

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Fil-Lussemburgu, il-kelma notification (notifika permezz tal-posta) tindika b'mod ġenerali d-diversi proċeduri li permezz tagħhom att jinġieb għall-konoxxenza tad-destinatarju tiegħu.
In-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) huwa tip partikolari ta' notifika. Din tal-aħħar hija mwettqa minn uffiċjal ġudizzjarju li jmur fid-domiċilju tad-destinatarju sabiex jagħtih id-dokument.
Il-parti l-kbira tan-notifiki ssir b'ittra rreġistrata bil-konferma tar-riċevuta.
In-notifika permezz ta' uffiċjal (signification) toffri garanziji aktar importanti min-notifika permezz tal-posta (notification). Il-liġi tippreskrivi għalhekk in-notifika permezz ta' uffiċjal (signification) permezz tal-uffiċjal tal-atti l-aktar importanti tal-proċedura.
Irid jiġi nnotat madankollu li rigward il-Justice de Paix, it-taħrik huma sistematikament mibgħuta permezz ta' ittra reġistrata. Skont it-tip ta' proċedura, it-taħrika tiġi minn reġistru jew minn uffiċjal ġudizzjarju. Huwa possibbli għalhekk li l-uffiċjal jipproċedi huwa wkoll permezz ta' notifika sempliċi u mhux permezz ta' notifika permezz ta' uffiċjal ġudizzjarju (signification).
In-notifika permezz tal-uffiċjal hija ġeneralment meħtieġa sabiex jibdew jiskattaw it-termini tar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Bħala deroga, it-termini tar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza fir-rigward tal-kiri u tad-dritt tax-xogħol jibdew jiskattaw min-notifika tas-sentenza mir-reġistru.
Il-parti l-kbira tal-atti ta' proċedura għandhom jiġu nnotifikati (permezz ta' notifika bil-posta jew permezz ta' notifika mill-uffiċjal ġudizzjarju) qabel ma jaslu għand l-imħallef.
Il-liġi tistipula n-notifika b'mod partikolari n-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) jew in-notifika (notification) tal-atti introdutorji tal-istanza li jinkludu stedina lill-parti konvenuta sabiex tippreżenta ruħha quddiem imħallef personalment jew billi tiġi rrapreżentata minn avukat.
Is-sentenzi jridu wkoll ikunu nnotifikati (permezz ta' signification jew notification) sabiex ikunu jistgħu jsiru res judicata bl-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ appell.
Fil-Lussemburgu, biss l-uffiċjali ġudizzjarji huma kompetenti biex jipproċedu għan-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) ta' att.
Fil-parti l-kbira tal-każijiet, is-servizz ta' uffiċjal ġudizzjarju huwa indispensabbli sabiex każ ikun jista' jinġieb quddiem il-qorti. Ladarba tkun ingħatat is-sentenza, is-servizzi ta' uffiċjal ġudizzjarju jkunu meħtieġa mill-ġdid sabiex huwa jipproċedi għan-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) tas-sentenza lill-parti telliefa, att li jkollu bħala effett li jiskatta t-termini tal-appell. Jekk ebda appell ma jsir f'dan it-terminu, is-sentenza ssir definittiva. Jekk il-parti telliefa tixtieq tappella, hija trid tagħmel użu mis-servizzi ta' uffiċjal li jinnotifika l-att tal-appell.
Il-liġi tistipula ċerti eċċezzjonijiet għall-monopolju tal-uffiċjali ġudizzjarji. Fir-rigward tal-Justice de Paix, b'mod partikolari, numru ta' proċeduri huma introdotti bit-tressiq ta' rikors quddiem il-qorti kompetenti. Ir-reġistru tal-qorti imbagħad jinnotifika lill-partijiet b'taħrika għas-seduta billi jehmeż kopja tat-talba indirizzata lill-imħallef. Din il-proċedura tapplika b'mod partikolari fir-rigward tal-kiri, iżda wkoll fir-rigward tad-dritt tax-xogħol u fir-rigward ta' digriet ta' ħlas.
It-taħrika permezz tar-reġistru hija wkoll prevista f'ċerti proċeduri quddiem il-qorti distrettwali, b'mod partikolari fil-proċeduri li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-president tal-qorti.
L-avukati ma jistgħux jinnotifikaw atti direttament fuq il-kwerelanti. Sabiex in-notifika ssir b'mod validu, huma meħtieġa jirrikorru għas-servizzi ta' uffiċjal ġudizzjarju. Is-sitwazzjoni tinbidel madankollu ladarba jinbdew il-proċedimenti u kull parti hija rrapreżentata minn avukat; minn hemm 'il quddiem, l-atti proċedurali kif ukoll id-dokumenti huma validament skambjati permezz ta' notifika bejn l-avukati. In-notifika bejn l-avukati ssir mingħajr formalitajiet partikolari. Huwa użwali li l-avukati li jirċievu notifika jagħtu spontanjament konferma tar-riċevuta.
L-entitajiet meħtieġa maħtura b'applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali huma, fir-rigward tal-Lussemburgu, l-uffiċjali ġudizzjarji territorjalment kompetenti.
L-uffiċjali ġudizzjarji huma obbligati bil-liġi li jinnotifikaw lill-persuna personalment fid-domiċilju tagħha jew fl-uffiċċju rreġistrat tad-destinatarju tal-att.
Għall-finijiet tat-twettiq tal-funzjonijiet li jaqgħtu taħt il-kompetenza tagħhom, l-uffiċjali ġudizzjarji huma awtorizzati li jkollhom aċċess għall-informazzjoni segwenti:
Din l-informazzjoni tista' tinsab fir-reġistru tal-persuni fiżiċi. Għall-finijiet tat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, l-uffiċjali ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistru tal-persuni fiżiċi.
Fir-rigward tal-kumpaniji reġistrati fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpaniji, din id-dejta hija disponibbli għall-pubbliku u hija għalhekk aċċessibbli b'mod liberu.
L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew partijiet fi proċeduri ġudizzjarji barranin ma għandhomx aċċess għar-reġistru tal-persuni fiżiċi sabiex iwettqu xi riċerki fir-rigward tal-indirizz ta' persuna fiżika.
Fir-rigward tal-kumpaniji rreġistrati fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpaniji, il-verifika tad-dejta bażika (uffiċċju reġistrat, isem tal-kumpanija, numru tar-reġistru tal-kummerċ) hija disponibbli għall-pubbliku u hija b'xejn. L-aċċess għal dejta aktar dettaljata tiġi bi ħlas.
Sabiex jinsab l-indirizz attwali ta' persuna f'relazzjoni ma' talba mibgħuta fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali, l-awtorità ġudizzjarja meħtieġa twettaq ir-riċerki fir-reġistru nazzjonali tal-persuni fiżiċi jekk din it-talba tirrigwarda persuna fiżika. Jekk din it-talba tirrigwarda persuni ġuridiċi, ir-riċerki jitwettqu abbażi tad-dejta li tinsab fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpanniji (Registre de Commerce et des Sociétés - RCS).
Il-parti l-kbira tan-notifiki ssir b'ittra rreġistrata bil-konferma tar-riċevuta.
Jekk il-pustier isib id-destinatarju tan-notifika, huwa jitolbu li jiffirma l-konferma tar-riċevuta li mbagħad tintbagħat lill-ispeditur. Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jiffirma l-konferma tar-riċevuta, il-pustier jagħtihielu u n-notifika hija meqjusa li saret.
Jekk id-destinatarju ma jistax jinsab iżda persuna oħra taċċetta l-ittra rreġistrata, il-pustier jikteb l-identità ta' din il-persuna fuq il-konferma tar-riċevuta. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, notika li tkun saret lil terz għandha valur anqas minn notifika magħmula lil persuna nfisha.
Jekk ħadd ma jista' jinstab anki jekk l-indirizz huwa tajjeb, il-pustier iħalli avviż fil-kaxxa postali li jistieden lid-destinatarju sabiex jirkupra l-ittra fl-uffiċċju tal-posta f'terminu indikat fuq l-avviż. In-notifika hija b'hekk meqjusa li saret, anki jekk id-destinatarju ma jmurx fl-uffiċċju tal-posta.
Jekk l-indirizz ma jistax jiġi vverifikat, il-pustier jirritorna l-ittra lill-ispeditur bl-informazzjoni li n-notifika ma seħħitx. F'dan il-każ, jeħtieġ li jingħata indirizz ġdid mill-applikant. Jekk id-destinatarju tan-notifika ma għandux indirizz magħruf, l-applikant jista' jirrinunzja għall-proċedura tan-notifika bil-posta (notification) u jagħti l-fajl lil uffiċjal sabiex dan tal-aħħar jagħmel in-notifika (signification), jekk ikun hemm bżonn b'reġistrazzjoni tat-tfittxija.
Il-proċedura ta' notifika deskritta tapplika biss jekk id-destinatarju tal-att igħix fil-Lussemburgu. Fir-rigward tal-persuni domiċiljati barra mill-pajjiż, id-dokument irid jiġi nnotifikat mill-uffiċjal ġudizzjarju.
In-notifika ta' att minn uffiċjal ġudizzjarju ssir personalment lid-destinatarju fi kwalunkwe post fejn isibu l-uffiċjal ġudizzjarju.
Ġeneralment, l-uffiċjal ġudizzjarju jmur fid-domiċilju tad-destinatarju. Madankollu, il-konsenja tista' ssir fi kwalunkwe post fejn l-uffiċjal ġudizzjarju jsib id-destinatarju, fuq il-post tax-xogħol pereżempju.
In-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) hija meqjusa li tkun saret personalment meta l-kopja tal-att hija kkonsenjata fl-idejn proprji tad-destinatarju. F'każ ta' persuna ġuridika, in-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) hija meqjusa li tkun saret personalment meta l-kopja tal-att hija kkonsenjata lir-rappreżentant ġuridiku tagħha, lill-avukat jew lil kwalunkwe persuna oħra awtorizzata għal dan il-għan. F'każ ta' notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) f'indirizz użat għan-notifiki, is-signification issir personalment meta l-kopja tal-att tingħata lill-aġent.
Jekk l-aġent jaċċetta l-kopja tal-att, l-uffiċjal ġudizzjarju jikkonstata dan fl-avviż tas-servizz. F'dan il-każ, in-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) hija meqjusa li tkun saret fil-jum tal-konsenja tal-att lid-destinatarju.
Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta l-kopja tal-att, l-uffiċjal ġudizzjarju jikkonstata dan fl-avviż tas-servizz. F'dan il-każ, in-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) hija meqjusa li tkun saret fil-jum tal-preżentazzjoni tal-att lid-destinatarju.
Jekk l-uffiċjal ġudizzjarju jsib id-destinatarju tal-att fid-domiċilju tiegħu, huwa jtih kopja ċertifikata tad-dokument. Huwa jistabbilixxi minuti tat-twettiq ta' din il-formalita li jiġu mehmuża mal-att oriġinali u ritornati ma' dan tal-aħħar lill-parti li ħadet l-inizjattiva tan-notifika.
Ma jeżistux modi alternattivi applikati barra min-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) jew min-notifika indiretta msemmija fil-punt 7 iktar 'l isfel.
In-notifika elettronika tal-atti mhijiex awtorizzata mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ġdid ta' Proċedura Ċivili (Nouveau Code de Procédure civile).
In-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) fid-domiċilju
Jekk in-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) ma tistax issir lid-destinatarju personalment, il-kopja tal-att hija kkonsenjata fid-domiċilju tad-destinatarju. Jekk huwa ma jgħix hemm jew fin-nuqqas ta' domiċilju, il-kopja tal-att hija kkonsenjata fil-post tar-residenza prinċipali tiegħu. F'każ ta' persuna ġuridika, in-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) issir fl-uffiċċju reġistrat jew amministrattiv tagħha.
Il-kopja tal-att tingħata lil kwalunkwe persuna li jkun hemm, sakemm din il-persuna taċċettaha, tiddikjara kunjomha, l-ismijiet, ir-rwol u l-indirizz tagħha u tagħti konferma tar-riċevuta. Din tingħata f'envelopp magħluq li jġib biss indikazzjoni tal-kunjom, ismijiet, ir-rwol u l-indirizz tad-destinatarju u t-timbru tal-uffiċjal ġudizzjarju fuq is-siġill tal-envelopp.
Il-kopja ma tistax tingħata la lil minuri ta' anqas minn 15-il sena u lanqas lil dak li jkun talab in-notifika tal-att.
L-uffiċjal ġudizzjarju jħalli rispettivament fid-domiċilju tad-destinatarju, fir-residenza prinċipali ta' dan tal-aħħar jew fl-uffiċċju reġistrat jew amministrattiv tal-persuna ġuridika, f'envelopp magħluq, avviż datat li fih konferma tal-konsenja tal-kopja tal-att u li jsemmi l-indikazzjonijiet dwar il-persuna li lilha tkun ingħatat il-kopja.
L-uffiċjal jehmeż ukoll kopja tal-att. Isir l-istess f'każ ta' notifika f'indirizz li jservi għan-notifiki.
F'dawn il-każijiet kollha, in-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) hija meqjusa li tkun saret fil-jum tal-konsenja tal-att.
Skont l-Artikolu 161 tal-Kodiċi Ġdid ta' Proċedura Ċivili (Nouveau Code de Procédure civile), "Titqies bħala notifika fid-domiċilju, in-notifika magħmula fl-indirizz li taħtu d-destinatarju huwa rreġistrat fir-reġistru tal-popolazzjoni."
L-Artikolu 164 tal-Kodiċi Ġdid ta' Proċedura Ċivili jispeċifika li "In-notifiki jsiru:
1 lill-Istat, fl-uffiċċju tal-Prim Ministru;
2 lill-istituzzjonijiet pubbliċi, fl-uffiċċji tagħhom;
3 lill-muniċipalitajiet, fl-uffiċċji muniċipali;
4 lill-kumpaniji, assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' profitt u stabbilimenti pubbliċi, fl-uffiċċju reġistrat tagħhom jew personalment lill-maniġer tagħhom. "
In-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) ta' kopja tal-avviż tan-notifika
Il-paragrafu 6 tal-Artikolu 155 tal-Kodiċi Ġdid ta' Proċedura Ċivili (Nouveau Code de Procédure Civile) jipprovdi li "jekk l-att ma setax jiġi nnotifikat permezz tal-uffiċjal kif previst aktar 'il fuq u jekk jirriżulta mill-verifiki mwettqa, li għandhom jiġu nnotati fl-att mill-uffiċjal ġudizzjarju, li d-destinatarju jgħix fl-indirizz imsemmi, l-uffiċjal iħalli hemmhekk kopja tal-att f'envelopp magħluq u jehmeż avviż li jinforma lid-destinatarju li ma nstab ħadd fl-indirizz indikat jew li l-persuni preżenti rrifjutaw li jaċċettaw il-kopja tal-att.
In-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) hija meqjusa li tkun saret fil-jum tat-trażmissjoni tiegħu. Fl-istess jum jew mhux aktar tard mill-ewwel jum ta' xogħol segwenti, l-uffiċjal ġudizzjarju jibgħat b'ittra sempliċi kopja tal-att u tal-avviż fuq imsemmi fl-indirizz indikat fl-att.
In-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) f'indirizz mhux magħruf
L-Artikolu 157 tal-Kodiċi Ġdid ta' Proċedura Ċivili (Nouveau Code de Procédure Civile) jipprovdi għall-mod ta' notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) fejn id-destinatarju ma għandux la domiċilju jew residenza magħrufin u lanqas uffiċċju reġistrat magħruf billi jippreċiża li "Meta l-persuna li trid tiġi nnotifikata bl-att permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju ma għandha la domiċilju u lanqas residenza magħrufin, l-uffiċjal ġudizzjarju jistabbilixxi avviż ta' notifika, fejn jippreċiża l-passi li huwa jkun ħa sabiex isib id-destinatarju tal-att. L-avviż ta' notifika jsemmi n-natura tal-att u l-isem tar-rikorrent.
Fl-istess jum, jew mhux aktar tard mill-ewwel jum ta' xogħol segwenti, l-uffiċjal ġudizzjarju jibgħat lid-destinatarju, fl-aħħar indirizz magħruf, b'ittra rreġistrata u b'konferma tar-riċevuta, il-kopja tal-att u kopja tal-avviż ta' notifika. L-istess formalità titwettaq b'ittra sempliċi mibgħuta fl-istess jum.
Il-kopja tal-avviż ta' servizz mibgħuta lid-destinatarju tindika lil dan tal-aħħar li huwa jkun jista' jikseb kopja tad-dokument fi żmien tliet xhur mill-uffiċċji tal-uffiċjal ġudizzjarju jew li jista' jawtorizza għal dan il-għan kwalunkwe persuna tal-għażla tiegħu. "
Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 157 tal-Kodiċi Ġdid ta' Proċedura Ċivili (Nouveau Code de Procédure Civile) jippreċiża li "Id-dispożizzjonijiet preċedenti huma applikabbli għan-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) ta' att li jirrigwarda persuna morali li ma għandhix aktar stabbiliment magħruf fil-post indikat bħala uffiċċju reġistrat mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpaniji. "
Modi oħra ta' notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification)
Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 157 jipprovdi inter alia li "Meta att promotur jew att ekwivalenti ġie nnotifikat permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju skont id-dispożizzjonijiet preċedenti u l-parti konvenuta ma titlax, l-imħallef jista', jekk ikun il-każ, jordna l-pubblikazzjoni ta' avviż f'gazzetta Lussemburgiża jew barranija. "
L-Artikolu 158 tal-Kodiċi Ġdid ta' Proċedura Ċivili (Nouveau Code de Procédure Civile) iżid li "Jekk id-destinatarju tal-att ma jinstabx jew mhuwiex ippruvat li huwa ġie effettivament informat, l-imħallef jista' jordna, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, miżuri addizzjonali kollha, barra mill-miżuri provviżorji jew protettivi meħtieġa għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-applikant."
In-notifika permezz ta' ittra reġistrata b'konferma tar-riċevuta
Meta l-att jiġi trażmess mir-reġistru tal-qorti, in-notifika ssir permezz ta' ittra reġistrata b'konferma tar-riċevuta. Jekk id-destinatarju ma għandux indirizz magħruf, in-notifika permezz ta' uffiċjal ġudizzjarju.
Meta l-att ikun trażmess permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification), l-avviż tan-notifika jrid jindika d-data tan-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju li tikkorispondi għall-jum tal-konsenja tal-avviż lid-destinatarju jew għall-jum meta d-dokument ikun ġie trażmess fid-domiċilju tad-destinatarju.
Meta l-att huwa trażmess bil-posta (notification), il-Lussemburgu tapplika sistema ta' data dopja.
Fil-fatt, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-ispeditur tal-att hija differenti mid-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tad-destinatarju tal-att.
Fir-rigward tal-ispeditur, hija d-data ta' spedizzjoni li hija meqjusa bħala d-data ta' notifika (notification).
Fir-rigward tan-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) b'kopja ta' avviż tan-notifika, ara aktar 'l isfel: In-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) ta' kopja tal-avviż tan-notifika.
Fir-rigward tan-notifika permezz tal-posta (notification) b'ittra reġistrata b'konferma tar-riċevuta, ara iktar 'l isfel: Mistoqsija Nru 3.3:
Meta t-trażmissjoni tal-att issir b'notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification), id-destinatarju ma għandux il-possibbiltà li joġġezzjona għal dan, barra mir-raġuni ta' rifjut imsemmi fl-Artikoli 5 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 iċċitat iktar 'il fuq (eżiġenza ta' traduzzjoni).
Meta t-trażmissjoni tal-att issir b'notifika permezz tal-posta (notification), mhuwiex possibbli għad-destinatarju li joġġezzjona għal notifika b'ittra reġistrata b'konferma tar-riċevuta.
Madankollu, id-destinatarju ta' notifika permezz ta' ittra reġistrata b'konferma tar-riċevuta jista' jikkontesta sussegwentement il-validità ta' din in-notifika jekk jipprova li huwa ma kellu la d-domiċilju tiegħu, la r-residenza tiegħu u lanqas id-domiċilju tiegħu użat għal skopijiet ta' notifiki fl-indirizz indikat fuq l-ittra reġistrata. In-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) hija għalhekk legalment aktar żgura min-notifika permezz tal-posta (notification) b'ittra reġistrata b'konferma tar-riċevuta. Fil-fatt, f'każ ta' notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification), l-uffiċjal ġudizzjarju jivverifika l-indirizz tad-destinatarju fir-Reġistru nazzjonali tal-persuni fiżiċi jew mal-uffiċċju tal-popolazzjoni tal-awtorità muniċipali. Barra minn dan, id-data tan-notifika permezz tal-posta (notification) b'ittra reġistrata ma tkun tista' tkun stabbilita b'ċertezza jekk id-destinatarju ma jkunx iddata u ffirma l-konferma tar-riċevuta fuq (l-ewwel) preżentazzjoni tal-ittra reġistrata tiegħu, ir-residenza tiegħu u d-domiċilju tiegħu użat għal skopijiet ta' notifiki. Kuntrarjament, id-data tan-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) hija dejjem indikata fuq l-avviż tan-notifika.
Barra minn hekk, id-destinatarju li jirrifjuta l-aċċettazzjoni tal-att ma jaffettwa bl-ebda mod il-validità u d-data tan-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) jew permezz tal-posta (notification).
L-Artikolu 8.1 tal-Kundizzjonijiet ġenerali ta' provvista tas-servizzi offerti fil-kuntest tas-servizz postali universali jistipula li "L'ittri reġistrati għandhom jiġu reġistrati, barra mid-destinatarju u l-avukat tiegħu:
L-ittri postali huma ddistribwiti fl-indirizz indikat, ħlief f'każ ta' żball manifest (eżempji: isem ta' triq miktub ħażin, numru ta' residenza inkorrett, kodiċi postali manifestament żbaljat,...).
Jekk id-destinatarju ma jistax jinsab fl-indirizz indikat, l-ittra reġistrata ma tiġix ikkonsenjata.
L-ittri postali li ma jistgħux jiġu impostati fil-kaxxa tal-ittri tad-destinatarju u li ma setgħux jingħataw lil persuna awtorizzata mal-passaġġ tad-distributur, jinżammu għad-destinatarju fl-uffiċċju postali lokali tiegħu għall-perjodu stabbilit mill-kumpanija postali u indikat fuq l-avviż tan-nuqqas ta' konsenja li tħalla fl-ittra postali tad-destinatarju. Ladarba t-terminu taż-żamma jiskadi, l-ittri jintbagħtu lura lill-ispeditur jekk ikun magħruf.
L-ittri postali li ma jistgħux jiġu impostati fil-kaxxa tal-ittri tad-destinatarju u li ma setgħux jingħataw lil persuna awtorizzata mal-passaġġ tad-distributur, jinżammu għad-destinatarju fl-uffiċċju postali lokali tiegħu għall-perjodu stabbilit mill-kumpanija postali u indikat fuq l-avviż tan-nuqqas ta' konsenja li tħalla fl-ittra postali tad-destinatarju. Ladarba t-terminu taż-żamma jiskadi, l-ittri jintbagħtu lura lill-ispeditur jekk ikun magħruf.
F'każ ta' notifika permezz tal-posta, il-konferma tar-riċevuta sservi bħala prova. F'każ ta' notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju, dan tal-aħħar jieħu nota tal-miżuri meħuda. L-uffiċjal huwa uffiċjal ġudizzjarju. In-noti tal-uffiċjal iservu bħala prova fin-nuqqas ta' prova ta' falsifikazzjoni.
Il-ksur tar-regoli proċedurali għan-notifika jwasslu għan-nullità tan-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) jew tan-notifika permezz tal-posta (notification).
Madankollu, in-nullità abbażi ta' żball proċedurali tista' tiġi ddikjarata biss jekk jiġi ppruvat li dan l-iżball proċedurali kkawża dannu lid-destinatarju tal-att.
Il-valutazzjoni ta' dan issir mill-imħallef.
Meta n-notifika permezz tal-uffiċjal ġudizzjarju (signification) jew permezz tal-posta (notification) ma setgħetx issir f'idejn id-destinatarju stess u dan tal-aħħar ma jidhirx, l-imħallef jista' jitlob lill-applikant sabiex jinnotifika l-att mill-ġdid. Din il-formalità tippermetti sabiex jitneħħa kwalunkwe dubju fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata fin-nuqqas tal-parti kkonċernata.
Fi proċeduri fejn il-partijiet jiġu ġeneralment imħarrka mir-reġistru tal-qorti, l-imħallef jista' ukoll jitlob lill-applikant sabiex jipproċedi għal taħrika permezz ta' uffiċjal ġudizzjarju jekk ikun hemm dubji dwar il-validità tat-taħrika nnotifikata permezz ta' ittra reġistrata.
Fl-aħħar nett, l-imħallef jista' jagħti sentenza inter partes kontra parti li ma tkunx telgħet għas-seduta biss jekk huwa ppruvat li din tal-aħħar ġiet innotifikata personalment. Jekk dan mhuwiex il-każ (pereż. jekk it-taħrika ġiet ikkonsenjata lil persuna oħra fuq il-post), is-sentenza tingħata bħala regola, u jistgħu jintlaqgħu l-oġġezzjonijiet.
In-notifiki magħmula mir-reġistru tal-qorti jiġu b'xejn. Meta n-notifika ssir minn uffiċjal ġudizzjarju, dan tal-aħħar jitħallas miżata abbażi ta' tariffa stabbilita permezz ta' regolament gran-dukali.
Ħoloq relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.