

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Skont l-Att CXXX tal-2016 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (“l-Att CXXX tal-2016”), sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi, id-dokumenti tal-qorti għandhom jiġu nnotifikati bil-posta, skont il-leġiżlazzjoni relatata man-notifika ta’ dokumenti uffiċjali. Id-destinatarju jista’ ukoll jiġbor id-dokument destinat għalih fl-uffiċċju tal-qorti, wara li jippreżenta prova tal-identità. Fil-każ ta’ komunikazzjoni elettronika obbligatorja jew fakultattiva, id-dokumenti jiġu nnotifikati elettronikament.
Ara t-taqsima dwar l-Ipproċessar awtomatiku.
L-għan li jiġu nnotifikati d-dokumenti uffiċjali huwa li d-destinatarji jiġu informati bil-kontenut tad-dokumenti, iżda b'mod li jippermetti lill-ispedituri li jipprovaw li d-dokumenti ġew trażmessi lid-destinatarji. L-att innifsu, id-data tiegħu u r-riżultat tan-notifika jridu jkunu murija. Id-dokumenti uffiċjali jistgħu jintbagħtu b'ittra reġistrata bil-konferma tar-riċevuta intiża b'mod speċjali għal dan it-tip ta' notifika.
Skont l-Att CLIX tal-2012 dwar is-servizzi postali (“Att CLIX tal-2012”), id-dokumenti li jridu jkunu nnotifikati uffiċjalment huma dawk li fil-każ tagħhom l-ispedizzjoni jew in-notifika (tentattiv ta’ notifika) jew id-data tagħhom ikollhom konsegwenzi ġuridiċi bil-liġi, dawk li jipprovdu l-bażi għal kalkolu tal-iskadenzi statutorji jew dawk li huma kklassifikati bħala dokumenti uffiċjali permezz tal-liġi.
Skont l-Att CXXX tal-2016, fi proċedimenti ta’ kawżi ċivili, is-segwenti jridu jiġu kkomunikati permezz ta’ notifika:
- sentenzi u inġunzjonijiet lill-partijiet;
- ordnijiet li jingħataw matul il-proċess, lill-parti li ma ġietx imħarrka debitament għall-proċess;
- ċerti ordnijiet speċifikati mill-Att CXXX tal-2016 u li ngħataw waqt il-proċess, lill-parti li naqset milli tidher waqt il-proċess;
- ordnijiet mogħtija barra mill-proċess, lill-parti kkonċernata;
- id-deċiżjonijiet kollha maħruġa matul il-proċedura, lill-persuna li fl-interess tagħha tressqu l-proċedimenti mill-prosekutur jew mill-persuna awtorizzata li tibda l-proċedimenti.
Il-qorti u l-fornitur tas-servizz postali huma responsabbli min-notifika ta' dokumenti, abbażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli għalihom.
Ma hemm ebda tali obbligu, iżda mhuwiex eskluż, pereżempju, li l-qorti tista' tivverifika l-indirizz kurrenti tal-kumpanija mniżżla fir-reġistru kummerċjali u tirranġa għan-notifika konsegwentement.
L-indirizz residenzjali ta' persuni fiżiċi:
Fl-Ungerija, ir-reġistru ċentrali tal-indirizzi residenzjali jinżamm mill-Uffiċċju tal-Viċi Segretarju tal-Istat għaż-Żamma tar-Reġistri tal-Ministeru tal-Intern (Belügyminisztérium Nyilvántartások Vezetéséért Felelős Helyettes Államtitkársága, ‘BM NYHÁT’) http://nyilvantarto.hu/hu/adatszolgaltatas_szemelyi. Huwa possibbli li dan ir-reġistru jintuża biex jinkisbu d-dettalji tal-indirizz ta' persuni identifikabbli b'mod individwali. It-tali rikorsi jistgħu jitressqu minn persuni privati jew legali jew entitajiet mingħajr personalità ġuridika, sakemm dawn jiġġustifikaw l-iskop u l-bażi ġuridika għall-użu ta’ din id-data.
Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat personalment fi kwalunkwe uffiċċju distrettwali jew barra mill-pajjiż fir-rappreżentanza diplomatika Ungeriża kompetenti għall-indirizz residenzjali barrani.
Jista’ jiġi ppreżentat rikors bil-miktub fi kwalunkwe uffiċċju distrettwali. Jekk id-data mitluba ma tkunx disponibbli fl-uffiċċju tad-distrett, f’dan il-każ
- talbiet minn awtoritajiet pubbliċi u rikorsi għal żvelar ta’ data minn awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiġu ppreżentati lid-Dipartiment BM NYHÁT għar-Rekords Personali u ta’ Ġestjoni), Taqsima ta’ Assistenza Legali Domestika (BM NYHÁT Személyi Nyilvántartási és Igazgatási Főosztály Belföldi Jogsegélyügyek Osztály), indirizz postali: H-1476 Budapest, Pf. 281.;
- it-talbiet l-oħra kollha minn rikorrenti li mhumiex inklużi hawn fuq (eż. individwi privati, kumpaniji, eċċ.) jistgħu jiġu ppreżentati mid-Dipartiment BM NYHÁT għas-Servizz Personali tal-Klijenti u għall-Verifika tad-Dokumenti ((BM NYHÁT Személyes Ügyfélszolgálati és Okmányügyeleti Főosztály), indirizz postali: H-1553 Budapest, Pf. 78.
- Rikors bil-miktub jista’ jiġi ppreżentat barra mill-pajjiż fir-rappreżentanza diplomatika Ungeriża kompetenti għall-indirizz residenzjali barrani.
Ir-rikors irid ikun fih is-segwenti:
• id-dettalji tar-rikorrent, l-isem, l-indirizz, l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju tar-rikorrent jew ir-rappreżentant tiegħu;
• l-enumerazzjoni eżatta tad-data mitluba;
• l-għan li għalih se tintuża d-data;
• id-dettalji ta’ identifikazzjoni ta’ persuna fiżika li jistgħu jintużaw sabiex tiġi identifikata l-persuna msemmija fir-rikors (isem, post u data tat-twelid, kunjom tal-omm xebba) jew l-isem u l-indirizz residenzjali magħruf mir-rikorrent (isem tal-lokalità, isem tat-triq, numru tad-dar).
Id-dokumenti li jridu jiġu ppreżentati mar-rikors:
• Id-dokument li jiġġustifika l-bażi ġuridika għall-użu ta’ din id-data.
• Ir-rappreżentant awtorizzat irid jippreżenta prokura, sakemm ma tkunx diġà mdaħħla fir-Reġistru tas-Servizz ta’ Verifika tal-Klijenti (“rendelkezési nyilvántartás”). Il-prokura trid tkun dokument uffiċjali jew dokument privat iċċertifikat, inkella trid tkun irreġistrata.
Sakemm il-prokura ma tipprovdix mod ieħor, hija tkopri d-dikjarazzjonijiet u l-atti kollha relatati mal-proċedura.
Jekk ikun hemm xi dubju dwar l-awtentiċità jew il-kontenut ta’ dokument uffiċjali maħruġ barra mill-pajjiż, l-awtorità titlob lir-rikorrent biex jippreżenta d-dokument barrani uffiċjali b’apostille.
Jekk ir-rikorrent jissottometti t-traduzzjoni fil-lingwa Ungeriża ċċertifikata ta’ dokument maħruġ f’lingwa oħra, l-awtorità taċċettaha abbażi tal-kontenut tat-traduzzjoni.
Il-proċedura hija suġġetta għal tariffa ta’ servizz amministrattiv pagabbli sussegwentement:
• għall-forniment ta’ data li tirrigwarda minn persuna waħda sa ħames persuni: HUF 3 500;
• għall-forniment ta’ data li tirrigwarda aktar minn ħames persuni: in-numru ta’ persuni kkonċernati multiplikat bir-rata ta’ HUF 730 għal kull oġġett.
Fil-każ ta’ rikorsi trażmessi minn barra jew permezz tar-rappreżentanza diplomatika Ungeriża li hija akkreditata għall-post tar-residenza tar-rikorrent, it-tariffa trid titħallas sussegwentement bħala tariffa konsulari fir-rappreżentazzjoni Ungeriża kompetenti.
Kumpaniji:
Fil-każ ta’ kumpaniji, l-informazzjoni l-aktar importanti fir-reġistru kummerċjali, inkluż l-indirizz, hija disponibbli mingħajr ħlas fuq is-sit web segwenti, bl-Ungeriż: https://www.e-cegjegyzek.hu/
Ir-Regolament mhuwiex ċar dwar jekk it-talbiet immirati għall-iskoperta tal-indirizzi residenzjali jaqgħux fl-ambitu tiegħu. Għalhekk, hija l-qorti li għandha tiddeċiedi jekk taċċettax it-tali talbiet. Madankollu, il-qrati Ungeriżi jistgħu jitolbu d-dettalji tal-indirizz mill-BM NYHÁT, u għalhekk l-aċċettazzjoni tat-tali talba għal assistenza legali mhijiex eskluża fil-prattika.
Skont id-Digriet Governattiv Nru 335/2012 tal-4 ta’ Diċembru 2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati li jirregolaw is-servizzi postali u n-notifika ta’ dokumenti uffiċjali (“id-Digriet Governattiv Nru 335/2012”), il-fornitur tas-servizzi postali jinnotifika d-dokumenti uffiċjali, mibgħuta b’konferma tar-riċevuta, billi jikkonsenjahom personalment lid-destinatarju jew lil riċevitur awtorizzat ieħor.
Jekk id-destinatarju huwa persuna fiżika u huwa assenti mill-post fil-ħin tat-tentattiv ta’ notifika, id-dokument irid jiġi nnotifikat l-ewwel lir-rappreżentant tad-destinatarju preżenti hemmhekk. Jekk fil-ħin tat-tentattiv ta’ konsenja kemm id-destinatarju u kif ukoll ir-rappreżentant tiegħu huma assenti mill-post, skont id-dikjarazzjoni tar-reċipjent sostitut, id-dokument jista’ jiġi nnotifikat lir-reċipjent sostitut preżenti hemmhekk.
Fil-każ ta’ organizzazzjoni, il-persuna intitolata li tirċievi d-dokumenti huwa r-rappreżentant tal-organizzazzjoni.
Impjegat li ma jikkwalifikax bħala rappreżentant tal-organizzazzjoni jista’ jitqies mill-fornitur tas-servizzi postali bħala li jkun intitolat li jieħu l-konsenja tal-posta bħala riċevitur okkażjonali.
Il-fornitur ta’ servizz jinnotifika l-ittra permezz tal-organizzazzjoni li topera fil-post indikat fl-indirizz (servizz indirett), jekk l-indirizz, il-post tar-residenza jew il-post tax-xogħol tad-destinatarju huwa wieħed mis-segwenti: il-Forzi tad-Difiża Ungeriżi, is-Servizz ta’ Intelliġenza Militari, l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi, is-servizz ta’ priġunerija, iċ-ċentru ta’ detenzjoni għaż-żgħażagħ, l-entitajiet tal-kura tas-saħħa jew dawk soċjali, il-lukandi, il-ħostels għall-istudenti, il-ħostels għall-ħaddiema jew iċ-ċentri għall-vaganzi.
Skont id-Digriet Governattiv Nru 335/2012, il-fornitur ta’ servizz jagħmel żewġ tentattivi sabiex jinnotifika l-ittra mibgħuta bħala dokument uffiċjali. Jekk l-ewwel tentattiv ifalli billi d-destinatarju jew ir-riċevitur awtorizzat ma jkunx preżenti fl-indirizz, il-fornitur ta’ servizz iħalli avviż, jagħmel id-dokument uffiċjali disponibbli fil-punt tal-konsenja indikat fl-avviż, u jagħmel tentattiv ieħor fil-ħames jum ta’ xogħol li jiġi wara n-notifika li ma tkunx irnexxiet. Jekk it-tieni tentattiv ifalli, il-fornitur ta’ servizz jerġa’ iħalli warajh avviż għad-destinatarju u jagħmel id-dokument uffiċjali disponibbli fis-servizz tal-punt tal-konsenja indikat fl-avviż għal ħamest ijiem ta’ xogħol mid-data tat-tieni tentattiv tan-notifika. Sakemm isir it-tieni tentattiv tan-notifika, id-dokument uffiċjali jista' jinġabar mill-punt tal-konsenja indikat, wara li jippreżentaprova tal-identità. Jekk id-dokument uffiċjali mhuwiex ikkonsenjat sad-data tal-iskadenza indikata fit-tieni avviż, fil-jum ta’ xogħol li jmiss il-fornitur ta’ servizz jirritorna d-dokument uffiċjali bl-indikazzjoni “ma nġabarx”.
F’dan il-każ, skont id-dispożizzjonijiet tal-Att CXXX tal-2016, id-dokument irid jitqies bħala li jkun ġie nnotifikat fil-ħames jum ta’ xogħol mid-data tat-tieni tentattiv ta’ notifika, sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor. In-notifika ma tkunx ikkunsidrata legali jekk id-dokument ikun ġie nnotifikat lil riċevitur alternattiv minflok lid-destinatarju, u r-riċevitur alternattiv kien il-parti li qed topponi jew ir-rappreżentant tiegħu fil-proċedura ġudizzjarja. F’każ ta’ notifika ta’ dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew deċiżjoni sostantiva li tikkonkludi l-proċedimenti, il-qorti tinnotifika lid-destinatarju fi żmien tmint ijiem mill-preżunzjoni li d-dokument ikun ġie nnotifikat. Jekk indirizz elettroniku jkun disponibbli, in-notifika trid tintbagħat ukoll fl-indirizz elettroniku.
Id-destinatarju jista’ ukoll jiġbor id-dokument destinat għalih fl-uffiċċju tal-qorti, wara li jippreżenta prova tal-identità.
L-Att LIII tal-1994 dwar il-proċedimenti ta’ infurzar (“ATT LIII tal-1994”) jirregola n-notifika mill-Bailiff bħala metodu alternattiv ta’ notifika permess fil-każ ta’ deċiżjonijiet sostantivi li jikkostitwixxu l-bażi għall-infurzar, fejn il-preżunzjoni tan-notifika tkun daħlet fis-seħħ u l-parti intitolata li tressaq it-talba għall-infurzar tkun espressament talbet dan u tkun ħallset parti mill-ispejjeż bil-quddiem. Skont l-Att LIII tal-1994, il-Bailiff jista’ ukoll jinnotifika d-dokumenti ta’ infurzar personalment, f’konformità ma’ leġiżlazzjoni speċifika. Jekk il-proċedura tfalli, id-dokumenti jistgħu jiġu notifikati skont proċedura ġdida f’konformità mar-regoli ġenerali applikabbli għan-notifika ta’ dokumenti uffiċjali.
L-Att CXXX tal-2016 u l-Att L tal-2009 dwar il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas jispeċifikaw każijiet oħra fejn in-notifika tista’ issir mill-Bailiff.
Barra minn dak li ntqal hawn fuq, fil-każijiet speċifikati mil-liġi, in-notifika tista’ titwettaq minn entitajiet speċjali ta’ notifika, pereż. permezz ta’ persunal tal-qorti (pereż. bin-notifika ta’ taħrikiet għall-komparuzzjoni fi proċessi ċivili jekk dawn ikunu urġenti).
Skont l-Att CXXX tal-2016, issir distinzjoni bejn komunikazzjoni elettronika obbligatorja u fakultattiva.
Skont l-Att CCXXII tal-2015 dwar ir-regoli ġenerali applikabbli għal amministrazzjoni elettronika u għas-servizzi fiduċjarji (“Att CCXXII tal-2015”), dawk li huma legalment meħtieġa jużaw il-komunikazzjoni elettronika (eż. rappreżentanti legali u kumpaniji) iridu jissottomettu r-rikorsi kollha lill-qorti b’mezzi elettroniċi biss, bil-mod previst fl-Att CCXXII tal-2015 u d-digrieti ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-qorti tinnotifikahom ukoll bid-dokumenti permezz ta’ mezzi elettroniċi.
Il-partijiet fil-proċedimenti li mhumiex obbligati jużaw komunikazzjoni elettronika, jew ir-rappreżentanti tagħhom jekk ma jkunux ikklassifikati bħala rappreżentanti legali, jistgħu - bl-eċċezzjonijiet stipulati fl-Att CXXX tal-2016 - jippreżentaw id-dokumenti kollha b’mod elettroniku jekk jixtiequ, skont id-dispożizzjonijiet tal-Att CCXXII tal-2015 u d-digrieti ta’ implimentazzjoni tiegħu. Jekk parti jew ir-rappreżentant tiegħu jagħżel komunikazzjoni elettronika, il-qorti sservi d-dokumenti kollha tal-qorti b’mod elettroniku.
Fil-każ ta’ komunikazzjoni elettronika, jiġi żgurat kuntatt kontinwu mal-qorti permezz tas-sistema ta’ notifika elettronika. Il-parti li tagħżel komunikazzjoni elettronika hija notifikata dwar jekk is-sottomissjoni tagħha tikkonformax mar-rekwiżiti tal-IT.
In-notifika ta’ konsenja sigura tiggarantixxi, fost affarijiet oħra, li l-ispeditur jiġi nnotifikat bil-wasla tal-messaġġi tiegħu, u jekk il-konsenja ma tkunx irnexxiet. Il-fornitur tas-servizzi huwa meħtieġ li joħroġ ċertifikazzjoni immedjata lill-ispeditur, li għandha tintbagħat fl-indirizz elettroniku pprovdut, li tikkonferma l-informazzjoni relatata mal-avveniment ta’ notifika tad-dokument.
Għal dokumenti nnotifikati bl-użu ta’ servizzi ta’ konsenja siguri, jenħtieġ li jiġu permessi ħamest ijiem ta’ xogħol għar-riċevuta, sakemm mhux previst mod ieħor mil-leġiżlazzjoni. Jekk id-destinatarju ma jiħux il-konsenja tal-posta f’dak il-limitu ta’ żmien iżda lanqas ma jirrifjuta l-konsenja, tintbagħat t-tieni notifika ta’ servizz fl-ewwel jum ta’ xogħol wara l-perjodu ta’ ħamest ijiem ta’ xogħol.
Sa mill-introduzzjoni tal-komunikazzjoni elettronika fil-liġi proċedurali, id-dispożizzjonijiet tal-Att CXXX tal-2016 li jikkonċernaw il-preżunzjoni tan-notifika (fid-dettall hawn taħt) japplikaw mhux biss għall-konsenja bil-posta iżda għall-mezzi legali kollha għan-notifika ta’ dokumenti, inkluż b’mezzi elettroniċi.
F’każijiet urġenti, it-taħrikiet għal proċessi ċivili jistgħu jitqassmu bil-posta elettronika anki fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni elettronika.
Skont l-Att CXXX tal-2016, jekk il-post ta’ residenza tal-parti mhux magħruf u d-dokument tal-qorti lanqas ma jista’ jiġi nnotifikat lill-parti b’mezzi elettroniċi, jew jekk il-parti tirrisjedi fi stat li ma jipprovdix assistenza legali għan-notifika, jew jekk hemm ostakoli oħra li ma jinqalgħux li jipprekludu n-notifika, jew jekk il-liġi hekk tipprovdi, in-notifika trid issir permezz ta’ reklamar fuq il-powsters. Bħala regola ġenerali, il-qorti tista’ tordna notifika permezz ta’ reklamar fuq powsters fuq talba tal-parti, sakemm ikun hemm raġunijiet fondati għal dan.
Ir-reklamar fuq powsters irid jintwera għal ħmistax-il jum fuq is-sit web ċentrali tal-qrati, fuq l-avviżiera tal-qorti, u fuq l-avviżiera tas-sindku lokali jew tal-uffiċċju tal-kunsill fil-post tal-aħħar residenza magħrufa tal-parti. Jekk l-indirizz elettroniku tal-parti jkun disponibbli, ir-reklamar fuq powsters irid jintbagħat ukoll fl-indirizz elettroniku.
Fil-każ ta’ notifika permezz ta’ reklamar fuq powsters, bħala regola ġenerali, id-dokumenti jridu jitqiesu li jkunu ġew innotifikati fil-ħmistax-il jum li fih ir-reklam ikun deher fis-sit web ċentrali tal-qorti.
Skont l-Att CLIX tal-2012, il-fornitur ta’ servizzi u d-destinatarju jistgħu jaqblu li jenħtieġ li l-ittra għad-destinatarju tiġi nnotifikata mhux fl-indirizz indikat fuq l-ittra iżda f’indirizz ieħor. Skont id-Digriet Governattiv Nru 335/2012, il-fornitur tas-servizz postali jipprovdi informazzjoni mal-wasla ta’ dokumenti uffiċjali destinati għal kaxxa postali billi jħalli avviż fil-kaxxa anki jekk id-dokument uffiċjali huwa destinat għall-kaxxa postali iżda mhuwiex għal-lokatarju tal-kaxxa postali.
Skont l-Att CXXX tal-2016, id-dokumenti tal-qorti jridu jitqiesu bħala li jkunu notifikati fid-data tat-tentattiv tan-notifika jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika.
Fil-każ ta' notifika skont l-Artikolu 14 tar-Regolament, il-fornitur tas-servizz postali fl-Ungerija ma jkollu ebda informazzjoni li l-ittra riċevuta minn barra 'il pajjiż jkun dokument uffiċjali. Għalhekk, huwa ma japplikax ir-regoli partikolari applikabbli għan-notifika ta' dokumenti uffiċjali iżda biss ir-regoli domestiċi ġenerali applikabbli għal ittri reġistrati (bil-konferma tar-riċevuta).
L-informazzjoni fil-punt 5 dwar il-persuni awtorizzati li jirċievu d-dokumenti tapplika fir-rigward ta’ dokumenti uffiċjali.
Jekk id-destinatarju jew riċevitur awtorizzat ieħor mhuwiex preżenti fl-indirizz fil-ħin tat-tentattiv ta' notifika, il-fornitur ta' servizz iħalli warajh avviż li jinforma lid-destinatarju li d-dokument huwa disponibbli għad-destinatarju fil-punt ta' konsenja tal-fornitur ta' servizz. Id-dokument jista’ jinġabar f’dak l-indirizz mid-destinatarju, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jew riċevitur alternattiv li għandu d-domiċilju jew il-post tar-residenza tiegħu f’dak l-indirizz. Jekk id-destinatarju jew riċevitur awtorizzat ieħor ma jiġborx l-ittra sal-iskadenza indikata fl-avviż, il-fornitur ta' servizz jirritorna d-dokument bħala mhux ikkonsenjat.
Il-perjodu ta’ disponibbiltà huwa stabbilit mill-fornitur tas-servizz postali. Fil-każ ta' Magyar Posta Zrt., dan huwa ta' għaxart ijiem ta' xogħol mit-tentattiv ta' notifika. Għall-metodu ta' kommunikazzjoni, ara l-punt preċedenti.
Il-prova bil-miktub tan-notifika hija l-konferma tar-riċevuta, li tindika r-riżultat tal-proċedura ta’ notifika, jiġifieri r-riċevitur, il-funzjoni tar-riċevitur jekk huwa mhuwiex id-destinatarju (pereż. rappreżentant awtorizzat), id-data tar-riċevuta jew, jekk ma jkunx hemm konsenja, l-ostakolu li pprekludietha (pereż. riċevuta rifjutata, “mhux miġbura”). Il-fornitur ta' servizz jirritorna l-konferma tar-riċevuta lill-ispeditur fi kwalunkwe każ.
Skont l-Att CXXX tal-2016, jekk il-preżunzjoni tan-notifika tkun daħlet fis-seħħ (id-destinatarju rrifjuta li jirċievi d-dokument jew ma laqax il-konsenja tad-dokument minkejja żewġ tentattivi ta’ notifika), id-destinatarju jista’ jqajjem oġġezzjoni mal-qorti li tmexxi l-proċedimenti li taħtha tkun saret in-notifika, abbażi ta’ xi waħda mir-raġunijiet stabbiliti hawn taħt, fi żmien ħmistax-il jum minn meta kellu konjizzjoni dwar il-preżunzjoni ta’ twettiq tan-notifika jew minn meta kellu konjizzjoni dwar in-notifika fil-każ ta’ dokument meqjus bħala nnotifikat mingħajr preżunzjoni ta’ notifika. Bħala regola ġenerali, l-ebda oġġezzjoni ma tista’ tiġi ppreżentata aktar minn tliet xhur wara d-data li fiha l-preżunzjoni ta’ notifika ssir effettiva jew id-data tan-notifika. Jekk il-preżunzjoni tan-notifika jew in-notifika tikkonċerna dokument li jiftaħ il-proċedimenti, l-oġġezzjoni tista’ tiġi ppreżentata waqt li l-proċedimenti jkunu għaddejjin, fi żmien ħmistax-il jum mill-konjizzjoni dwar il-preżunzjoni ta’ notifika jew mill-konjizzjoni dwar in-notifika attwali tad-dokument.
Il-Qorti tilqa’ l-oġġezzjoni jekk id-destinatarju ma kienx f’pożizzjoni li jirċievi d-dokument tal-qorti minħabba li:
(a) in-notifika saret bi ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli għan-notifika ta’ dokumenti uffiċjali jew ma kinitx legali għal raġunijiet oħra, jew
(b) id-destinatarju ma setax jirċievi d-dokument għal raġunijiet oħra mhux imsemmija fil-punt (a) mingħajr ebda tort min-naħa tiegħu.
L-oġġezzjoni kontra l-preżunzjoni ta’ notifika għal raġunijiet koperti taħt il-punt (b) tista’ titqajjem minn persuni fiżiċi biss.
Jekk il-qorti tilqa’ l-oġġezzjoni, il-konsegwenzi ġuridiċi konnessi man-notifika isiru nulli u n-notifiki u l-miżuri u l-azzjonijiet proċedurali li diġà ttieħdu jridu jiġu ripetuti kif meħtieġ.
Tista’ titqajjem ukoll oġġezzjoni fil-kors ta’ proċedimenti ta’ infurzar. Fil-każ li d-deċiżjoni kkunsidrata bħala li ġiet innotifikata ssir finali, id-destinatarju jista’ - abbażi tar-raġunijiet diġà deskritti - jissottometti oġġezzjoni lill-qorti li tkun ħarġet id-deċiżjoni fl-ewwel istanza matul il-proċedimenti ta’ infurzar, fi żmien ħmistax-il jum mill-konjizzjoni dwar il-proċedimenti għall-infurzar tad-deċiżjoni.
Bħala regola ġenerali, il-qorti tista’ tordna notifika permezz ta’ reklamar fuq powsters fuq talba tal-parti, sakemm ikun hemm raġunijiet fondati għal dan. Jekk il-fatti ppreżentati fir-rikors għal reklamar fuq powsters jirriżultaw li huma foloz u l-parti rikorrenti kienet konxja jew kellha raġunijiet raġonevoli biex tkun taf dwar dan, il-parti trid tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż imġarrba b’rabta mar-reklamar fuq powsters, irrispettivament mill-eżitu tal-proċedimenti, u l-qorti timponi wkoll multa.
Sentenza finali tista' tkun suġġetta għal rieżami fejn id-dokument li jibda l-proċedimenti jew dokument ieħor kien innotifikat lill-parti permezz ta' reklamar fuq powsters bi ksur tar-regoli applikabbli għan-notifika permezz ta' reklamar fuq powsters.
It-tariffi tal-qorti jinkludu wkoll l-ispejjeż tan-notifika ta’ dokumenti. Għalhekk, il-parti ma jkollhiex tħallas l-ispejjeż tan-notifika fil-proċedimenti tal-qorti. L-unika eċċezzjoni hija n-notifika mill-Bailiff skont l-Att LIII tal-1994, fejn il-persuna li titlob l-infurzar trid tħallas l-ispejjeż relatati bil-quddiem. Skont il-liġi, il-Bailiff huwa intitolat għal tariffa ta’ HUF 6 000 u somma f’daqqa ta’ HUF 1 500 biex ikopri l-ispejjeż, irrispettivament mill-għadd ta’ tentattivi ta’ notifika.
Jekk il-proċedimenti ta' infurzar jinbdew abbażi tad-dokument li jrid jiġi nnotifikat, l-ispejjeż jitħallsu mid-debitur. L-ispejjeż relatati man-notifika permezz ta' reklamar fuq powsters iridu jitħallsu bil-quddiem mill-persuna li qed titlob in-notifika permezz ta' reklamar fuq powsters.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.