Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Malta
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

In-notifika ta' dokumenti tfisser il-konsenja ta' dokumenti ġudizzjarji lil persuna ġuridika jew fiżika. Il-mod tan-notifika huwa rregolat b'mod speċifiku mill-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (il-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta' Malta).

Regoli speċifiċi rigward in-notifika ta' dokumenti ddaħħlu fil-liġi nazzjonali biex tinħoloq proċedura standard ta' kif id-dokumenti jiġu nnotifikati u jkun żgurat li l-partijiet ikkonċernati kollha jirċievu d-dokumenti ġuridiċi relatati magħhom jew mal-kawża tagħhom. Barra minn hekk, dawn ir-regoli joħolqu ċertezza, għall-benefiċċju tal-qorti, li d-dokumenti jkunu laħqu d-destinatarju tagħhom.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

Id-dokumenti kollha ppreżentati l-qorti jridu jiġu nnotifikati formalment. Dawn jinkludu ittri uffiċjali, protesti ġudizzjarji, rikorsi, ċitazzjonijiet, appelli, risposti, mandati kawtelatorji u eżekuttivi, u ordnijiet mogħtija mill-Qrati, l-Imħallfin u l-Maġistrati.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Malli ssir il-preżentata ta' dokument il-qorti, hija l-qorti li tkun responsabbli għan-notifika tad-dokumenti. Il-parti li tippreżenta t-talba trid tippreżenta d-dokument il-qorti u tindika l-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokument u l-indirizz għan-notifika. F'każ ta' iktar minn destinatarju wieħed, il-parti li tippreżenta d-dokument trid tiżgura li jkun hemm biżżejjed kopji għad-destinatarji kollha.

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

L-awtorità Maltija li tirċievi tivverifika l-indirizz ipprovdut jekk in-notifika ma tirnexxix; madankollu, biex dan isir, l-awtorità Maltija trid tkun ipprovduta b'numru tal-karta tal-identità tad-destinatarju fil-każ ta' persuna fiżika. Jekk l-aġenzija li twassal tipprovdi dan in-numru ta' identifikazzjoni, li huwa uniku għal kull persuna fiżika, l-aġenzija li tirċievi tista' tipprova tistabbilixxi residenza alternattiva.

Fil-każ ta' kumpaniji, l-awtorità li ssirilha t-talba tivverifika l-indirizz irreġistrat tal-kumpanija destinatarja permezz ta' sistema onlajn operata mir-Reġistru tal-Kumpaniji fi ħdan l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA). Jekk l-indirizz ipprovdut mill-awtorità li twassal ikun differenti minn dak indikat ikun hemm tentattiv ieħor biex id-dokumenti jiġu nnotifikati fl-indirizz irreġistrat.

Meta l-marixxall tal-qorti jindika li ma jkunx sab lid-destinatarju fl-indirizz ipprovdut jew li ħadd ma fetaħlu, l-awtorità li ssirilha t-talba tippreżenta rikors fil-qorti xierqa biex tikseb permess biex tinnotifika lill-persuna (ġuridika jew fiżika) fl-istess indirizz imma wara l-ħinijiet stabbiliti mil-liġi tagħna. Drabi oħra in-notifika tirnexxi.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Biex jiġi stabbilit l-indirizz ta' persuna fiżika, l-awtorità li tirċievi biss għandha aċċess għal dettalji li għandhom x'jaqsmu mal-indirizz tal-persuna sakemm l-aġenzija li twassal tipprovdi numru ta' identifikazzjoni. Din il-bażi ta’ dejta mhix disponibbli għall-pubbliku ġenerali jew għall-awtoritajiet barranin. Mill-banda l-oħra, informazzjoni essenzjali dwar il-kumpaniji bħall-isem korrett tal-kumpanija, in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-kumpanija u l-uffiċċji rreġistrati tagħha, jista' jarahom kulħadd, bla ħlas, permezz ta' sistema onlajn taħt ir-Reġistru tal-Kumpaniji fi ħdan l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta. Informazzjoni speċifika bħal isem id-diretturi, ir-rappreżentanti legali, is-segretarju tal-kumpanija, eċċ, jistgħu jinkisbu onlajn fl-istess sit, imma jkollok toħloq kont, u biex tara din l-informazzjoni trid tħallas għaliha.

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Ir-raġunijiet għal din it-talba jridu jingħataw lill-Awtorità Ċentrali meta ssir talba dwar l-indirizz ta' xhud. L-Awtorità Ċentrali madankollu mhix obbligata tipprovdi din l-informazzjoni.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Protesti ġudizzjarji u dokumenti ġuridiċi li ma jkunux parti minn kawża jiġu nnotifikati bil-posta rreġistrata fejn "karta roża" turi jew il-firma tar-riċevitur jew li d-dokument ma aċċettah ħadd. Il-"karta r-roża" tinhemeż mad-dokument oriġinali (pereżempju mal-ittra uffiċjali).

Dokumenti oħra ppreżentati għall-fini tal-ftuħ ta' proċedimenti legali jew li jkunu ppreżentati waqt l-andament ta' kawża jiġu nnotifikati permezz tal-marixxall tal-Qorti billi d-dokument jitwassal għand id-destinatarju, fl-indirizz indikat mill-parti li tippreżenta d-dokument, jew billi titħalla kopja tiegħu fil-post tax-xogħol jew fir-residenza tiegħu, jew ma' persuna fis-servizz tiegħu jew lill-prokuratur tiegħu jew persuna awtorizzata li tirċievi l-posta tiegħu. Madankollu, id-dokumenti ma jistgħux jitħallew ma' persuna li jkollha inqas minn erbatax-il sena jew ma' persuna li, fil-mument tan-notifika, ikollha diżordni mentali jew kundizzjoni oħra li tagħmilha inkapaċi li tagħti xhieda ta’ dik in-notifika.

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

Id-dokumenti ma jistgħux jiġu nnotifikati elettronikament fi proċedimenti ċivili.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

L-aġenzija li tirċievi għandha twassal id-dokument li għandu jiġi nnotifikat billi tehmżu ma' ittra uffiċjali ppreżentata fir-Reġistru tal-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili, fil-każ ta' dokumenti li jridu jiġu nnotifikati fil-gżira ta' Malta, u fir-Reġistru tal-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) fil-ġuriżdizzjoni superjuri tagħha, fil-każ ta' dokumenti li jridu jiġu nnotifikati fil-gżejjer ta' Għawdex u Kemmuna. Dawn id-dokumenti, flimkien mal-ittra uffiċjali jiġu nnotifikati mill-marixxall tal-Qorti lill-persuna destinatarja. L-Artikolu 187 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili jistipula l-metodu ta' kif iridu jiġu nnotifikati d-dokumenti:

(a) In-notifika ssir bil-kunsinna ta’ kopja tal-iskrittura lill-persuna li lilha l-iskrittura għandha tkun innotifikata jew billi dik il-kopja titħalla fil-lok fejn toqgħod jew taħdem jew fil-post tax-xogħol jew fl-indirizz postali ta’ dik il-persuna f’idejn membru tal-familja jew tad-dar jew f’idejn wieħed fis-servizz ta’ dik il-persuna jew f’idejn il-prokuratur tagħha jew persuna awtorizzata minnha biex tirċievi l-posta tagħha: iżda, il-kopja ma tistax titħalla f’idejn persuni ta’ età anqas minn erbatax-il sena, jew f ’idejn persuna li għandha diżordni mentali jew kundizzjoni oħra, li tagħmilha inkapaċi li tagħti xhieda ta’ dik in-notifika. Persuna titqies li hija kapaċi li tagħti dik ix-xhieda, sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju; u n-notifika ma tistax tiġi attakkata bħala irregolari, għal waħda minn dawk ir-raġunijiet, jekk jinsab illi fil-fatt il-kopja tkun waslet f’idejn il-persuna li lilha kellha tkun innotifikata;

(b) Fil-każ ta’ persuni li jgħixu abbord ta’ bastimenti merkantili, jew li jagħmlu parti mill-ekwipaġġ u ma jkollhomx darhom f’Malta, in-notifika tista’ ssir billi titħalla kopja f’idejn il-kaptan jew f’idejn min jagħmel floku;

(c) Fil-każ ta’ korp li jkollu personalità ġuridika distinta, in-notifika lil dak il-korp għandha ssir billi titħalla kopja tal-iskrittura: (i) fl-uffiċċju reġistrat, fl-uffiċċju prinċipali, tiegħu jew fil-post tan-negozju jew fl-indirizz postali f’idejn xi ħadd mill-persuni li jkollhom ir-rappreżentanza ġuridika jew ġudizzjarja tiegħu jew mas-segretarju tal-kumpanija jew f’idejn impjegat ta’ dak il-korp jew (ii) f’idejn xi ħadd mill-persuni msemmija qabel bil-mod stipulat fil-paragrafu (a).

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Id-dokument jitqies li ġie nnotifikat meta l-persuna li tirċievi d-dokumenti taċċetta n-notifika.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

mhux applikabbli

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

F'termini tal-liġi Maltija, meta persuna li lilha tkun indirizzata skrittura tirrifjuta li tirċiviha personalment mingħand uffiċjal eżekuttiv tal-qrati, il-qorti tista’ fuq rikors tal-parti interessata u wara li tisma’ lill-uffiċjal eżekuttiv tal-qrati u tikkonsidra ċ-ċirkostanzi kollha tal-inċident, tiddikjara b’digriet li n-notifika tkun saret lil dik il-persuna fil-jum u l-ħin tar-rifjut u tali digriet għandu jitqies bħala prova tan-notifika għall-finijiet u l-effetti kollha tal-liġi.

Barra minn hekk, jekk persuna xjentement tevita, tfixkel jew tirrifjuta s-servizz ta’ xi att jew ordni tal-qorti jew l-eżekuzzjoni ta’ xi mandat jew ordni li ssir minn uffiċjal eżekutur tal-qorti, ikun ħati ta’ disprezz tal-qorti u jista’ jeħel, meta jinstab ħati, (a) ċanfir, (b) tkeċċija mill-qorti, (ċ) arrest għal mhux aktar minn erbgħa u għoxrin siegħa f’lok ġewwa l-edifizju fejn il-qorti toqgħod, jew (d) ammenda jew multa.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

Is-servizz tal-posta ta' Malta jwassal il-posta lil kull individwu li jinsab fl-indirizz u li jkun lest jaċċetta l-posta, sakemm dan ikun f'sensih u ma jkunx għadu tifel. Hemm il-preżunzjoni li ladarba individwu jkun instab fl-istabbiliment tal-indirizz u jaċċetta l-posta, dan ikun awtorizzat jagħmel hekk mid-destinatarju. Jekk dan ma jkunx awtorizzat, ma għandux jaċċetta l-posta, u jekk jaċċettaha, ikun qed jassumi r-responsabbiltà li jgħaddiha lid-destinatarju. Ir-riċevitur jiffirma malli ssir il-konsenja. Din il-proċedura hija konformi mar-Regolament 33 tar-Regolamenti dwar Servizzi Postali (Ġenerali) tal-2005.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Jekk ma jkun hemm ħadd biex iwieġeb u jaċċetta l-posta f'każ ta' bżonn ta' firma mal-konsenja, titħalla nota fl-indirizz ikkonċernat li tavża lid-destinatarju bit-tentattiv tal-konsenja. Il-posta tkun tista' tinġabar mill-eqreb Uffiċċju Postali. Hija fid-diskrezzjoni tal-fornitur tas-servizz postali jsirux iktar tentattivi għall-konsenja. Jekk il-posta tibqa' ma tinġabarx, tiġi rritornata lil min ikun bagħatha bħala "mhux miġbura". Jekk il-posta tiġi rrifjutata mid-destinatarju jew ir-rappreżentant tiegħu, din tiġi rritornata lill-mittent minnufih immarkata bħala "irrifjutata".

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Jekk ma jkun hemm ħadd fl-indirizz biex jirċievi l-posta, titħalla nota fl-indirizz ikkonċernat li tavża lid-destinatarju bit-tentattiv, u tinfurmah ukoll li l-oġġett postali jista' jinġabar mill-eqreb Uffiċċju Postali. Jekk il-posta tibqa' ma tinġabarx, il-fornitur tas-servizz postali, fid-diskrezzjoni tiegħu, jibgħat nota finali lid-destinatarju, fejn javżah li l-oġġett postali għadu qed jistenna li jinġabar. Ġeneralment, dan isir wara 5 ijiem għall-posta rreġistrata lokali u wara 10 ijiem għall-posta rreġistrata barranija. Jekk din il-posta tibqa' ma tinġabarx wara dawn il-perjodi, wara stennija ta' 5 ijiem oħra, il-posta tintbagħat lura lill-mittent u tkun immarkata bħala "mhux miġbura". Il-ġbir ta' oġġett(i) postali mill-Uffiċċju Postali jsir biss mid-destinatarju jew minn rappreżentant awtorizzat wara l-preżentazzjoni tan-nota flimkien ma' dokument ta' identifikazzjoni (passaport jew karta tal-identità) tad-destinatarju.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Jinħareġ ċertifikat li n-notifika saret jew li ma saritx.

Id-dokumenti oriġinali nnotifikati bil-posta rreġistrata jkollhom "karta roża" mehmuża magħhom. Ladarba din tasal lura l-Qorti, id-dokumenti oriġinali jkunu ttimbrati jew b'linka sewda jew b'linka ħamra. Il-linka s-sewda tintuża biex tindika li n-notifika saret, u tindika wkoll ma' min tħalla d-dokument. Jekk id-dokument ma jkunx ġie nnotifikat, it-timbru jsir b'linka ħamra, u fih ikun hemm ukoll ir-raġuni għala ma ġiex innotifikat.

Id-dokumenti li jiġu nnotifikati mill-marixxall tal-qorti jiġu ttimbrati jew b'linka sewda jekk in-notifika tkun saret jew b'linka ħamra jekk ma tkunx, u jkollha l-firma tal-marixxall tal-Qorti li kien inkarigat li jwettaq in-notifika.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Jekk id-destinatarju ma jirċevix id-dokumenti imma d-dokumenti jkunu ġew innotifikati b'mod validu billi titħalla kopja fl-indirizz, fid-dar jew fil-post tax-xogħol tad-destinatarju, in-notifika titqies li tkun saret b'mod validu. Notifika li tkun saret bi ksur tal-liġi tista' tiġi attakkata b'azzjoni ġudizzjarja. Jekk fin-nuqqas ta' notifika valida, il-parti li kellha tiġi nnotifikata tippreżenta risposta jew tidher il-qorti, in-notifika titqies li kienet valida.

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

Permezz tal-Avviż Legali 148 tal-2014, l-aġenzija li tirċievi f'Malta għandha tariffa fissa skont l-Artikolu 11 tar-Regolament 1393/2007 ta' EUR 50 għal kull dokument innotifikat f'Malta. Din it-tariffa trid titħallas qabel ma jingħata s-servizz. Il-ħlas tat-tariffi għandu jsir permezz ta’ trasferiment bankarju li għandu jitħallas lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, fid-dettalji tal-kont bankarju li ġejjin:

Isem tal-Bank: Il-Bank Ċentrali ta' Malta

Isem il-kont: AG Office - Receipt of Service Documents

Numru tal-kont: 40127EUR-CMG5-000-Y

IBAN: MT24MALT011000040127EURCMG5000Y

Kodiċi Swift: MALTMTMT

L-aħħar aġġornament: 16/10/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna