legali tingħata jekk il-kwistjoni tkun se tinstema’ quddiem qorti Finlandiża jew jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għall-għajnuna legali. F’każijiet ikkunsidrati barra mill-pajjiż, l-għajnuna legali tkopri l-għoti ta’ konsulenza legali ġenerali.

Ma tingħatax għajnuna legali lil kumpanija jew lil korporazzjoni. L-għajnuna legali tingħata lil imprenditur fi kwistjoni ta’ negozju, għajr kawża fil-qorti, biss jekk ikun hemm raġunijiet speċjali biex isir hekk.

L-għajnuna legali tingħata wara talba, bla ħlas jew kontra deduċibbli, abbażi tal-istatus finanzjarju tal-applikant. Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-applikant tiġi valutata abbażi tal-fondi għad-dispożizzjoni tiegħu kull xahar (mezzi disponibbli) u tal-assi tiegħu. Bħala regola ġenerali, il-mezzi disponibbli jiġu kkalkulati fuq il-bażi tad-dħul ta’ kull xahar, l-ispejjeż meħtieġa, u r-responsabbiltà ta’ manteniment tal-applikant u tal-konjuġi jew il-konkubin(a) tiegħu. L-għajnuna legali tingħata lil persuni li l-mezzi u l-beni disponibbli tagħhom ma jaqbżux l-ammont determinat permezz ta’ digriet tal-gvern. Aktar dispożizzjonijiet dwar id-dħul u l-ispejjeż li għandhom jiġu kkunsidrati, l-impatt tal-obbligu ta’ manteniment fuq il-kalkolu tal-mezzi disponibbli, il-konsiderazzjoni tal-assi, u l-kriterji għad-determinazzjoni tad-deduċibbli tal-benefiċjarju tal-għajnuna legali jiġu stabbiliti permezz ta’ digriet tal-gvern.

Ma tingħatax għajnuna legali jekk l-applikant ikollu assigurazzjoni tal-ispejjeż legali li tkopri l-kwistjoni kkonċernata. Madankollu, fi kwistjoni li tinstema’ minn qorti, il-qorti tista’ tagħti għajnuna legali sal-punt li l-ispejjeż tal-proċedimenti jaqbżu l-kopertura massima ddikjarata fil-polza tal-assigurazzjoni. Meta l-applikant ikun intitolat għal għajnuna legali bla ħlas fuq il-bażi tal-istatus finanzjarju tiegħu, l-għajnuna legali tista’ tingħata wkoll biex tkopri d-deduċibbli ddikjarat fil-polza tal-assigurazzjoni.

4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?

L-għajnuna legali hija disponibbli f’każijiet li jinstemgħu quddiem qorti, kif ukoll fi kwistjonijiet legali barra mill-qorti.

Ma tingħatax għajnuna legali jekk:

  1. il-kwistjoni tkun ta’ importanza minuri għall-applikant;
  2. tkun manifestament inutli meta mqabbla mal-benefiċċju għall-applikant;
  3. il-każ ikun jikkostitwixxi abbuż tal-proċess; jew
  4. il-każ ikun ibbażat fuq dritt ċedut u jkun hemm raġuni biex wieħed jemmen li l-għan taċ-ċessjoni kien li tingħata għajnuna legali.

Bħala regola, l-għajnuna legali ma tkoprix ir-rappreżentanza fi:

  1. kwistjoni ta’ petizzjoni ttrattata f’qorti ġenerali;
  2. każ kriminali sempliċi;
  3. kwistjoni li tikkonċerna t-tassazzjoni jew imposta pubblika; jew
  4. kwistjoni fejn id-dritt li tintalab rettifika jew id-dritt ta’ appell ikun ibbażat fuq sħubija f’muniċipalità jew korporazzjoni pubblika oħra.

Anki f’dan il-każ, konsulent legali pubbliku jista’ jipprovdi konsulenza legali u jfassal kwalunkwe dokument meħtieġ, jekk ikun meħtieġ.

5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?

L-applikant għall-għajnuna legali għandu jinforma lill-uffiċċju tal-għajnuna legali [oikeusaputoimisto] jekk il-kwistjoni tkun urġenti.

6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?

Il-formola tat-talba għall-għajnuna legali tista’ tinkiseb minn https://oikeus.fi/oikeusapu/fi/index/asiointi/lomakkeet.html

Il-formola tat-talba għall-għajnuna legali hija disponibbli wkoll mill-uffiċċju tal-għajnuna legali. L-informazzjoni ta’ kuntatt għall-uffiċċji hija disponibbli minn https://oikeus.fi/oikeusapu/fi/index/yhteystiedot.html

It-talba għall-għajnuna legali tista’ ssir ukoll permezz tas-servizz elettroniku fuq

https://oikeus.fi/oikeusapu/fi/index/asiointi/oikeusavunsahkoinenasiointi.html

7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?

Fit-talba għall-għajnuna legali, l-applikant irid jipprovdi informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħu u l-kwistjoni li t-talba għall-għajnuna legali tkun qed issir għaliha, kif ukoll dwar l-assigurazzjoni tal-ispejjeż legali (ara l-Mistoqsija 6 dwar il-formoli tat-talba għall-għajnuna legali). Fuq talba tal-uffiċċju tal-għajnuna legali, l-applikant irid jipprovdi wkoll dikjarazzjoni tad-dħul u l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll tal-assi u l-passivi tiegħu. Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni dwar il-kunfidenzjalità, l-uffiċċju tal-għajnuna legali għandu d-dritt jikseb kwalunkwe informazzjoni li tkun meħtieġa biex jistabbilixxi jekk l-applikant ikunx intitolat għall-għajnuna legali fuq il-bażi tal-istatus finanzjarju tiegħu u jekk l-applikant ikollux assigurazzjoni tal-ispejjeż legali li tkopri l-materja ikkonċernata.

8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?

It-talba għall-għajnuna legali tista’ ssir minn kwalunkwe uffiċċju tal-għajnuna legali. L-informazzjoni ta’ kuntatt għall-uffiċċji hija disponibbli minn https://oikeus.fi/oikeusapu/fi/index/yhteystiedot.html

It-talba għall-għajnuna legali tista’ ssir ukoll permezz tas-servizz elettroniku fuq

https://oikeus.fi/oikeusapu/fi/index/asiointi/oikeusavunsahkoinenasiointi.html

9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?

L-uffiċċju tal-għajnuna legali jiddeċiedi dwar l-għoti tal-għajnuna legali. Id-deċiżjoni tintbagħat fl-indirizz ta’ kuntatt innotifikat mill-applikant.

10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Sabiex jistabbilixxi d-dritt tiegħu għall-għajnuna legali, l-applikant jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jikkuntattjaw lill-uffiċċju tal-għajnuna legali.

11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

L-għajnuna legali tingħata minn konsulenti legali pubbliċi. Madankollu, fi kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati minn qorti, konsulent legali privat li jkun ta l-kunsens tiegħu għall-kompitu jista’ jinħatar ukoll biex jagħti assistenza legali. Avukat jew konsulent legali liċenzjat biss jista’ jinħatar bħala konsulent legali privat. Meta l-benefiċjarju ta’ għajnuna legali jkun ippropona persuna kwalifikata biex tkun il-konsulent legali tiegħu, trid tinħatar dik il-persuna, sakemm ma jirrikjedux mod ieħor xi raġunijiet speċifiċi. Fil-kompitu tiegħu, il-konsulent legali huwa obbligat jikkonforma ma’ kondotta tajba bħala avukat.

12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?

L-għajnuna legali tkopri t-tariffi jew id-drittijiet tal-konsulent legali, b’mod sħiħ jew parzjali, skont il-fondi u t-tfaddil li jkollu l-benefiċjarju. L-għajnuna legali tkopri s-servizzi ta’ konsulent legali għal massimu ta’ 80 siegħa, sakemm il-qorti ma tiddeċidix li testendi l-għajnuna legali għal raġunijiet speċifiċi. Fi kwistjoni legali ekstraġudizzjarja, il-limitu massimu ta’ 80 siegħa huwa assolut. L-għajnuna legali tkopri wkoll it-tariffi tal-interpretazzjoni u l-ispejjeż tat-traduzzjoni, it-tariffi biex tingħata x-xhieda l-qorti u l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-evidenza meħtieġa, bħal evidenza medika.

Jekk l-applikant ikollu assigurazzjoni għall-ispejjeż legali u jkun ingħata għajnuna legali mingħajr ħlas, l-Istat jista’ jħallas id-deduċibbli tal-assigurazzjoni tal-ispejjeż legali. Spejjeż li jaqbżu l-limitu massimu tal-assigurazzjoni jistgħu jitħallsu wkoll għal raġunijiet partikolari. L-ammont li jrid jitħallas jiġi indikat fid-deċiżjoni dwar l-għajnuna legali.

Il-benefiċjarju tal-għajnuna legali jirċievi mingħajr ħlas, mingħand il-qorti u awtoritajiet oħrajn, id-dokumenti meħtieġa għat-trattament tal-każ, kopji ta’ dokumenti uffiċjali, notifika, eċċ., u avviżi fil-Gazzetta Uffiċjali u tentattivi ta’ eżekuzzjoni.

Applikant li jkun intitolat għal għajnuna legali mingħajr ħlas abbażi tal-fondi disponibbli tiegħu u li ma jitqiesx li jkun jeħtieġ konsulent legali jista’ jiġi eżentat mit-tariffi msemmijin hawn fuq.

L-Istat ma jħallasx l-ispejjeż tal-parti l-oħra fil-każ li l-benefiċjarju tal-għajnuna legali jitlef il-każ.

13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?

Id-deduċibbli tal-benefiċjarju tal-għajnuna legali mill-ispejjeż tal-proċedimenti legali jiġi stabbilit abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Jekk l-għajnuna legali tkun ingħatat minn konsulent legali pubbliku, il-benefiċjarju tal-għajnuna legali jrid iħallas id-deduċibbli lill-uffiċċju tal-għajnuna legali. Jekk l-għajnuna legali tkun ingħatat minn konsulent legali privat, il-benefiċjarju tal-għajnuna legali jrid iħallas id-deduċibbli lill-konsulent legali ikkonċernat.

14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?

Iva. L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż legali neċessarji kollha tal-applikant, kif meħtieġ mill-każ. Id-deduċibbli tal-benefiċjarju tal-għajnuna legali mill-ispejjeż tal-proċedimenti legali jiġi stabbilit abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu.

15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?

Jekk jinstab li l-prerekwiżiti għall-għoti tal-għajnuna legali ma kinux jeżistu, jew jekk iċ-ċirkostanzi jkunu nbidlu jew ma baqgħux jeżistu, l-uffiċċju tal-għajnuna legali jew il-qorti jistgħu jemendaw id-deċiżjoni dwar l-għajnuna legali jew jiddeċiedu li l-għoti tal-għajnuna legali għandu jieqaf. Meta d-deduċibbli ta’ benefiċjarju tal-għajnuna legali jiġi emendat, tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-emenda għandhiex tiġi applikata b’mod retroattiv. Meta jiġi deċiż li l-għajnuna legali għandha titwaqqaf, tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-benefiċjarju għandux jikkumpensa lill-Istat għall-għajnuna legali li rċieva u jiġi determinat l-ammont ta’ dak il-kumpens.

16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?

Jekk l-għajnuna legali ma tingħatax skont it-talba, l-applikant jista’ jressaq il-kwistjoni tal-għajnuna legali quddiem qorti għal deċiżjoni. Id-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-għajnuna legali tkun akkumpanjata minn struzzjonijiet dwar is-sottomissjoni ta’ dik id-deċiżjoni lil qorti għal rikonsiderazzjoni (sottomissjoni). Ir-rikunsiderazzjoni għandha ssir bil-miktub u tingħadda lill-uffiċċju tal-għajnuna legali li jkun ħa d-deċiżjoni. L-uffiċċju tal-għajnuna legali jista’ wkoll jemenda d-deċiżjoni tiegħu hu stess. Jekk l-uffiċċju tal-għajnuna legali jqis li ma hemmx bżonn ta’ emenda, huwa għandu jirreferi t-talba għal deċiżjoni lil qorti għal reviżjoni. Il-qorti tista’ timmodifika wkoll ir-rikunsiderazzjoni tal-uffiċċju tal-għajnuna legali għad-detriment tal-applikant.

17 It-talba għal għajnuna legali għandha l-effett li tissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni?

B’talba għall-għajnuna legali, tintalab għajnuna legali għal kwistjoni speċifika. Talba għal għajnuna legali la tressaq kawża quddiem qorti u lanqas ma tipposponi l-iskadenza tat-termini preskrittivi.

Aktar informazzjoni

Fi proċedimenti kriminali, il-qorti tista’ taħtar difensur pubbliku għall-persuna suspettata u konsulent legali u persuna ta’ appoġġ għall-vittma għall-kumpilazzjoni u l-proċess. Konsulent legali pubbliku, avukat jew, għal raġuni speċjali, konsulent legali liċenzjat biss jistgħu jinħatru bħala difensur jew bħala konsulent legali tal-vittma. Il-persuna ta’ appoġġ trid tkun kwalifikata għall-kompitu. Jekk il-qorti ssib lill-persuna suspettata ħatja tar-reat kriminali li tkun ġiet assenjata difensur għall-kumpilazzjoni u l-proċess għalih, hija tkun obbligata tirrimborża lill-istat għall-ammonti kompensatorji mħallsa minn fondi tal-Istat. Jekk il-persuna suspettata tissodisfa l-prerekwiżiti finanzjarji għall-għajnuna legali, l-ammont tar-rimborż ma jistax jaqbeż dak li ngħata mill-għajnuna legali.

Aktar informazzjoni dwar l-għajnuna legali hija disponibbli fuq https://oikeus.fi/oikeusapu/fi/index.html

L-aħħar aġġornament: 25/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.