Għajnuna legali

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Il-proċedimenti legali xi spejjeż jinvolvu, u normalment min irid iħallashom?

Matul il-proċedimenti ċivili jinqalgħu tariffi tal-qorti u l-partijiet jistgħu jġarrbu wkoll tariffi għall-esperti, l-interpreti u x-xhieda, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar għall-partijiet u għal kwalunkwe kuratur maħtur mill-qorti (Kuratoren) (għall-partijiet li jkunu assenti jew li jkunu jeħtieġu kuratur), kif ukoll l-ispejjeż assoċjati mal-avviżi pubbliċi u r-rappreżentanza minn avukat. Kull parti inizjalment tħallas l-ispejjeż tagħha; madankollu, il-parti telliefa fi proċedimenti ċivili hija obbligata tirrimborża l-ispejjeż tal-parti rebbieħa.

2 X’inhija eżattament l-għajnuna legali?

Parti b’mezzi finanzjarji insuffiċjenti tista’ tapplika għall-għajnuna legali (magħrufa bħala Verfahrenshilfe fi proċedimenti ċivili Awstrijaċi) meta tibda l-proċedimenti ċivili jew fi kwalunkwe ħin waqt li jkunu għaddejjin dawk il-proċedimenti. Skont ir-rikors, l-għajnuna legali tista’ tieħu l-forma ta’ eżenzjoni sħiħa jew parzjali mit-tariffi tal-qorti u mit-tariffi u l-ispejjeż l-oħra msemmija fil-punt 1, kif ukoll il-ħatra ta’ avukat mingħajr ħlas.

Jekk jinħatar avukat, l-għajnuna legali tkopri wkoll il-konsulenza mogħtija mill-avukat qabel il-proċedimenti.

3 Għandi dritt għal għajnuna legali?

L-għajnuna legali tingħata biss jekk il-parti kkonċernata, fuq il-bażi tal-introjtu, l-assi u l-obbligi ta’ manteniment tagħha, ma tkunx tista’ tkopri l-ispejjeż elenkati fil-punt 1 (jew parti minnhom) mingħajr ma jiġi affettwat il-livell tar-riżorsi meħtieġa biex iżżomm livell tal-għajxien modest.

L-għajnuna legali ma tingħatax jekk l-azzjoni legali jew id-difiża maħsuba jidhru li jkunu manifestament frivoli jew nieqsa minn kwalunkwe prospett ta’ suċċess.

4 L-għajnuna legali tingħata għal kull tip ta’ proċediment?

L-għajnuna legali tingħata fil-proċedimenti kollha tal-qorti f’materji ċivili u kummerċjali, u r-rikorrent ma huwa soġġett għall-ebda rekwiżit ta’ nazzjonalità jew residenza.

Meta l-għajnuna legali tingħata fil-proċedimenti oriġinali (Titelverfahren), din tkopri wkoll il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (Vollstreckungsverfahren). Parti li tkun ingħatat għajnuna legali fi Stat Membru ieħor tal-UE għal tilwima partikolari hija intitolata wkoll għall-għajnuna legali fl-Awstrija għall-proċedimenti assoċjati mar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fit-tilwima.

5 Jeżistu proċeduri speċjali f’każijiet ta’ bżonn?

Le, iżda jekk isir rikors għall-għajnuna legali f’każ ta’ ħtieġa (eż. fir-rigward tar-rappreżentanza legali fil-każ ta’ miżuri provviżorji), il-qorti hija meħtieġa tieħu deċiżjoni partikolarment malajr. Jekk il-qorti tal-proċess tagħti l-għajnuna legali permezz tal-ħatra ta’ avukat, il-kamra tal-avukati kompetenti taħtar l-avukat bħala r-rappreżentant tar-rikorrent fi żmien ftit jiem.

6 Minn fejn nista’ nikseb formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna legali?

Fl-Awstrija, il-formola rilevanti (“ZPForm 1”) tista’ tinġabar personalment minn kwalunkwe qorti tal-Prim’Istanza (qorti distrettwali (Bezirksgericht), qorti reġjonali (Landesgericht)) jew isir rikors għaliha bil-miktub minn tali qorti. Madankollu, hija disponibbli wkoll online minn https://portal.justiz.gv.at/at.gv.justiz.formulare/Justiz/Verfahrenshilfe.aspx u minn ċerti konsulati Awstrijaċi. L-użu tal-formola huwa obbligatorju.

7 X’dokumenti jridu jiġu ppreżentati mal-formola tal-applikazzjoni għal għajnuna legali?

Id-dikjarazzjoni tal-assi inkluża fir-rikors għall-għajnuna legali (“ZPForm 1”), li tinkludi lista tal-assi (dħul u assi bħal proprjetà, bilanċi bankarji, poloz tal-assigurazzjoni, eċċ.) u tal-obbligazzjonijiet (obbligi ta’ manteniment, eċċ.), kif ukoll informazzjoni dwar l-individwu u l-arranġamenti tal-għajxien tiegħu jew tagħha, għandha timtela b’mod preċiż. Jekk ikun possibbli, għandhom jiġu mehmuża wkoll id-dokumenti rilevanti. L-għoti ta’ informazzjoni mhux korretta jew mhux kompluta fid-dikjarazzjoni tal-assi huwa punibbli b’multa u jista’ jwassal għal responsabbiltà ċivili għal kwalunkwe dannu kkawżat u jirriżulta fi prosekuzzjoni kriminali abbażi ta’ frodi.

8 Fejn irrid nibgħat l-applikazzjoni tiegħi għal għajnuna legali?

Ir-rikors għall-għajnuna legali (“ZPForm 1”) irid jiġi ppreżentat bil-miktub jew b’mod verbali lill-qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi jekk l-għajnuna legali tingħatax jew tiġix miċħuda. Madankollu, il-parti tista’ tissottometti wkoll ir-rikors tagħha għall-għajnuna legali verbalment lill-qorti distrettwali fil-post tar-residenza tagħha fl-Awstrija, anki jekk dik il-qorti distrettwali ma tkunx kompetenti biex tiddeċiedi dwar it-tilwima, bil-kundizzjoni li s-sede tal-qorti tal-proċess tkun barra mid-distrett ġudizzjarju li fih tirrisjedi l-parti. F’dak il-każ ir-rikors jintbagħat lill-qorti kompetenti.

9 Kif nista’ nsir naf jekk jiniex intitolat għal għajnuna legali?

Il-qorti tiddeċiedi dwar ir-rikors għall-għajnuna legali. Dik id-deċiżjoni tintbagħat lir-rikorrent.

10 X’għandi nagħmel jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Jekk il-qorti tkun iddeċidiet li l-għajnuna legali se tinkludi l-ħatra ta’ avukat u l-identità tal-avukat tkun diġà ġiet stabbilita (ara l-mistoqsija 11), jagħmel sens li tiġi kkuntattjata dik il-persuna.

B’mod ġenerali, huwa rakkomandat li jinkiseb parir legali minn professjonist legali awtorizzat għar-rappreżentanza (avukat jew nutar) qabel ma jinbdew il-proċedimenti tal-qorti.

Madankollu, jekk parti ma tkunx rappreżentata minn avukat (u r-rappreżentanza minn avukat ma tkunx meħtieġa mil-liġi), huwa possibbli wkoll li parti tibda l-azzjoni, u tissottometti t-talbiet, ir-rikorsi u n-notifiki l-oħra kollha meħtieġa barra mis-seduta, verbalment fil-qorti distrettwali li tkun kompetenti biex tisma’ l-proċedimenti inkwistjoni jew il-qorti distrettwali fil-post tar-residenza tagħha.

11 Min jagħżilli l-avukat, jekk inkun intitolat għal għajnuna legali?

Jekk il-qorti tkun iddeċidiet li l-għajnuna legali tinkludi l-ħatra ta’ avukat, il-kamra tal-avukati lokali tagħżel avukat minn fost il-membri tagħha f’ordni alfabetiku. Ir-rikorrent jista’, madankollu, jipproponi avukat speċifiku. Għalkemm dik il-proposta ma torbotx lill-kamra tal-avukati lokali, proposta ġustifikata ġeneralment tiġi aċċettata (jekk l-avukat jaqbel u diġà jkun familjari mal-każ, pereżempju).

12 L-għajnuna legali tkopri l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti?

Fid-diskrezzjoni tagħha, il-qorti tista’ tagħti għajnuna legali sħiħa jew, skont is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrent u b’kont meħud tal-ispejjeż mistennija, tista’ teżentah minn ċerti tariffi biss. L-għajnuna legali tista’ tkopri dan li ġej:

  1. eżenzjoni provviżorja mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti, it-tariffi tax-xhieda u tal-esperti, l-ispejjeż tal-avviżi pubbliċi neċessarji, l-ispejjeż ta’ kuratur u l-ispejjeż fi flus tal-fiduċjarju jew tal-avukat; eżenzjoni mid-depożitu biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-parti avversarja;
  2. ir-rappreżentanza minn skrivan tal-qorti jew, jekk ikun meħtieġ, minn avukat;
  3. ir-rimborż tal-ispejjeż meħtieġa tal-ivvjaġġar imġarrba mill-parti sabiex tinstema’ jew tispjega l-fatti quddiem il-qorti li tkun qiegħda tmexxi l-proċedimenti.

Madankollu, jekk il-qorti tiddeċiedi kontra tiegħek, ikollok tirrimborża l-ispejjeż tal-proċedimenti li jkunu saru mill-parti rebbieħa.

13 Min għandu jħallas l-ispejjeż l-oħra jekk jien inkun intitolat biss għal għajnuna legali limitata?

Jekk iġġarrab spejjeż oħra neċessarji li ma jkunux koperti mill-għajnuna legali mogħtija skont id-deċiżjoni tal-qorti, ikollok tħallashom inti stess, tal-anqas b’mod provviżorju. Madankollu, il-parti telliefa f’kawża ċivili fl-aħħar mill-aħħar trid tirrimborża l-ispejjeż tal-parti avversarja fuq bażi pro rata, skont il-porzjon tal-azzjoni li fir-rigward tagħha tkun ħarġet telliefa (jekk, pereżempju, ir-rikorrent ikun rebbieħ fir-rigward ta’ żewġ terzi tal-azzjoni tiegħu u l-konvenut ikun rebbieħ fir-rigward ta’ terz, il-konvenut ġeneralment iħallas l-ispejjeż tiegħu u jirrimborża terz tal-ispejjeż meħtieġa mġarrba mir-rikorrent).

14 L-għajnuna legali tkopri l-appelli wkoll?

L-għajnuna legali tkopri l-istadji kollha tal-proċedimenti sal-konklużjoni tat-tilwima (u kwalunkwe proċediment ta’ eżekuzzjoni li jista’ jinbeda wara). Għalhekk tkopri wkoll l-appelli possibbli (jew il-proċeduri tal-appell).

15 L-għajnuna legali tista’ tiġi rtirata qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti (jew saħansitra tiġi revokata wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti)?

Il-qorti trid tiddikjara li l-għajnuna legali skadiet jekk jirriżulta li l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tkun oriġinarjament ingħatat l-għajnuna legali ma jkunux aktar issodisfati (jekk iċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-parti jinbidlu jew kwalunkwe azzjoni legali jew difiża oħra jidhru li jkunu manifestament frivoli jew nieqsa minn kwalunkwe prospett ta’ suċċess) jew trid tirtira l-għajnuna legali jekk ikun jista’ jiġi ppruvat li r-rekwiżiti għall-għoti tal-għajnuna legali ma kinux ġew issodisfati meta ngħatat. Fil-każ tal-aħħar, il-parti trid tħallas lura l-ammonti li tkun irċeviet u tħallas lill-avukat assenjat lilha abbażi tar-rata tiegħu.

Parti li tikseb riżorsi finanzjarji suffiċjenti fi żmien 3 snin mit-tmiem tal-proċedimenti hija obbligata tħallas lura l-għajnuna legali, bil-kundizzjoni li hija tkun tista’ tagħmel dan mingħajr ma jiġi affettwat il-livell tar-riżorsi meħtieġa biex iżżomm livell modest ta’ għajxien. Sabiex tiġi valutata s-sitwazzjoni finanzjarja tal-parti, hija tiġi mitluba mill-qorti tippreżenta dikjarazzjoni aġġornata tal-assi (ġeneralment billi tissottometti d-dokument “ZPForm 1” ċertu żmien wara t-tmiem tal-proċedimenti). Jekk id-dikjarazzjoni tal-assi ma tiġix ippreżentata lill-qorti fil-ħin bid-dokumenti neċessarji, l-għajnuna legali tista’ tiġi revokata u l-ammonti inkwistjoni jkollhom jiġu rimborżati.

16 Nista’ nikkontesta r-rifjut li ningħata għajnuna legali?

Appell kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-għajnuna legali jista’ jiġi ppreżentat lill-qorti tat-tieni istanza, li tieħu d-deċiżjoni finali. Mhux possibbli jiġi ppreżentat appell ieħor quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (Oberster Gerichtshof).

L-aħħar aġġornament: 05/06/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.