Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Pollakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

In-"notifika ta' dokumenti" tfisser li persuni speċifiċi jiġu pprovduti b'aċċess għal korrispondenza intiża għalihom f'konformità mal-liġi.

Il-konformità mal-prinċipju kostituzzjonali tat-trasparenza tal-aġġudikazzjoni, il-garanzija tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet u l-possibbiltà tad-difiża tagħhom, il-validità tal-proċedimenti, il-kalkolu korrett ta' termini preskrittivi, u permezz ta' dan, il-validità ta' sentenzi kollha jiddependu fuq dokumenti li jiġu nnotifikati korrettament.

Ir-regoli dwar in-notifika ta' dokumenti huma mandatorji u l-partijiet ma għandhom ebda setgħa diskrezzjonali f'dan ir-rigward. Dawn ir-regoli huma mniżżla fl-Artikoli minn 131 sa 147 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ("il-Kodiċi") u fl-atti ta' implimentazzjoni segwenti:

  • Ir-Regolament tal-Ministeru tal-Ġustizzja tat-23 ta' Frar 2007 – Ir-Regoli ta' Proċedura għall-Qrati Ordinarji ("ir-Regoli ta’ Proċedura");
  • Ir-Regolament tal-Ministeru tal-Ġustizzja tat-12 ta' Ottubru 2010 dwar il-proċedura dettaljata u l-metodu għan-notifika ta' dokumenti ġudizzjarji fi proċedimenti ċivili ("ir-Regolament").

In-notifika ta' dokumenti extraġudizzjarji hija rregolata permezz tal-Att Postali tat-23 ta' Novembru 2012 u atti ta' implimentazzjoni maħruġa taħtu, inkluż ir-Regolament tal-Ministeru għall-Amministrazzjoni u d-Digitalizzazzjoni tad-29 ta' April 2013 dwar il-kundizzjonijiet għall-provvista ta' servizzi universali mill-fornitur ta' servizzi magħżul ("ir-Regolament dwar il-Posta").

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

Id-dokumenti ġudizzjarji (dokumenti mibgħuta minn qorti lill-partijiet u persuni oħra involuti fi proċedimenti tal-qorti) huma nnotifikati formalment. Dawn id-dokumenti jinkludu:

  • Kopji ta' petizzjonijiet, flimkien ma' annessi
  • Notifiki
  • Taħrikiet
  • Avviżi ta' drittijiet u obbligi
  • Kopji ta' sentenzi, flimkien mar-raġunijiet.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Fil-Polonja, id-dokumenti huma nnotifikati formalment, li jfisser li kważi d-dokumenti kollha huma nnotifikati fuq bażi ta' ex officio. Matul il-proċedimenti, id-dokumenti huma nnotifikati mill-qrati. L-awtoritajiet ta' notifika huma l-operatur postali, bailiffs u l-aġenzija ta' notifika tal-qorti. Bħala regola, id-dokumenti huma nnotifikati mill-operatur postali. Il-kostijiet u l-effettività tan-notifika jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jintgħażel il-mod li bih id-dokumenti ġudizzjarji għandhom jiġu nnotifikati. Id-dokumenti jistgħu jiġu nnotifikati mill-aġenzija ta' notifika tal-qorti, ir-reġistraturi tal-qorti, il-pulizija ġudizzjarja jew bailiffs (Artikolu 68 tar-Regoli ta' Proċedura) jekk dan il-metodu ta' notifika huwa aktar effettiv f'ċirkostanzi speċifiċi. Matul il-proċedimenti ta' infurzar, id-dokumenti huma nnotifikati mill-bailiffs. Il-Ministru tal-Ġustizzja jista' jistabbilixxi aġenzija ta' notifika tal-qorti u jiddetermina kemm l-istruttura organizzazzjonali tagħha kif ukoll proċedura dettaljata għan-notifika ta' dokumenti.

Skont l-Artikolu 132 tal-Kodiċi, l-avukati u l-konsulenti legali huma eżenti mill-prinċipju ta' notifika uffiċjali ta' dokumenti u jistgħu jinnotifikaw dokumenti lil xulxin direttament b'konferma datata tar-riċevuta. Il-prova li kopja tat-trattazzjoni ġiet innotifikata lill-parti l-oħra jew prova li din tkun intbagħtet permezz ta' ittra reġistrata hija inkluża mat-trattazzjonijiet mressqa lill-qorti. It-trattazzjonijiet li ma jinkludux prova ta' notifika jew prova tal-posta reġistrata jiġu rritornati. Id-dokumenti jistgħu wkoll jiġu nnotifikati direttament f'sekretarjat tal-qorti lil destinatarji li jkunu ppruvaw l-identità tagħhom u taw konferma tar-riċevuta.

Skont l-Artikolu 70 tar-Regoli ta' Proċedura, il-president tal-qorti jista' jordna li d-dokumenti ġudizzjarji jiġu nnotifikati direttament lil istituzzjonijiet lokali u avukati u li dokumenti trażmessi minn istituzzjonijiet lokali lill-qorti jiġu aċċettati direttament. Jekk dokument preparatorju ġie trażmess tant tard li ma setgħetx tiġi nnotifikata kopja tiegħu flimkien ma' taħrika għal seduta ta' smigħ, dak id-dokument jista' jiġi nnotifikat matul dik is-seduta.

Skont l-Artikolu 71 tar-Regoli ta' Proċedura u l-Artikolu 135 tal-Kodiċi, jekk id-destinatarju jkun indika biss numru ta' kaxxa postali bħala l-indirizz tal-korrispondenza, huwa jista' jiġi nnotifikat bil-wasla ta' dokument ġudizzjarju wkoll permezz ta' din il-kaxxa postali.

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

L-awtorità rikjesta tista' tistabbilixxi l-indirizz billi tuża r-reġistri rilevanti, fejn hija tikkunsidra dan xieraq. Ir-reġistri li jeżistu fil-Polonja huma elenkati fil-punt 4.2.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

L-informazzjoni inkwistjoni tista' tinkiseb mis-Sistema Elettronika Komuni tar-Reġistru tal-Popolazzjoni (PESEL) fuq it-talba tal-qorti li quddiemha jkun tressaq il-każ jew fuq it-talba ta' persuna li għandha interess leġittimu (dokumenti li jikkonfermaw interess leġittimu jinkludu petizzjonijiet, ittri tal-bailiffs u ftehimiet).

Parti jew persuna li għandha interess leġittimu għandha tagħmel talba billi tuża l-formularju disponibbli fuq http://www.mswia.gov.pl/portal/pl/381/32/.

It-tariffa hija ta' PLN 31. It-talbiet kollha jenħtieġ li jiġu akkumpanjati minn prova ta' ħlas tat-tariffa (it-talbiet imressqa mill-qrati huma eżenti mit-tariffa).

It-tariffa titħallas fil-kont segwenti:

Ministry of the Interior and Administration

Ul. Batorego 5

00-951 Warsaw

Numru tal-kont: NBP O/O Warszawa Nr 67 1010 0031 3122 3100 0000

Jekk ikun ġie maħtur avukat, il-prokura jenħtieġ li tiġi inkluża mat-talba.

It-talbiet jenħtieġ li jiġu trażmessi fl-indirizz segwenti:

Wydział Udostępniania Informacji

Departamentu Spraw Obywatelskich MSWiA

Ul. Pawińskiego 17/21

02-106 Warsaw

Fil-Polonja, l-indirizzi tal-impriżi (sħubiji rreġistrati, sħubiji professjonali, soċjetajiet limitati, soċjetajiet limitati b'responsabbiltà limitata u kumpaniji b'ishma konġunti, koperattivi, impriżi tal-gvern, korpi tar-riċerka u l-iżvilupp, impriżi barranin u l-fergħat tagħhom, kif ukoll soċjetajiet reċiproċi) huma disponibbli f'reġistru onlajn miżmum mir-Reġistru tal-Qorti Nazzjonali. Ir-reġistru jinżamm f'konformità mal-prinċipju tal-aċċess miftuħ (kulħadd jista' jaċċedi d-dejta ssejvjata fih).

L-informazzjoni disponibbli onlajn tista' tinsab fuq:

http://bip.ms.gov.pl/rejestry-i-ewidencje/okrajowy-rejestr-sadowy/elektroniczny-dostep-do-krajowego-rejestru-sadowego/

Magna tat-tiftix: https://ems.ms.gov.pl/krs/wyszukiwaniepodmiotu

Id-dejta ta' persuni fiżiċi li jaħdmu f'attivitajiet kummerċjali hija ssejvjata fir-Reġistru Ċentrali ta' Attività Kummerċjali u Rekord tal-Informazzjoni (CEIGD), li huwa miftuħ għall-pubbliku.

Il-magni tat-tiftix tar-Reġistru Ċentrali ta' Attività Kummerċjali u Rekord tal-Informazzjoni: https://prod.ceidg.gov.pl/ceidg.cms.engine/

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Il-qrati jeżaminaw jekk kull talba individwali hijiex ammissibbli. Ma hemm ebda prattika uniformi f'dan ir-rigward. Il-modi kif id-destinatarji jiġu stabbiliti huma diskussi fil-punt 4.2.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Fil-prattika, id-dokumenti ġudizzjarji normalment jintbagħtu b'ittra reġistrata bil-konferma tar-riċevuta (ara l-punt 3).

Skont l-Artikolu 133 tal-Kodiċi, jekk id-destinatarji huma persuni fiżiċi, id-dokumenti huma nnotifikati lilhom personalment, jiġifieri trażmessi lilhom, jew jekk ma għandhomx il-kapaċità ġuridika, lir-rappreżentanza ġudizzjarja tagħhom. Id-dokumenti intiżi għal persuni ġuridiċi u entitajiet mingħajr personalità ġuridika huma nnotifikati lil korp awtorizzat li jirrapreżentahom fil-qorti jew trażmessi lill-impjegati li jkunu awtorizzati li jirċievu dokumenti mill-kap tal-unità kkonċernat. Jekk tkun inħatret rappreżentanza ġudizzjarja jew tkun ġiet awtorizzata persuna biex tirċievi dokumenti ġudizzjarji, id-dokumenti jiġu nnotifikati lil dawn il-persuni.

Skont l-Artikolu 135 tal-Kodiċi, fuq it-talba ta' parti, id-dokumenti jistgħu jiġu kkonsenjati f'indirizz ta' kaxxa postali indikat minn dik il-parti.

Skont l-Artikolu 137 tal-Kodiċi, id-dokumenti huma nnotifikati lis-soldati li jkun qegħdin jagħmlu servizz militari obbligatorju u lil uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija u tas-Servizz tal-Ħabs permezz tal-kapijiet immedjati tagħhom. Id-dokumenti huma nnotifikati lil priġuniera permezz tal-korpijiet governattivi tal-istituzzjoni rilevanti.

In-notifika alternattiva u n-notifika fittizja huma diskussi fil-punt 7.

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

Skont l-Artikolu 1311 tal-Kodiċi, fil-proċedimenti għar-rikorsi tal-ħlas, id-dokumenti huma nnotifikati lir-rikorrenti permezz ta' sistema ta' ICT li hija kompatibbli ma' dawn il-proċedimenti (notifika elettronika). Id-dokumenti huma nnotifikati lil partijiet konvenuti jekk dawn ikunu ressqu xi talbiet b'mod elettroniku.

Jekk dokument jiġi nnotifikat b'mod elettroniku, huwa meqjus li jkun ġie nnotifikat fid-data indikata fil-konferma elettronika tar-riċevuta. Fin-nuqqas tat-tali konferma, in-notifika titqies li tkun saret 14-il jum wara li d-dokument kien ġie mdaħħal fis-servizz tal-ICT.

Id-dokumenti li għandhom jiġu nnotifikati ma jintbagħtux lid-destinatarji tal-posta elettronika, iżda avviż li ddaħħal messaġġ fis-sistema tal-ICT jitħalla fl-inbox tad-destinatarju.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

Jekk id-destinatarju mhuwiex fl-unità domestika, il-persuna li qedha tittrażmetti d-dokument tista' tagħti d-dokument ġudizzjarju lil membru adult tad-dar jew, jekk ebda tali persuna ma hija preżenti, tħalli dak id-dokument mal-assoċjazzjoni tar-residenti, mal-persuna li tkun inkarigata li tieħu ħsieb il-proprjetà jew mal-kap tal-villaġġ jekk dawn il-persuni mhumiex partijiet opposti fil-każ u jkunu qablu li jagħtu d-dokument lid-destinatarju (Artikolu 138 tal-Kodiċi).

Jekk id-dokument ma jistax jiġi nnotifikat bil-mod deskritt aktar 'il fuq, dan għandu jitħalla f'uffiċċju tal-posta jew fil-muniċipalità lokali. Jitħalla avviż għal dan il-għan fuq il-bieb tad-destinatarju jew fil-kaxxa tal-ittri tiegħu.

Jekk id-dokumenti ma jistgħux jiġu nnotifikati lil persuni ġuridiċi, lil entitajiet jew lil persuni fiżiċi suġġetta għar-rekwiżit ta' reġistrazzjoni minħabba li ma jkunx ġie rreġistrat tibdil fl-indirizz, dawn jitħallew fil-fajl tal-kawża u jitqiesu li jkunu ġew effettivament innotifikati, sakemm l-indirizz il-ġdid ma jkunx magħruf lill-qorti (Artikolu 139 tal-Kodiċi).

Id-dokumenti jistgħu wkoll jiġu nnotifikati personalment lil kustodju ad litem maħtur mill-qorti li tiddeċiedi dwar ir-rikors mill-persuna kkonċernata. Dan jiġri meta talba li twassal għall-ħtieġa li d-drittijiet ta' persuna jiġu mħarsa tkun trid tiġi nnotifikata lil parti li l-post tar-residenza tagħha mhuwiex magħruf. Kustodju jista' wkoll jinħatar għall-organizzazzjonijiet jekk dawn ma jkollhomx entitajiet rappreżentattivi jew jekk il-post tar-residenza tal-membri ta' dawn l-entitajiet ma jkunx magħruf (Artikolu 143 tal-Kodiċi).

Jekk il-post tar-residenza ta' parti ma jkunx magħruf u d-dokument li għandu jiġi nnotifikat ma jwassalx għall-ħtieġa li jiġu mħarsa d-drittijiet ta' dik il-persuna, dan id-dokument jiġi nnotifikat billi jiġi eżibit fil-bini tal-qorti (Artikolu 145 tal-Kodiċi).

Jekk il-partijiet u r-rappreżentazzjonijiet tagħhom jonqsu milli jinnotifikaw tibdil fl-indirizz, id-dokument ġudizzjarju jitħalla fil-fajl tal-kawża u jitqies li jkun ġie effettivament innotifikat, sakemm l-indirizz il-ġdid ma jkunx magħruf lill-qorti (Artikolu 136 tal-Kodiċi).

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Skont l-Artikolu 139 tal-Kodiċi, avviż li dokument ikun tħalla f'uffiċċju tal-posta jew fil-muniċipalità lokali jrid jindika li d-dokument għandu jinġabar fi żmien sebat ijiem. Jekk id-destinatarju ma jiġborx id-dokument sa dik l-iskadenza, il-persuna li tittrażmetti d-dokument terġa' tipprova għal darb'oħra tinnotifika d-dokument lid-destinatarju. Jekk dan it-tentattiv ma jirnexxix, il-persuna li qiegħda tittrażmetti d-dokument terġa' tħalli avviż li d-dokument ikun tħalla f'uffiċċju tal-posta jew muniċipalità lokali u d-destinatarju jerġa' jingħata sebat ijiem biex jiġbor id-dokument. Fil-ġurisprudenza, id-dokumenti jitqiesu li jkunu ġew innotifikati fl-aħħar jum ta' dak il-perjodu (ara l-punt 7.3).

Fil-każ ta' notifika alternattiva (ara l-ewwel subparagrafu tal-punt 7.1), id-dokumenti ġudizzjarji li jiġu trażmessi lil membru adult tal-unità domestika u li, jekk ebda tali persuna ma tkun preżenti, jitħallew mal-assoċjazzjoni tar-residenti, mal-persuna li tkun inkarigata li tieħu ħsieb il-proprjetà jew mal-kap tal-villaġġ, jitqiesu li jkunu ġew innotifikati meta dawn jiġu trażmessi lil dawn il-persuni.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Jitħalla avviż fuq il-bieb tad-destinatarju jew fil-kaxxa tal-ittri. Avviż mudell huwa stabbilit fir-Regolament. Dan jindika, inter alia, li jekk dokument ġudizzjarju mibgħut b'ittra reġistrata ma jinġabarx anki jekk id-destinatarju jkun ġie nnotifikat darbtejn, dan id-dokument jiġi rritornat lill-qorti li bgħatitu. F'dan il-każ, id-dokument ikun meqjus li jkun ġie nnotifikat fl-aħħar jum li fih id-destinatarju seta' jiġbru. In-notifika ta' dokumenti tista' tirriżulta f'termini preskrittivi li jibdew jiskattaw.

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament, avviż ta' trażmissjoni ta' dokument jitħejja mill-uffiċċju postali tal-operatur jew mill-persuna li tittrażmetti d-dokument, li tindika l-uffiċċju postali tal-operatur jew il-muniċipalità fejn id-dokument għandu jinġabar fi żmien sebat ijiem, li jibdew jgħoddu mid-data li tiġi wara l-jum li fih jitħalla l-avviż. L-avviżi jitħallew fil-kaxxi tal-ittri tad-destinatarji.

Wara li jitħalla avviż li jinforma lid-destinatarju li d-dokument jista' jinġabar mill-uffiċċju postali tal-operatur jew mill-muniċipalità lokali, il-persuna li tittrażmetti d-dokument:

1) tjindika fuq formularju tal-konferma tar-riċevuta li d-dokument ma ġiex innotifikat, timmarka "avviż mogħti" fuq in-naħa tal-indirizz tal-ittra u tiffirmah;

2) minnufih tħalli d-dokument fil-post tal-uffiċċju tal-operatur jew fil-muniċipalità lokali.

L-uffiċċju postali tal-operatur jew il-muniċipalità tikkonferma r-riċevuta tad-dokument trażmess, li jiġi ttimbrat bid-data u ffirmat mill-persuna li qed taċċettah.

Id-dokument trażmess jinżamm fl-uffiċċju postali tal-operatur jew fil-muniċipalità għas-sebat ijiem li jsegwu, li jibdew jgħoddu mill-jum li jiġi wara l-jum li fih tħalla l-avviż.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika ta' dokument, dak id-dokument jitqies li ġie nnotifikat.

F'dak il-każ, il-persuna li tittrażmetti d-dokument tindika d-data tan-notifika hija stess u r-raġunijiet għaliex il-konferma tar-riċevuta ma ġietx iffirmata (Artikolu 139 tal-Kodiċi).

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

Id-dokumenti huma ġeneralment innotifikati fuq din il-bażi mill-operatur tal-posta bħala ittri regolari, mhux dokumenti ġudizzjarji.

Skont l-Artikolu 37 tal-Att Postali, safejn konsenja postali ma tintbagħtx poste restante, din tista' ukoll tiġi trażmessa lill-persuni segwenti u hija meqjusa li tkun ġiet effettivament innotifikata:

1. lid-destinatarju:

a. fil-kaxxa tal-ittri tiegħu, barra mill-ittri reġistrati,

b. f'uffiċċju postali jekk id-destinatarju ma kienx preżenti fl-indirizz indikat fuq il-konsenja postali, ordni postali jew ftehim għal servizzi postali meta l-konsenja postali tkun ġiet ikkonsenjata jew il-konsenja postali ma tkunx tistax tiġi kkonsenjata f'kaxxa tal-ittri,

c. f'post miftiehem mid-destinatarju u l-operatur postali;

2. ir-rappreżentanza ġudizzjarja jew avukat awtorizzat permezz ta' prokura li tkun ingħatat fuq termini ġenerali jew b'awtorizzazzjoni postali:

a. fl-indirizz indikat fuq il-konsenja postali, ordni postali jew ftehim għal servizzi postali,

b. f'uffiċċju postali;

3. lil adult li jgħix flimkien mad-destinatarju jekk id-destinatarju ma ħalliex struzzjonijiet dwar il-konsenja ta' ittri reġistrati jew ordnijiet postali f'uffiċċju postali:

a. fl-indirizz indikat fuq il-konsenja postali, ordni postali jew ftehim għal servizzi postali,

b. f'uffiċċju postali; wara li l-persuna inkwistjoni tagħmel dikjarazzjoni bil-miktub li hija tgħix mad-destinatarju;

4. lil persuna awtorizzata li tirċievi konsenji postali fl-uffiċċju ta' awtorità pubblika jekk il-konsenja postali hija trażmessa lill-awtorità pubblika kkonċernata;

5. lil persuna awtorizzata li tirċievi konsenji postali fi stabbilimenti li huma persuni ġuridiċi jew unitajiet organizzazzjonali mingħajr personalità ġuridika jekk il-konsenja postali hija trażmessa lil:

a. persuna ġuridika jew unità organizzazzjonali mingħajr personalità ġuridika kkonċernata,

b. persuna fiżika li mhijiex membru tal-bord maniġerjali jew impjegat tal-persuna ġuridika jew unità organizzazzjonali mingħajr personalità ġuridika kkonċernata u li tkun preżenti f'dik l-entità;

6. lill-kap ta' unità organizzazzjonali jew persuna fiżika li hija awtorizzata minn dak il-kap jekk il-konsenja postali hija trażmessa lil persuna fiżika preżenti f'unità fejn huwa diffiċli ħafna jew impossibbli li tiġi trażmessa konsenja postali lid-destinatarju minħabba n-natura ta' dik l-unità jew prassi ġeneralment aċċettata.

Skont l-Artikolu 30 et seq. tar-Regolament Postali, il-fornitur ta' servizz imsemmi jipprovdi servizzi b'tali mod li jippermetti lill-ispeditur sabiex jikseb dokument li jikkonferma l-irċevuta ta' ittra reġistrata biss fuq it-talba bil-miktub tal-ispeditur.

Fl-uffiċċji postali tiegħu kollha, il-fornitur ta' servizz imsemmi jaċċetta t-talbiet bil-miktub mid-destinatarji sabiex jibgħat konsenji postali lid-destinatarji indikati f'dawn it-talbiet matul it-terminu preskrittiv speċifikat fir-regoli ta' proċedura.

Il-fornitur ta' servizz imsemmi jaċċetta mid-destinatarji istruzzjonijiet bil-miktub dwar in-nuqqas ta' konsenja ta' ittri reġistrati lil adulti li jgħixu mad-destinatarji.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Jekk id-destinatarju jew persuni oħra awtorizzati li jirċievu ittra reġistrata mhumiex preżenti fil-ħin tal-konsenja, il-fornitur ta' servizz imsemmi jħalli fil-kaxxa tal-ittri tad-destinatarju avviż ta' tentattiv ta' konsenja tal-ittra reġistrata, flimkien ma' informazzjoni dwar it-terminu preskrittiv għall-ġbir ta' din l-ittra u l-indirizz tal-uffiċċju postali fejn din tkun ġiet trażmessa. Dan l-avviż jiġi f'forma stampata.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Il-fornitur ta' servizzi imsemmi jittrażmetti l-konsenji postali lid-destinatarji fl-uffiċċji postali matul 14-il jum ("it-terminu preskrittiv għall-ġbir"). Wara l-iskadenza ta' dan it-terminu preskrittiv, konsenja postali tista' tiġi maħżuna jekk id-destinatarju jagħmel talba bil-miktub għal dan l-għan.

It-terminu preskrittiv għall-ġbir jibda jiskatta fil-jum li jiġi wara l-jum tal-konsenja tal-avviż.

Il-konsenji postali li ma jinġabrux matul it-terminu preskrittiv jintbagħtu lura lill-ispeditur.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Il-konferma tar-riċevuta, ġeneralment formularju inkluż mal-konsenja, isservi bħala prova tan-notifika u d-data tagħha. Skont l-Artikolu 142 tal-Kodiċi, il-persuna li tirċievi dokument tikkonferma l-irċevuta tiegħu u d-data tal-irċevuta bil-firma tagħha. Jekk dik il-persuna ma tistax jew ma tridx tagħmel dan, il-persuna li tittrażmetti d-dokument tindika hija stess id-data tan-notifika u r-raġunijiet għaliex ebda firma ma ġiet ipprovduta. Il-persuna li tittrażmetti d-dokument tindika kif id-dokument ġie nnotifikat fuq il-konferma tar-riċevuta, tispeċifika d-data tan-notifika fuq id-dokument innotifikat u tiffirmah.

Il-konferma tar-riċevuta ta' dokument ġudizzjarju huwa dokument uffiċjali li jikkonferma n-notifika u d-data tagħha. Persuna li tallega li dokument ġie nnotifikat f'data differenti trid tipprovdi evidenza affavur ta' dik l-allegazzjoni.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Jekk il-persuna li tittrażmetti d-dokument tikser it-termini tan-notifika, in-notifika titqies bħala invalida.

Jekk dokument ma jiġix innotifikat lid-destinatarju t-tajjeb, dan jitqies li jkun ġie nnotifikat validament meta d-destinatarju fil-fatt jirċevih.

Madankollu, parti li ma setgħetx tieħu azzjoni minħabba li dokument kien innotifikat lill-persuna l-ħażina tista' titlob għall-kontinwazzjoni tal-proċedimenti fi żmien tliet xhur (Artikoli 401 u 407 tal-Kodiċi).

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

Mhux direttament. Ma jeżistu ebda tariffi għan-notifiki fil-Polonja, sakemm ma tiġix applikata proċedura speċjali għal talba (Artikolu 11(2)(2) tar-Regolament Nru 1393/2007).

L-aħħar aġġornament: 28/02/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna