Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Italja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

In-notifika ta’ dokumenti hija proċedura kkodifikata li permezz tagħha persuna fiżika jew ġuridika tista’ tiġi infurmata b’pass legali, b’diversi effetti stabbiliti lil hinn mil-liġi.

Il-liġi tipprovdi proċeduri speċifiċi għan-notifika ta’ dokumenti sabiex ikun jista’ jiġi ggarantit li d-destinatarji jiġu infurmati legalment dwar tali dokumenti, li jrid iseħħ jekk id-dokument għandu jipproduċi l-effetti intiżi tiegħu. Dan ifisser li, ladarba jkun hemm konformità mal-proċedura meħtieġa għan-notifika, id-destinatarju jitqies li jkun jaf bid-dokument, u li ma hemm l-ebda bżonn li jiġi ppruvat li d-destinatarju tabilħaqq jaf bih; id-dokument jista’ mbagħad jipproduċi l-effetti fil-liġi mixtieqa tiegħu.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

Notifika sempliċi (comunicazione) titwettaq f’każijiet fejn huwa previst minn statut jew ordnat mill-qorti; hawnhekk jingħata avviż qasir tad-dokument u tal-fatt li jeħtieġ jiġi kkomunikat. In-notifika sempliċi ssir sabiex il-partijiet jew persuni oħra involuti fil-kawża tal-qorti jiġu infurmati li ttieħdu passi speċifiċi fil-kawża jew li nħarġu ċerti dokumenti proċedurali (e.ż. id-dħul ta’ sentenza tal-qorti, deċiżjoni għall-iskedar ta’ smigħ jew għad-diferiment ta’ smigħ, jew ordni li ssir mill-qorti lil hinn mis-smigħ formali).

Notifika formali (notificazione) trid titwettaq f’kawżi fejn huwa previst mill-istatut, u tikkonsisti mill-kunsinna ta’ kopja attestata tad-dokument oriġinali li jrid jiġi kkunsinjat. Id-dokumenti kkunsinjati b’dan il-mod jistgħu joħorġu mill-qorti (e.ż. sentenzi fejn il-ħin permess għall-appell jirriżulta mill-ħin għan-notifika) jew mill-partijiet għal kawża (e.ż. ċitazzjonijiet għal smigħ dwar il-merti).

Notifika sempliċi ssir mir-reġistratur tal-qorti (il-cancelliere; Artikolu 136 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili – Codice di Procedura Civile, “CPC”).

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

In-notifika formali ssir:

- Ġeneralment minn marixxall (ufficiale giudiziario), fuq rikors ta’ parti jew mis-servizz tal-prosekuzzjoni (pubblico ministero) jew ir-reġistratur (Artikolu 137 CPC). Il-marixxalli jaġixxu f’konformità mar-regoli preċiżi tal-awtorità territorjali (Artikoli 106 u 107 tad-Digriet Presidenzjali (Decreto del Presidente della Repubblica) Nru 1229 tal-15 ta’ Diċembru 1959). Il-marixxalli huma l-uniċi aġenti kompetenti taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 għat-trażmissjoni u r-riċevuta ta’ dokumenti għan-notifika ġo u minn Stat Membru ieħor.

- F’ċerti ċirkostanzi, minn avukat (avvocato). Avukat huwa awtorizzat li jagħmel notifika formali jew bil-posta, dejjem jekk għandu prokura xierqa fil-kawża u l-awtorizzazzjoni li jagħmel dan mill-kunsill tal-kamra tal-avukati (Consiglio dell’Ordine) li jipprattika fiha, jew permezz ta’ kunsinna diretta lill-indirizz ta’ avukat ieħor awtorizzat li jaċċetta notifika f’isem waħda mill-partijiet u li huwa rreġistrat mal-istess kunsill tal-kamra tal-avukati bħala l-avukat li jwettaq in-notifika (Liġi Nru 890/1982 u Liġi Nru 53/1994). Barra minn hekk, avukat ma għandux bżonn awtorizzazzjoni mill-kunsill tal-kamra tal-avukati biex iwettaq notifika formali permezz ta’ email attestata (posta elettronica certificata, “PEC”) lil indirizz tal-email miksub mingħand ir-reġistri pubbliċi (Artikolu 3 bis tal-Liġi Nru 53/1994).

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

L-awtorità riċeventi għall-Italja hija l-Uffiċċju Uniku tal-Bailiffs fil-Qorti tal-Appell ta’ Ruma (Ufficio Unico degli Ufficiali Giudiziari presso la Corte di Appello di Roma, li jinsab f’Ruma fi Viale Giulio Cesare 52); dan jittrażmetti t-talba għal notifika lill-marixxall xieraq għall-post.

Jekk id-destinatarju ma jkunx jista’ jinstab fl-indirizz mogħti mill-parti riċeventi, il-marixxall jieħu l-passi li ġejjin:

- Persuni fiżiċi: jistaqsi lil dawk li jgħixu fl-indirizz mogħti jew lill-ġirien, jistaqsi fl-uffiċċju tar-reġistru tal-popolazzjoni lokali (servizio anagrafe del comune) (jekk id-data u l-post ta’ twelid ikunu indikati fuq id-dokument).

- Persuni ġuridiċi: il-marixxall jirritorna d-dokument lill-parti rikjedenti sabiex din tal-aħħar tkun tista’ titlob notifika lir-rappreżentant legali tad-destinatarju. F’dan il-każ, l-isem tar-rappreżentant legali u r-residenza personali tiegħu jridu jiġu inklużi fid-dokument (Artikolu 145 CPC).

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

L-indirizz irid jiġi pprovdut mill-awtorità jew mill-parti rikjedenti, li tiksbu mid-dokumenti disponibbli għaliha. Jekk tkun saret tiftixa, għal darb’oħra trid issir distinzjoni bejn:

- Persuni fiżiċi: F’materji ċivili ma hemm l-ebda reġistru ċentrali; għandu jitfittex ċertifikat mill-uffiċju tar-reġistru tal-popolazzjoni lokali, li normalment iwieġeb għal talbiet bil-miktub immotivati mill-partijiet jew mill-avukati tagħhom, u jindika jekk hemmx tariffa (f’Ruma bħalissa hi ta’ EUR 0,26 għal kull ċertifikat) jew kwalunkwe ħaġa oħra meħtieġa (b’mod ġenerali envelopp stampat bl-indirizz tar-rikorrent għar-risposta). Mill-2016, iċ-ċertifikati tar-reġistru tal-popolazzjoni mitluba mid-ditti tal-avukati għan-notifika ta’ dokumenti legali ġew eżentati mit-taxxa tal-boll, u jekk jintalbu b’mod elettroniku jiġu eżentati wkoll mit-tariffa ta’ amministrazzjoni ta’ EUR 0,26.

- Persuni ġuridiċi u kumpaniji: Ir-reġistru tal-kumpaniji huwa pubbliku, u huwa mmaniġġjat mill-kamra provinċjali tal-kummerċ (camera di commercio). Dan jista’ jiġi kkonsultat permezz tal-portal registroimprese.it. Hemm tariffa minima ta’ madwar EUR 7,00. Hemm ukoll assoċjazzjonijiet professjonali u fornituri tal-web li jfornu l-informazzjoni mixtieqa lill-abbonati.

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Mhuwiex possibbli li titlob indirizz fl-Italja abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Notifika sempliċi ssir b’“nota ta’ reġistru” (biglietto di cancelleria), li tista’ tkun f’forma ta’ karta jew tintbagħat permezz ta’ email attestata (PEC), kif previst fl-Artikolu 136 CPC (kif emendat mil-Liġi Nru 183/2001). Jekk in-nota tkun f’forma ta’ karta din tkun f’żewġ partijiet, b’waħda minnhom tintbagħat mir-reġistratur tal-qorti lid-destinatarju, li jiffirma l-formola tar-riċevuta, filwaqt li l-oħra tinżamm fil-fajl fir-reġistru. Jekk in-nota tintbagħat permezz ta’ email attestata, din tkun tikkonsisti minn messaġġ mibgħut li l-avukat aktarx indika matul it-taħrika jew dokument inizjali ieħor.

L-emails iċċertifikati saru obbligatorji għan-notifika sempliċi mad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 16(4) tad-Digriet Leġiżlattiv (Decreto Legislativo) Nru 179/2012, li jipprovdi li n-notifika sempliċi u n-notifika formali mir-reġistru jridu jitwettqu esklussivament permezz ta’ mezz elettroniku għall-indirizz tal-PEC.

Jekk mhux possibbli li ssir kunsinna permezz ta’ PEC, in-nota tar-reġistru tista’ tintbagħat bil-faks, jew tiġi mgħoddija lill-marixxall għal notifika formali.

In-notifika formali titwettaq mill-marixxall; jekk l-indirizz ikun fil-muniċipalità (comune) li fiha jinsab l-uffiċċju tal-marixxall, il-marixxall jikkonsenja d-dokument hu stess, filwaqt li jekk l-indirizz ikun jinsab barra mill-muniċipalità, il-marixxall jippreżenta jinnotifika d-dokument bil-posta (Artikoli 106 u 107 tad-Digriet Presidenzjali Nru 1229/1959) sakemm il-parti jew l-awtorità rikjedenti ma jitolbux espressament in-notifika personali. In-notifika formali tikkonsisti mill-kunsinna lid-destinatarju ta’ kopja attestata tal-oriġinali (Artikolu 137 tas-CPC) u trid titwettaq bejn is-07.00 u d-21.00 mit-Tnejn sal-Ġimgħa (Artikolu 147 tas-CPC).

Notifika formali b’notifika personali: Il-marixxall jikkunsinja l-kopja lid-destinatarju hu stess, preferibbilment f’daru sabiex tiġi protetta l-privatezza tiegħu, iżda minbarra dan kullimkien fil-limiti tal-awtorità territorjali tal-marixxall.

Meta persuna fiżika jew ġuridika tkun indikat ir-residenza jew l-uffiċċju ta’ persuna oħra bħala indirizz għan-notifika, id-dokumenti jridu jiġu kkunsinjati lill-persuna speċifikata biex tirċievi n-notifika f’dak l-indirizz, u titqies bħala li tikkostitwixxi notifika lid-destinatarju (Artikolu 141 CPC). Bħala eċċezzjoni għal din ir-regola, taħrik bil-għan ta’ żgumbrament (citazioni per convalida di sfratto), titoli li jistgħu jkunu infurzati (titoli esecutivi) u ordnijiet li jeħtieġu pagament (precetti di pagamento) ma jistgħux jiġu kkunsinjati lill-indirizz magħżul għan-notifika.

In-notifika lil amministrazzjonijiet Statali, bil-liġi, trid tiġi mwettqa fl-Uffiċċju Legali tal-Istat (Avvocatura di Stato, Artikolu 144 tas-CPC).

Fil-każ ta’ notifika lil persuna ġuridika, id-dokument jiġi kkunsinjat lir-rappreżentant jew lil persuni oħra mogħtija s-setgħa li jirċievu notifika fl-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanija, jew fl-assenza ta’ tali persuni, lill-purtinar, iżda f’dan il-każ in-notifika tista’ ssir ukoll lil persuna fiżika li tirrappreżenta l-kumpanija, filwaqt li jiġu applikati l-proċeduri għal notifika formali għal persuni fiżiċi, dejjem jekk id-dokument li jrid jiġi kkunsinjat jindika li l-persuna hija rappreżentant u jindika wkoll ir-residenza, l-abitazzjoni jew iċ-ċentru ta’ interessi tiegħu (Artikolu 145 tas-CPC).

Notifika formali bil-posta: Bħala alternattiva għan-notifika personali, notifika formali tista’ ssir bil-posta, sakemm dan ma jkunx ipprojbit espressament mil-liġi (kif stabbilit mill-Artikolu 149 tas-CPC u mil-Liġi Nru 890/1982). Jekk in-notifika għandha titwettaq fil-muniċipalità li fiha jinsab l-uffiċċju tal-marixxall, il-marixxall jista’ juża s-servizz tal-posta; jekk in-notifika għandha titwettaq xi mkien ieħor, il-marixxall irid juża s-servizz tal-posta. F’dawn il-każijiet il-kopja tad-dokument titqiegħed f’envelopp speċjali għall-posta rreġistrata, flimkien ma’ karta ta’ konferma tar-riċevuta, it-tnejn li huma ħodor u jsegwu forma standard li tippermettilhom jiġu ntraċċati. Dan jippermetti wkoll lill-marixxall iwettaq notifika formali barra mit-territorju tiegħu.

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

Mid-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 16(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 179/2012, in-notifika sempliċi bir-reġistru sseħħ esklussivament permezz ta’ mezzi elettroniċi għall-indirizz tal-email attestat (PEC); din il-proċedura issa ssir metodu primarju tat-twettiq ta’ notifika sempliċi, u tista’ tintuża f’kull tip ta’ proċediment. Huwa biss meta ma tkunx possibbli l-komunikazzjoni permezz tal-PEC li n-nota tar-reġistru tista’ tintbagħat bil-faks, jew tingħata lill-marixxall għal notifika formali.

In-notifika formali tista’ titwettaq permezz ta’ email iċċertifikata, u għal dan il-għan tista’ tittieħed kopja elettronika mid-dokument tal-karta (Artikolu 149 bis tas-CPC). Din il-proċedura issa qed issir metodu ordinarju tat-twettiq ta’ notifika formali, kif ukoll alternattiva għan-notifika personali diretta f’idejn id-destinatarju, u tista’ tintuża f’kull tip ta’ proċediment.

Sabiex il-proċedura topera kif xieraq, diversi partijiet huma meħtieġa jagħmlu l-indirizz tal-email iċċertifikat tagħhom disponibbli fuq ir-reġistri xierqa: operaturi fil-qasam tal-ġustizzja, persuni ġuridiċi, impriżi kummerċjali, u korpi pubbliċi. Dan jippermetti lill-marixxall u lir-rappreżentant legali ta’ parti jwettqu notifika formali fil-forma ta’ dokument elettroniku awtentiku, iffirmat b’mod diġitali, u kkunsinjat lill-indirizz tal-PEC (Artikolu 149 bis tas-CPC) miksub minn reġistru pubbliku.

Ir-riċevuta tan-notifika formali trid tinkludi ċertifikat ta’ konformità tal-kopja diġitali bid-dokument li minnu ġiet ikkupjata, u r-rekords ta’ aċċettazzjoni tal-fornitur tas-servizz u tal-kunsinna fl-inbox tad-destinatarju, bit-tnejn ikun fihom il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-messaġġ.

Mhuwiex permess li titwettaq notifika sempliċi jew notifika formali permezz ta’ forom oħra ta’ komunikazzjoni elettronika (pereżempju permezz ta’ messaġġ testwali, jew lil indirizz tal-email li mhux l-indirizz tal-PEC), minħabba li dawn il-metodi ma jipprovdux garanzija legali li d-destinatarju jkun irċieva l-messaġġ.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

Notifikazzjoni formali permezz ta’ notifika personali

In-notifika tista’ titwettaq ukoll fir-residenza abitwali tad-destinatarju (abituale dimora), u jekk din ma tkunx magħrufa, f’muniċipalità fejn dan għandu abitazzjoni temporanja (dimora temporanea), jew fil-muniċipalità fejn dan stabbilixxa ċ-ċentru ewlieni tan-negozju u l-interessi tiegħu (domicilio), wara li jkunu saru l-mistoqsijiet lill-persuni fid-dar jew fl-uffiċċju jew fil-post tan-negozju tiegħu.

Jekk id-destinatarju ma jkunx jista’ jinstab f’dawn il-postijiet, il-kopja tista’ tiġi kkunsinjata lil membru tal-familja tiegħu, jew lil persuna impjegata fid-dar jew fin-negozju tiegħu f’envelopp issiġillat, iżda mhux lil minuri li għandu anqas minn 14-il sena jew lil persuna li jidher biċ-ċar li ma tistax tiġi fdata biha. Il-kopja, li tkun għadha fl-envelopp issiġillat tagħha, tista’ tiġi kkunsinjata wkoll lill-purtinar tal-binja jew lil ġar, li jeħtieġlu jiffirma l-formola tar-riċevuta; f’dak il-każ jeħtieġ li d-destinatarju jiġi avżat b’ittra rreġistrata, mingħajr konferma tar-riċevuta, li n-notifika tkun saret. Jekk id-destinatarju abitwalment jgħix abbord bastiment tal-merkanzija, id-dokument jista’ jiġi mgħoddi lill-kaptan tal-bastiment (Artikolu 139 tas-CPC).

L-Artikolu 146 tas-CPC jipprevedi li n-notifika lil persunal militari attiv, meta n-notifika lill-persunal ma tkunx possibbli, issir lis-servizz ta’ prosekuzzjoni, li jibgħatha lill-kmandant tal-korp li għalih jappartjeni d-destinatarju.

Jekk in-notifika ma tkun possibbli bl-ebda mod deskritt, minħabba li dak il-ħin id-destinatarju jkun assenti u l-persuni l-oħra li jistgħu jirċievu d-dokument ikunu assenti, jew ma jkunux jistgħu jirċevuh, jew jirrifjutaw li jaċċettaw in-notifika, il-marixxall jiddepożita l-kopja tad-dokument, f’envelopp issiġillat, fiċ-ċentru muniċipali tal-muniċipalità fejn in-notifika tiġi kkunsinjata, iwaħħal notifika ta’ depożitu f’envelopp issiġillat mal-bieb tad-dar jew tal-uffiċċju tad-destinatarju, u jibgħat lid-destinatarju ittra rreġistarata b’konferma tar-riċevuta biex jinfurmah li d-dokument ġie ddepożitat fiċ-ċentru muniċipali (Artikolu 140 tas-CPC).

Notifika formali fejn ir-residenza, l-abitazzjoni jew iċ-ċentru tal-interessi tad-destinatarju mhumiex magħrufa

Id-destinatarju jrid jiġi mfittex bl-użu ta’ diliġenza ordinarja u b’bona fede. Jekk, madanakollu, id-destinatarju ma jkunx jista’ jinstab, in-notifika titwettaq permezz tad-depożitu ta’ kopja fiċ-ċentru muniċipali tal-aħħar post ta’ residenza magħruf tiegħu, jew jekk l-ebda post ta’ residenza ma jkun magħruf, fiċ-ċentru muniċipali tal-post tat-twelid tiegħu. Jekk anqas dan ma jkun magħruf, jew jekk dan ikun jinsab barra mill-pajjiż, id-dokument jiġi kkunsinjat lill-prosekutur (Artikolu 143 tas-CPC).

Metodi ta’ notifika ordnati mill-qorti

Mal-applikazzjoni jew fuq mozzjoni tagħha stess, il-qorti tista’ tordna metodi ta’ notifika minbarra l-proċeduri kkodifikati f’ċirkostanzi partikolari jew għal raġunijiet ta’ urġenza. Dawn il-metodi jistgħu jintgħażlu liberament, iżda jridu jipproteġu l-privattezza tad-destinatarju u d-dritt li jiddefendi ruħu (Artikolu 151 tas-CPC).

Eżempju komuni ta’ awtorizzazzjoni huwa li jintbagħat pakkett permezz ta’ trasportatur tal-posta li jiggarantixxi kunsinna rapida. Sistemi oħra, bħall-użu ta’ telegrammi, issa huma antikwati

Notifika bi tħabbira pubblika

Mal-applikazzjoni minn waħda mill-partijiet, u wara s-smigħ tal-opinjoni tal-prosekutur, il-qorti tista’ tawtorizza notifika ta’ dan it-tip meta jkun hemm numru kbir ta’ destinatarji jew meta jkun diffiċli li jiġu identifikati kollha.

Kopja tad-dokument tiġi ddepożitata fiċ-ċentru muniċipali tal-muniċipalità tal-qorti tal-proċedimenti, u estratt mid-dokument jiġi ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali (Gazzetta Ufficiale della Repubblica); il-qorti tista’ tordna wkoll il-pubblikazzjoni ta’ estratt fl-aktar gazzetti ċċirkulati b’mod wiesa’, jew bl-użu ta’ forom oħra ta’ reklamar (Artikolu 150 tas-CPC).

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

In-notifika personali lil persuni minbarra d-destinatarju: id-data tan-notifika hija d-data tan-notifika lill-persuna li lilha ġiet ikkunsinjata l-kopja. Din hi d-data meta d-destinatarju jitqies legalment li sar jaf bid-dokument, għalkemm fil-fatt dan se jsir jaf bih biss wara.

Notifika formali skont l-Artikolu 140 tas-CPC: Il-formalitajiet meħtieġa għal tali notifika huma numerużi, u mhux neċessarjament jitlestew fl-istess jum. Il-każistika pprovdiet interpretazzjoni konklużiva tal-leġiżlazzjoni: hija stabbiliet li d-data meta titwettaq in-notifika, fir-rigward tar-rikorrent, tikkoinċidi mal-formalità finali, jiġifieri l-bgħit tal-ittra rreġistrata li jkun fiha n-notifika tad-depożitu fiċ-ċentru muniċipali, filwaqt li fir-rigward tad-destinatarju din tkun id-data meta jiskadi l-perjodu taż-żamma ta’ 10 ijiem l-uffiċċju tal-posta, jew id-data meta jinġabar id-dokument, jekk dan isir aktar kmieni.

Notifika formali bil-posta: In-notifika formali titqies effettiva, fir-rigward tar-rikorrent, fid-data meta d-dokument jingħadda lill-marixxall, filwaqt li fir-rigward tad-destinatarju tiġi implimentata biss meta jitqies legalment li d-destinatarju għandu għarfien tad-dokument. Din hija d-data tal-kunsinna tad-dokument indikata fuq il-konferma tar-riċevuta; f’każijiet ta’ assenza jew rifjut minn kull min jista’ jkun kapaċi jieħu riċevuta, id-dokument jiġi ddepożitat fl-uffiċċju tal-posta, u f’dak il-każ id-data rilevanti tkun it-tmiem tal-perjodu taż-żamma ta’ 10 ijiem fl-uffiċċju tal-posta, jew id-data tal-ġbir, jekk dan isir aktar kmieni. Jekk ikun hemm inċertezza, madanakollu, in-notifika formali tkun effettiva mid-data tal-bolla mwaħħla mill-uffiċċju tal-posta man-notifika mibgħuta lura lill-ispeditur.

Dokument miġbur ikun disponibbli għad-destinatarju għal sitt xhur, sabiex minkejja dan isir familjari aktar mal-kontenut.

Notifika formali meta r-residenza, l-abitazzjoni jew iċ-ċentru ta’ interessi tad-destinatarju ma jkunux magħrufa

Id-dokument jitqies li ġie kkunsinjat 20 jum wara d-depożitu jew il-kunsinna lill-prosekutur.

Metodi ta’ notifika ordnati mill-qorti

Id-data tan-notifika tiddependi mill-metodu magħżul.

Notifika bi tħabbira pubblika

In-notifika tkun effettiva meta, il-marixxall, billi jsegwi l-proċeduri meħtieġa, iressaq lir-reġistru tal-qorti li quddiemha jkunu tressqu l-proċedimenti, kopja tar-rekord tan-notifika u tad-dokumenti li juri li ttieħdet azzjoni mill-parti fuq talba tal-qorti (pubblikazzjoni tal-Gazzetta Uffiċjali, eċċ).

Notifika formali permezz tal-PEC

In-notifika titqies effettiva mill-mument li fih il-fornitur tan-notifika jagħmel id-dokument kompjuterizzat disponibbli fl-inbox tal-email tad-destinatarju. Għalhekk id-data tan-notifika hija dik tal-kunsinna, u ma hemm l-ebda bżonn li jiġi kkonfermat li r-riċevitur ikun qara l-messaġġ.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Notifika f’konformità mal-Artikolu 140 tas-CPC: Mal-bieb tad-destinatarju, il-marixxall iwaħħal notifika f’envelopp issiġillat, notifika li tistabbilixxi l-għan tad-dokument u stedina biex jiġbru miċ-ċentru muniċipali; l-istess notifika tintbagħat lid-destinatarju permezz ta’ ittra rreġistrara b’konferma ta’ riċevuta.

L-uffiċċju tal-posta jikkunsinja din l-ittra rreġistrata lid-destinatarju, jew lil persuna xierqa oħra; u jekk tali persuna ma tkunx tista’ tinstab, id-dokument jitħalla fl-uffiċċju tal-posta li jkun responsabbli minn dak id-distrett, għal 10 ijiem, u titħalla stedina oħra għall-ġbir tad-dokument fil-kaxxa tal-ittri tad-destinatarju.

Notifika formali bil-posta: ħaddiem tal-posta li ma jkunx jista’ jsib lid-destinatarju jew lil persuna oħra awtorizzata jibgħat lid-destinatarju, permezz ta’ ittra rreġistrata, notifika ta’ depożitu (comunicazione dell’avvenuto deposito, “CAD”) li tiddikjara li l-kopja tad-dokument ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tal-posta tad-distrett; jekk il-ħaddiem tal-posta jikkunsinja n-notifika lil persuna awtorizzata li ma tkunx id-destinatarju; dan għal darb’oħra jibgħat lid-destinatarju avviż tan-notifika, permezz ta’ ittra rreġistrata (comunicazione di avvenuta notifica, “CAN”). Dawn l-avviżi ta’ depożitu jew ta’ notifika jissupplimentaw in-notifika formali: il-ħaddiem tal-posta idaħħal nota li jkun intbagħat fuq il-konferma oriġinali tar-riċevuta. In-notifiki huma maħsuba biex jiżguraw li d-destinatarju tabilħaqq jista’ jiffamiljarizza ruħu mad-dokument, u ma jaffettwawx id-data tan-notifika, li tibqa’ d-data tal-iskadenza tal-perjodu taż-żamma ta’ 10 ijiem fl-uffiċċju tal-posta, jew id-data tal-ġbir, jekk dan isir aktar kmieni.

Il-ħaddiem tal-posta jista’ jieħu biss dawn il-passi jekk id-destinatarju jkollu kaxxa tal-ittri xierqa biex fiha jirċievi korrispondenza, li fuqha jkun hemm miktub ismu.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Jekk id-destinatarju jirrifjuta notifika formali b’notifika personali, il-marixxall jirrekordja l-fatt fir-rekord tan-notifika, u jitniżżel li n-notifika tkun ġiet imwettqa b’mod validu (Artikolu 138 tas-CPC).

F’każijiet ta’ notifika formali bil-posta, jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta d-dokument jew li jiffirma r-reġistru tal-kunsinna, il-ħaddiem tal-posta jirrekordja l-fatt fuq il-konferma tar-riċevuta, u jitniżżel li n-notifika tkun ġiet imwettqa b’mod validu.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

Dan il-qasam huwa rregolat mir-riżoluzzjoni 385/13/CONS tar-regolatur Taljan tal-komunikazzjoni (Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni, “AGCOM”) ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali Nru 165 tas-16 ta’ Lulju 2013, u disponibbli fuq is-sit web http://www.agcom.it. Il-ħaddiem tal-posta jikkunsinja l-ittra rreġistrata lid-destinatarju fuq l-indirizz indikat, jew lil persuna oħra xierqa kif previst mil-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-kunsinna tal-ittri rreġistrati: membru tal-familja immedjata tad-destinatarju, konkubin, koħaddiem, purtinar jew ġar li jaċċettaha. L-ittri rreġistrati indirizzati lill-organizzazzjonijiet, lill-persuni u lill-assoċjazzjonijiet ġuridiċi jiġu kkunsinjati lir-rappreżentant legali jew lil membru tal-persunal responsabbli.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Jekk ħaddiem tal-posta ma jkunx jista’ jsib persuna xierqa, id-dokument jiġi ddepożitat fl-uffiċċju tal-posta li jkun responsabbli minn dak id-distrett.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Il-perjodu taż-żamma tal-uffiċċju tal-posta għad-dokumenti legali huwa ta’ għaxart ijiem; il-ħaddiem tal-posta responsabbli għall-kunsinna jinforma lid-destinatarju li d-dokument ikun qed jinżamm b’mezz ta’ notifika f’envelopp issiġillat mibgħut b’ittra rreġistrata b’konferma ta’ riċevuta li, jekk id-destinatarju jkun assenti, titwaħħal mal-bieb prinċipali jew titqiegħed fil-kaxxa tal-ittri tad-dar tiegħu. Din in-notifika irid ikun fiha talba espressa għall-ġbir tad-dokument fi żmien perjodu massimu ta’ sitt xhur, bit-twissija li n-notifika formali se titqies li ġiet ikkunsinjata għaxart ijiem wara li d-dokument ikun ġie ddepożitat fl-uffiċċju tal-posta, u li jekk id-dokument ma jinġabarx fi żmien sitt xhur jerġa’ jintbagħat lura lill-ispeditur.

Jekk l-ittra ma tinġabarx mid-destinatarju jew minn rappreżentant tiegħu fi żmien għaxart ijiem minn mindu tkun intbagħtet l-ittra rreġistrata, il-konferma tar-riċevuta trid, fi żmien jumejn (din l-iskadenza hija stabbilita bil-Liġi Nru 205/2017, u hija applikabbli b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2018), tintbagħat lura lill-ispeditur b’ittra rreġistrata, filwaqt li tiġi speċifikata d-data meta jkun skada l-perjodu taż-żamma, u konsegwentement, in-notifika formali saret effettiva. Jekk jgħaddu sitt xhur mid-data meta d-dokument ikun ġie ddepożitat fl-uffiċċju tal-posta u d-destinatarju jkun għadu ma ġabrux, id-dokument jintbagħat lura lill-ispeditur

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Il-persuna li twettaq notifika formali jeħtiġilha ddaħħal id-data, il-mod u l-posta tan-notifika kemm fuq il-kopja notifikata kif ukoll fuq l-oriġinali sabiex tippermetti biex issir valutazzjoni tar-regolarità tal-proċedura. Hija għandha tindika kwalunkwe tfittxija li tkun twettqet, inkluż tfittxijiet fl-uffiċċju tar-reġistru tal-popolazzjoni (Artikolu 148 tas-CPC).

Rekord tan-notifika formali bil-posta jrid jindika d-data u l-uffiċċju tal-posta li jibgħat id-dokument. Il-konferma tar-riċevuta li għandha tintbagħat lill-ispeditur trid tiġi mehmuża bħala prova dokumentarja li d-dokument ikun ġie kkunsinjat.

Meta fil-konferma tar-riċevuta l-ħaddiem tal-posta jindika li d-destinatarju mhux magħruf jew li telaq mill-indirizz mogħti fuq l-envelopp, in-notifika ma tiġix affettwata.

Ir-rekord tal-marixxall huwa dokument uffiċjali, u sakemm ikun magħruf li huwa falz huwa l-prova ta’ x’seħħ fil-preżenza tal-marixxall u tad-dikjarazzjonijiet l-oħra li sarulu; huwa evidenza preżunta ta’ ċirkostanzi oħra li l-marixxall ma asserixxiex personalment (pereżempju, il-fatt li l-persuna li ħadet il-kunsinna tad-dokument kienet membru tal-familja jew persuna impjegata fid-dar tad-destinatarju).

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

In-notifika formali tkun nulla u bla effett meta l-proċeduri stabbiliti, li jiggarantixxu l-prinċipju li l-parti trid titqies li għandha għarfien tad-dokument, ma jkunux ġew segwiti, jiġifieri meta r-regoli li jikkonċernaw il-persuna li għandha tieħu l-kunsinna tal-kopja ma ssirx konformità magħhom, jew jekk ikun hemm inċertezza reali (incertezza assoluta) rigward il-persuna li ġie mgħoddi lilha d-dokument jew id-data meta jkun ġie mgħoddi lilha (Artikolu 160 tas-CPC).

In-nullità tan-notifika tista’ tiġi rrimedjata jekk madanakollu n-notifika tkun laħqet l-għan tagħha, pereżempju, jekk id-destinatarju jidher il-qorti; inkella jrid isir tentattiv ġdid sabiex titwettaq in-notifika.

L-inċertezza rigward id-data ta’ notifika trid tkun reali; ma tistax tiġi rimedjata jekk l-iskadenza tiddependi fuqha. Meta fuq l-oriġinali u fuq il-kopja jkun hemm data differenti, id-data indikata fuq il-kopja tad-destinatarju tieħu preċedenza, sabiex jiġi ggarantit id-dritt tad-destinatarju li jiddefendi lilu nnifsu.

Il-qrati jemmnu li ma hemm l-ebda notifika formali u li l-assenza tan-notifika ma tistax tiġi rimedjata meta d-dokument ma jkunx ġie kkunsinjat, jew meta jkun ġie kkunsinjat f’post jew lil persuna li bl-ebda mod mhuma marbutin mad-destinatarju. Lanqas ma tista’ n-nullità ta’ notifika tiġi rimedjata meta jkun hemm diskrepanzi bejn l-oriġinali u l-kopja sabiex jiġi impedit li d-destinatarju jiddefendi lilu nnifsu kif xieraq. Meta ma jkun hemm l-ebda notifika formali, l-ebda rimedju mhu permess, u l-proċess ta’ notifika formali tad-dokument ikun irid jibda mill-ġdid.

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

F’każijiet ċivili, il-parti li titlob notifika formali jeħtiġilha tkopri l-ispejjeż, li jikkonsistu f’tariffi pagabbli lit-Teżor (erario), kif ukoll imposti fuq il-ġarr u l-kunsinna lill-marixxall għad-dokumenti kkunsinjati mill-post tal-uffiċċju tal-marixxall.

Din il-kwistjoni hi rregolata mid-Digriet Presidenzjali Nru 115 tat-30 ta’ Mejju 2002 (Liġi Konsolidata dwar l-ispejjeż legali), li jiffissa wkoll l-ammont ta’ tali spejjeż. Il-parti li tibda l-proċedimenti jeħtiġilha tħallas it-tariffi bil-quddiem, imposti fuq il-ġarr u l-kunsinna għal notifiki formali kkunsinjati fuq talba tar-reġistratur, b’rata fissa standard ta’ EUR 27,00; għal notifiki formali mitluba mill-partijiet, ir-rikorrent għandu jħallas tariffa indikata fl-Artikoli 34ff. tad-Digriet Presidenzjali Nru 115/2002, li tvarja skont in-numru ta’ destinatarji, id-distanza f’kilometri u l-urġenza.

F’oqsma oħra tal-liġi, inklużi każijiet ta’ impjieg u ta’ benesseri, proċedimenti ta’ separazzjoni u divorzju, u każijiet fejn persuna ta’ mezzi insuffiċjenti tkun eliġibbli għall-għajnuna legali mill-istat, il-parti hija eżentata milli tħallas l-ispejjeż tan-notifika, li jiġu imposti fuq it-Teżor.

Notifiki formali mitluba skont ir-Regolament Nru 1393/2007 huma eżenti mill-ispejjeż, ħlief għal dawk ikkawżati b’rikors lil marixxall jew persuna kompetenti taħt il-liġi tal-Istat Membru indirizzat, li jikkorrispondu għal tariffa fissa unika stabbilita minn dak l-Istat Membru minn qabel li tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni (Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1393/2007).

L-aħħar aġġornament: 03/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna