

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Fil-prattika, "notifika" tfisser li dokument jintbagħat jew jingħadda lil persuna u li hemm prova li din tkun irċeviet id-dokument jew li r-regoli tal-Att dwar in-Notifiki Ġudizzjarji (delgivningslagen) ġew segwiti. Ir-raġuni li jkun hemm regoli dwar in-notifiki tinkludi l-fatt li l-qrati għandhom ikunu jistgħu joqogħdu fuq li dokument jilħaq lil persuna li hu indirizzat lilha.
In-notifika trid issir jekk tkun stipulata speċifikament jew jekk dispożizzjoni relatata mal-informazzjoni tiddikjara li din għandha ssir minħabba l-għanijiet tad-dispożizzjoni kkonċernata; inkella, trid tintuża biss fejn tkun meħtieġa u minħabba l-konsiderazzjoni dovuta għaċ-ċirkostanzi, Eżempju ta' fejn in-notifika tkun stipulata speċifikament fil-liġi, jiġifieri id-dokumenti jridu jiġu nnotifikati, huwa meta tkun trid tiġi nnotifikata ċitazzjoni fuq konvenut f'kawża ċivili.
Spiss tkun l-awtorità jew il-qorti li tiżgura li d-dokumenti jiġu nnotifikati. Jista' jiġri, madankollu, li parti titlob li tiżgura hi stess li ssir in-notifika u l-awtorità jew il-qorti tippermettilha tagħmel hekk (notifika minn parti). Prerekwiżit għal notifika minn parti hija li dik in-notifika tkun skont il-liġi.
L-awtorità li ssirilha t-talba tfittex għal dettalji ġossta tal-indirizz għar-riċevitur fuq inizjattiva tagħha stess jekk ir-riċevitur ikun ġarr mill-indirizz mogħti fiċ-ċitazzjoni.
Kulħadd jista' jikkuntattja lill-Aġenzija tat-Taxxa Żvediża (Skatteverket), li żżomm reġistru tal-popolazzjoni li tgħix l-Iżvezja u l-indirizz ta' fejn jgħixu. Ma hemm l-ebda proċedura speċjali, formali biex jinkiseb aċċess għal din l-informazzjoni. Wieħed jista, pereżempju, iċempel lit-tim tas-servizzi għall-klijenti tal-Aġenzija tat-Taxxa Żvediża fuq + 46 8 564 851 60. Tista' ssib iktar informazzjoni fis-sit tal-Aġenzija fl-indirizz https://www.skatteverket.se/servicelankar/otherlanguages/inenglish.4.12815e4f14a62bc048f4edc.html. Il-ksib ta' informazzjoni mir-reġistru tal-popolazzjoni huwa bla ħlas.
Diffiċli li tiftixa għal indirizz għan-notifika ta' dokumenti tista' tiġi ttrattata bħala l-ġbir ta' prova. Din hi madankollu kwistjoni li trid tiġi deċiża mill-qorti rikjesta; sa fejn nafu, l-ebda talba ta' dan it-tip ma qatt ġiet eżaminata.
L-iktar mod komuni biex dokument jiġi nnotifikat huwa li jintbagħat bil-posta lill-persuna riċeventi (notifika standard). L-ittra tkun akkompanjata minn irċevuta tan-notifika, li r-riċevitur jintalab jiffirma u jibgħat lura.
Metodi alternattivi ta' notifika (flimkien ma' notifika sostitwita) huma notifika bit-telefown, notifika ssemplifikata, u notifika minn bailiff.
Notifika bit-telefown tfisser li l-kontenut tad-dokument li jrid jiġi nnotifikat jinqara fuq it-telefown lill-persuna li trid tiġi nnotifikata bih, u d-dokument, imbagħad, jiġi mpustat lilha. Ma hemm bżonn tal-ebda prova tal-irċevuta għal notifika bit-telefown. Id-dokument jitqies bħala li jkun ġie nnotifikat ladarba l-kontenut tiegħu ikun inqara.
Notifika ssemplifikata ssir bl-impustar tad-dokument fl-aħħar indirizz magħruf tal-persuna riċeventi u mbagħad billi jintbagħat avviż fl-istess indirizz fil-jum tax-xogħol segwenti, fejn jiġi ddikjarat li d-dokument intbagħat. Ma hemm bżonn tal-ebda prova tal-irċevuta għal notifika ssemplifikata. Id-dokument jitqies li ġie nnotifikat ġimagħtejn wara li jintbagħat, sakemm l-avviż ikun intbagħat kif stipulat. Notifika ssemplifikata tista' tintuża biss jekk il-persuna riċeventi tkun ġiet infurmata li tista' tintuża notifika ssemplifikata fil-każ jew fil-materja ikkonċernata. Fil-prattika, dan ifisser pereżempju li parti f'kawża trid tiġi nnotifikata b'dokument darba biss bil-prova tal-irċevuta.
Notifika speċjali għall-persuni ġuridiċi: Il-persuni ġuridiċi jistgħu, skont ċerti kundizzjonijiet, jiġu nnotifikati billi jintbagħat dokument fl-indirizz irreġistrat tal-kumpanija u billi jintbagħat avviż fl-istess indirizz fil-jum tax-xogħol segwenti. Id-dokument jitqies li ġie nnotifikat ġimagħtejn wara li jintbagħat, sakemm l-avviż ikun intbagħat kif stipulat.
Notifika minn bailiff tfisser li dokument jiġi nnotifikat personalment minn persuna awtorizzata għall-eżekuzzjoni ta' dik in-notifika, jiġifieri bailiff jew impjegat tal-Awtorità tal-Pulizija Żvediża (Polismyndigheten), l-Awtorità tal-Prosekuzzjoni Żvediża (Åklagarmyndigheten), il-qorti, l-Awtorità ta' Eżekuzzjoni Żvediża (Kronofogdemyndigheten), jew kumpanija tan-notifiki lliċenzjata.
Notifika elettronika hija permessa biss meta l-awtoritajiet jew il-qrati jkollhom jinnotifikaw dokument lil xi ħadd b'mezz ta' notifika standard.
Meta l-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokument ma tkunx tista' tinstab, id-dokumenti jistgħu jiġu kkomunikati fil-modi li ġejjin.
Notifika minn bailiff bl-użu ta' notifika "surrogatorja": Id-dokument jintbagħat lil xi ħadd li mhux il-persuna li trid tiġi nnotifikata. Pereżempju, dan jista' jkun membru adult tal-abitazzjoni tar-riċevitur jew min iħaddem lir-riċevitur. Ir-riċevitur surrogat dejjem irid, madankollu, jagħti l-kunsens li jirċievi d-dokument. Avviż tal-fatt li dokument ġie nnotifika u ta' min irċevieh irid jintbagħat fl-indirizz tar-riċevitur.
Notifika minn bailiff billi d-dokument jitħalla fuq il-post: Id-dokument jitħalla d-dar tar-riċevitur, pereżempju fil-kaxxa postali, jew f'post xieraq fid-dar, pereżempju jitwaħħal mal-bieb.
Notifika b'avviż: Dan isir billi d-dokument jibqa' disponibbli għand l-awtorità jew il-qorti li ddeċidiet dwar in-notifika, filwaqt li fl-istess ħin jiġi ppubblikat avviż dwar dan u dwar il-kontenuti ewlenin tad-dokument fil-Gazzetta Uffiċjali Żvediża (Post- och Inrikes Tidningar) u, jekk ikun hemm raġunijiet għal dan, fil-gazzetta lokali. Id-dokument jiġi simultanjament impustat fl-aħħar indirizz magħruf tal-persuna li trid tiġi nnotifikata.
Meta bailiff jinnotifika dokument bl-użu ta' notifika "surrogata", id-dokument ikun ġie nnotifikat meta jiġi kkonsenjat u l-avviż jintbagħat lir-riċevitur.
Meta bailiff jinnotifika dokument billi d-dokument jitħalla fuq il-post, id-dokument ikun ġie nnotifikat meta jitħalla kif deskritt fil-mistoqsija 7.1.
Dokument ikun ġie nnotifikat b'avviż ladarba jkunu għaddew ġimagħtejn mid-data tad-deċiżjoni b'effett li d-dokument irid ikun innotifikat b'avviż, sakemm l-avviż ikun ingħata u l-miżuri stipulati l-oħrajn ikunu saru fil-ħin (fi żmien għaxart ijiem).
Jekk dokument ikun kbir wisq jew għal xi raġuni ma jkunx adatt biex jintbagħat lir-riċevitur jew jitħalla għandu, l-awtorità tista' minflok tiddeċiedi li tħallih disponibbli għand l-awtorità kkonċernata jew f'post ieħor tal-għażla tagħha għal ċertu żmien. Ir-riċevitur irid jiġi pprovdut b'avviż tal-kontenut ta' deċiżjoni ta' dan it-tip.
Jekk ir-riċevitur jirrifjuta li jirċievi dokument innotifikat minn bailiff, id-dokument xorta jitqies li ġie nnotifikat jekk jitħalla fuq il-post.
Dokument jista' jiġi nnotifikat bil-posta jekk jintbagħat bil-posta rreġistrata. L-oġġett ikun jista' jinġabar mill-uffiċċju postali, iċ-ċentri tan-negozju postali u mingħand il-ħaddiema tal-konsenji postali, u jridu jkunu ffirmati mill-persuna mniżżla bħala r-riċevitriċi tad-dokumenti nnotifikati jew mir-rappreżentant ta' dik il-persuna; trid tintwera prova ta' identità. Huwa possibbli wkoll għall-parti li tordna n-notifika postali li tispeċifika li jiġi aċċettat biss li n-notifika ssir personalment.
Jekk in-notifika bil-posta rreġistrata ma tirnexxix, ma hemm l-ebda possibbiltà oħra disponibbli biex isir tentattiv li d-dokumenti jiġu nnotifikati bil-posta. Minflok jistgħu jiġu kkunsidrati miżuri oħrajn ta' notifika, bħal notifika minn bailiff.
Ir-riċevitur ta' dokument mibgħut bil-posta rreġistrata jkun infurmat bih b'avviż mibgħut fl-indirizz ta' dar ir-riċevitur, jew b'SMS jew b'ittra elettronika. L-oġġett normalment jibqa' fejn ikun tħalla għal perjodu ta' 14-il jum mid-data tal-wasla tiegħu.
Normalment ikun hemm irċevuta mill-persuna li jkun ġie nnotifikat bid-dokument jew dokument imfassal mill-awtorità jew mill-qorti bħala prova li d-dokument ġie nnotifikat bit-telefown, b'notifika surrogata jew billi d-dokument jitħalla fuq il-post.
Hemm il-libertà li wieħed jibgħat provi u li dawn jiġu eżaminati mill-qrati Żvediżi. Jista' jkun ippruvat li persuna rat id-dokument, u l-kwistjoni ta' jekk id-dokument ikunx ġie nnotifikat skont il-liġi ikun immaterjali. Għalhekk, kull żball formali ma jfissirx fih innifsu li d-dokument irid jerġa' jiġi nnotifikat; il-fattur kruċjali huwa jekk id-dokument wasalx għand il-persuna indirizzata.
Jekk, mill-banda l-oħra, wieħed jista' jipprova li l-persuna kellha tkun innotifikata bid-dokument ma tkunx irċevietu jew jekk ir-regoli li jirregolaw in-notifika tad-dokumenti ma ġewx segwiti, deċiżjoni tista' titħassar permezz ta' rimedju legali straordinarju.
Meta awtorità tkun responsabbli għan-notifika ta' dokumenti, l-ispejjeż ta' dik in-notifika jġarrabhom l-Istat. Dan ifisser, pereżempju, li l-attur fi proċedimenti ċivili ma għandux għalfejn jirrimborża lill-qorti tal-ispejjeż imġarrba minnha għan-notifika ta' ċitazzjoni lill-konvenut.
Jekk persuna individwali jew parti tkun tixtieq tinnotifika dokument lil xi ħadd, hija għandha ġġorr l-ispejjez ta' dik in-notifika. Pereżempju, l-ispiża biex jitqabbad impjegat tal-Awtorità tal-Pulizija Żvediża bħala bailiff hija ta' SEK 1 000.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.